Sentenza tal
Karar Dilini Çevir:


SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
15 ta’ Lulju 2004 (*)
"Approssimazzjoni tal-liġijiet – Interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 28 KE u tad-Direttivi 1999/4/KE u 2000/13/KE – Validità tad-Direttiva 1999/4/KE – Ir-riklamar u l-ittikkettjar ta’ oġġetti ta’ l-ikel – Projbizzjoni ta’ referenzi għas-saħħa"
Fil-kawża C-239/02,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mir-Rechtbank van Koophandel te Hasselt (il-Belġju), fil-kawża pendenti quddiem dik il-qorti bejn
Douwe Egberts NV
u
Westrom Pharma NV,
Christophe Souranis, li jopera bl-isem kummerċjali "Établissements FICS",
u bejn
Douwe Egberts NV
u
FICS-World BVBA,
dwar l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 28 KE, dwar l-interpretazzjoni u l-validità ta’ l-Artikolu 2 tad-Direttiva 1999/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Frar 1999 li għandha x’taqsam ma’ l-estratti tal-kafè u l-estratti taċ-ċikwejra (ĠU L 66, p. 26), u dwar l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ [l-]20 [ta’] Marzu 2000 fuq l-approsimazzjoni ta’ liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ tikkettjar, preżentazzjoni u riklamar ta’ oġġetti ta’ l-ikel (ĠU L 109, p. 29),
 
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn C. W. A. Timmermans, President tat-Tieni Awla, J.-P. Puissochet, J. N. Cunha Rodrigues (Relatur), R. Schintgen u N. Colneric, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: L. A. Geelhoed,
Reġistratur: M.-F. Contet, Amministratur Prinċipali,
wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati bil-miktub:
– għal Douwe Egberts NV, minn G. Glas u A. Wilsens, advocaten,
– għal FICS-World BVBA, minn Y. Van Wallendael, advocaat,
– għall-Gvern Belġjan, minn A. Snoecx, bħala aġent,
– għall-Parlament Ewropew, minn A. Baas u M. Moore, bħala aġenti,
– għall-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea, minn E. Karlsson, bħala aġent,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn M. França u H. M. H. Speyart, bħala aġenti,
wara li rat ir-rapport għas-seduta,
wara li semgħet is-sottomissjonijiet orali ta’ Douwe Egberts NV, irrappreżentata minn T. Heremans, advocaat, ta’ FICS-World BVBA, irrappreżentata minn Y. Van Wallendael u M. Roosen, advocaat, tal-Gvern Belġjan irrappreżentat minn J. Devadderu u D. Haven, bħala aġenti, tal-Parlament, irrappreżentat minn A. Baas u M. Moore, tal-Kunsill, irrappreżentat minn E. Karlsson u B. Driessen, bħala aġent, u tal-Kummissjoni, irrappreżentata minn M.-J. Jonczy u A. Nijenhuis, bħala aġenti, fis-seduta tas-6 ta’ Novembru 2003,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-11 ta’ Diċembru 2003,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1       Permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Ġunju 2002, li waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fl-1 ta’ Lulju ta’ wara, ir-Rechtbank van Koophandel te Hasselt għamlet, skond l-Artikolu 234 KE, domandi għal deċiżjoni preliminari fuq l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 28 KE, fuq l-interpretazzjoni u l-validità ta’ l-Artikolu 2 tad-Direttiva 1999/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Frar 1999 li għandha x’taqsam ma’ l-estratti tal-kafè u l-estratti taċ-ċikwejra (ĠU L 66, p. 26), u fuq l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ [l-]20 [ta’] Marzu 2000 fuq l-approsimazzjoni ta’ liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ tikkettjar, preżentazzjoni u riklamar ta’ oġġetti ta’ l-ikel (ĠU L 109, p. 29).
2       Dawn id-domandi tqajmu fil-kuntest ta’ kawża li tirrigwarda t-tqegħid fis-suq Belġjan ta’ prodott bl-isem "DynaSvelte Café" taħt kundizzjonijiet li, skond il-kumpannija Douwe Egberts NV (iktar ’il quddiem "Douwe Egberts"), jmorru kontra dispożizzjonijiet nazzjonali dwar ir-riklamar u l-ittikkettjar ta’ oġġetti ta’ l-ikel.
 Il-kuntest ġuridiku
 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
3       Id-Direttiva 1999/4 tgħid fl-Artikolu 2 tagħha:
"Id-Direttiva 79/112/KEE għandha tapplika għall-prodotti ddefiniti fl-Anness bla ħsara għall-kondizzjonijiet li ġejjin:
a) l-ismijiet tal-prodotti elenkati fl-Anness għandhom japplikaw biss għall-prodotti imsemmija fih u għandhom jintużaw fil-kummerċ sabiex jiġu ddenominati. Dawn l-ismijiet għandhom jiġu ssupplimentati bil-kliem:
–       "paste" jew "fil-għamla ta’ paste"
jew
–       "likwidu" jew "fil-għamla likwida"
[...]"
4       L-Artikolu 3 ta’ l-istess direttiva jipprovdi:
"Għall-prodotti ddefiniti fl-Anness, l-Istati Membri ma għandhomx jadottaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali li m’hemmx provvediment għalihom f’din id-Direttiva."
5       Il-punt 1 ta’ l-Anness tad-Direttiva 1999/4, intitolat "L-Estratt tal-kafè, l-estratt tal-kafè li jinħall, il-kafè li jinħall jew il-kafè instantanju", jippreċiża, b’mod partikolari:
"il-prodott ikkonċentrat miksub b’estrazzjoni mill-kafena inkaljata bl-użu ta’ l-ilma biss bħala l-mezz ta’ l-estrazzjoni u jeskludi kull proċess ta’ idrolisi li jinvolvi ż-żieda ta’ aċidu jew ta’ bażi.
[...]
L-estratt tal-kafè fil-għamla solida jew paste ma għandu jkun fih l-ebda sustanza oħra għajr dwak idderivati mill-estrazzjoni tal-kafè. [...]"
6       Ir-raba’, il-ħames, is-sitt u t-tmien premessi tad-Direttiva 2000/13 jaqraw hekk:
"(4)      L-iskop ta’ din id-direttiva għandu jkun li tagħmel regoli ta’ natura ġenerali tal-Komunità applikabli orizzontalment għall-prodotti kollha ta’ l-ikel li jitqiegħdu fis-suq.
(5)       Regoli ta’ natura speċifika li japplikaw vertikalment għal ċerti prodotti partikolari biss għandhom jitniżżlu f’dispożizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ dawk il-prodotti.
(6)       Il-konsiderazzjoni primarja għal kwalunkwe regoli fuq [l-it]tikkettjar ta’ oġġetti ta’ l-ikel għandha tkun il-ħtieġa li tinforma u tipproteġi lill-konsumatur.
(8)      Tikkettjar dettaljat, b’mod partikolari jieħu in konsiderazzjoni n-natura eżatta u l-karatteristiċi tal-prodott li jħalli lill-konsumatur jagħmel l-għażla tiegħu waqt li jkun jaf il-fatti kollha, huwa l-aktar xieraq billi joħloq l-inqas ostakoli għal negozju ħieles."
7       L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/13, jipprovdi:
[L-it]tikkettjar u metodi użati ma jridux:
(a) ikunu tali li jqarrqu bix-xerrej għal grad materjali, partikolarment:
(i) għall-karatteristiċi tal-prodott ta’ l-ikel u, b’mod partikolari, għan-natura tiegħu, l-identità, il-kwalitajiet, il-kompożizzjoni, il-kwantità, iż-żmien li jżomm, l-oriġini jew il-provenjenza, il-metodu tal-manifattura jew tal-produzzjoni;
(ii) billi [j]attribwixx[u] lill-prodott ta’ l-ikel effetti jew kwalitajiet li ma jipposjedix;
(iii) billi [j]issuġerixx[u] li l-prodott ta’ l-ikel jipposjedi karatteristiċi speċjali meta infatti l-prodotti kollha ta’ l-ikel li huma simili jipposjedu karatteristiċi simili;
(b) soġġetti għad-dispożizzjonijiet tal-Komunità applikabli għall-ilma naturali minnerali [minerali] u oġġetti ta’ l-ikel għall-użu ta’ nutriment partikolari, jattribwixx[u] lil kwalunkwe prodott ta’ l-ikel il-kwalità li jipprevjeni, jittratta jew jikkura marda umana, jew jirrefer[u] għal kwalitajiet simili.
8       L-Artikolu 2(3)(b) ta’ din id-Direttiva jippreċiża li l-projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 japplikaw ukoll għar-riklamar.
9       Skond l-Artikolu 3(1), ta’ l-istess Direttiva:
"Skond l-Artikoli 4 sa 17 u soġġett għal[l-]eċċezzjonijiet li fihom, indikazzjoni tal-partiklolaritajiet li ġejjin biss ikunu obbligatorji fuq [l-it]tikkettjar [ta’ l-] oġġetti ta’ l-ikel.
 l-isem li taħtu jiġi mibjugħ il-prodott;
[...]"
10     Skond l-Artikolu 5 ta’ l-imsemmija Direttiva:
"1. L-isem li taħtu jinbiegħ prodott ta’ l-ikel ikun l-isem ipprovdut fid-dispożizzjoni tal-Komunità applikab[b]li għalih.
[...]
2. Ebda karatteristika tipika ta’ negozju, isem tad-ditta jew isem ‘fancy’ ma jistgħu jiġu ssostitwiti għall-isem li taħtu jinbiegħ il-prodott.
[…]"
11     Skond l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2000/13:
"1. L-Istati Membri ma jistgħux jipprojbixxu n-negozju f[‘]oġġetti ta’ l-ikel li josservaw ir-regoli mniżżla f’din id-Direttiva bl-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li mhux armonizzati li għandhom x’jaqsmu ma tikkettjar u l-preżentazzjoni ta’ ċerti oġġetti ta’ l-ikel jew ta’ oġġetti ta’ l-ikel in ġenerali.
2. Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għal dispożizzjonijiet nazzjonali li mhux armonizzati fuq bażi ta’:
–       protezzjoni tas-saħħa pubblika,
–       prevenzjoni ta’ frodi, sakemm dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jimpedixxu l-applikazzjoni tad-definizzjonijiet u regoli stabbiliti b’din id-Direttiva.
–       protezzjoni ta’ drittijiet industrijali u intelletwali, indikazzjonijiet ta’ provenjenza, deżinjazzjoni ta’ oriġini rreġistrata, u prevenzjoni ta’ konkorrenza żleali."
 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
12     L-Artikolu 1 tad-Digriet Irjali tal-5 ta’ Marzu 1987, dwar il-kafé u s-sustanzi li jintużaw flok il-kafé (Moniteur belge tat-12 ta’ Ġunju 1987, p. 9035), b’mod partikolari jipprovdi:
"Għall-finijiet ta’ dan id-Digriet:
1. "kafè" tfisser kafena (varjetajiet ta’ l-ispeċi Coffea) imnaddfa u nkaljata b’mod xieraq; [...]"
13     L-Artikolu 3(1), ta’ dan id-Digriet Irjali juża s-segwenti kliem:
"Meta jitqiegħdu fis-suq, l-oġġetti ta’ l-ikel imsemmija fl-Artikolu 1 jistgħu biss u għandhom jingħataw wieħed mill-ismijiet li jikkorrispondu mad-definizzjoni tagħhom f’dan l-artikolu."
14     Id-Digriet Irjali tas-17 ta’ April 1980, dwar ir-riklamar ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel (Moniteur belge tas-6 ta’ Mejju 1980, p. 5476), jipprovdi fl-Artikolu 2 tiegħu:
"Fir-riklamar ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel, huwa pprojbit li jintużaw:
[…]
3. referenzi għall-effett li titnaqqas il-ħxuna;
[…]
7. referenzi għal rakkomandazzjonijiet, attestazzjonijiet, dikjarazzjonijiet jew pariri mediċi jew għal dikjarazzjonijiet ta’ approvazzjoni, ħlief fejn jingħad li prodott ta’ l-ikel ma jistax jiġi kkunsmat kontra parir mediku; […]"
 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
15     Douwe Egberts tipproduċi u tikkummerċjalizza kafè fis-suq Belġjan bit-trademark "Douwe Egberts". Hija tikkontesta bil-qorti t-tqegħid fis-suq ta’ prodott imsemmi "DynaSvelte Café", manifatturat minn Westrom Pharma NV u distribwit sal-31 ta’ Diċembru 2001 inkluż, mis-Sur Souranis, li jopera bl-isem kummerċjali "Établissements FICS", u, mill-1 ta’ Jannar 2002, minn FICS-World BVBA.
16     Douwe Egberts issostni, fil-kuntest ta’ proċedura sommarja quddiem ir-Rechtbank van Koophandel, li l-indikazzjonijiet li jidhru fuq il-vażett, l-imballaġġ u fl-istruzzjonijiet għall-użu ta’ dan il-prodott, jiġifieri "l-innovazzjoni assoluta fil-kontroll tal-piż", "tnaqqis tal-ħxuna, kontroll aħjar tal-piż, tnaqqis ta’ akkumulazzjoni eċċessiva tax-xaħmijiet" u "l-formola li għandha privattiva fl-Istati Uniti żviluppata minn Dr Ann de Wees Allen tal-Glycemie Research Institute", jiksru diversi dispożizzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali dwar ir-riklamar u l-ittikkettjar ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel.
17     Billi qieset li l-eżitu tal-kawża kien jiddependi mill-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju u mill-evalwazzjoni tal-validità tad-Direttiva 1999/4, ir-Rechtbank van Koophandel te Hasselt iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel is-segwenti domandi għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:
"1)       L-Artikolu 2 tad-Direttiva 1999/4/KE [...] għandu jiġi interpretat fis-sens li fir-rigward tal-prodotti msemmija fl-Anness ta’ dik id-Direttiva, jistgħu jintużaw biss id-deskrizzjonijiet tal-bejgħ imsemmija fih, mingħajr ma jistgħu jiġu miżjuda ma’ dawn id-deskrizzjonijiet tal-bejgħ, deskrizzjonijiet oħra (bħal isem kummerċjali jew wieħed fancy), jew għandu jiġi interpretat fis-sens li d-deskrizzjonijiet tal-bejgħ imsemmija fl-Anness tad-Direttiva jistgħu jintużaw biss għall-prodotti msemmija f’dan l-Anness, iżda ħdejn dawk id-deskrizzjonijiet tal-bejgħ jistgħu jintużaw ukoll deskrizzjonijiet oħra (bħal isem kummerċjali jew wieħed fancy)?
2)      Jekk il-Qorti [...] tkun ta’ l-opinjoni li l-Artikolu 2 tad-Direttiva 1999/4/KE [...] għandu jiġi interpretat fis-sens li għall-prodotti msemmija fl-Anness ta’ din id-Direttiva, jistgħu jintużaw biss id-deskrizzjonijiet tal-bejgħ imsemmija fih, u ħdejn dawk id-deskrizzjonijiet, ma jistgħux jintużaw deskrizzjonijiet oħra (bħal isem kummerċjali jew wieħed fancy), allura ma jsegwix li din id-Direttiva tmur kontra l-Artikolu 28 tat-Trattat KE li jipprojbixxi r-restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni u kull miżura li għandha effett ekwivalenti bejn l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea ġaladarba, għall-prodotti li jissodisfaw id-definizzjoni ta’ l-estratti tal-kafé fl-anness tagħha, din id-Direttiva, interpretata b’dan il-mod:
–       teskudi l-użu ta’ deskrizzjonijiet oħra barra minn ‘l-estratt tal-kafè’ jew ‘il-kafè instantanju’, bħad-deskrizzjoni ‘kafè’;
–       b’hekk tirriżerva l-użu tad-deskrizzjoni ‘kafé’ għal forma waħda biss ta’ ‘kafé’, jiġifieri l-kafena;
–       u b’hekk tipproteġi b’mod artifiċjali s-suq tal-kafé minn prodotti li jikkompetu miegħu li jikkostitwixxu forom ta’ kafé differenti mill-kafena, bħal, fost l-oħrajn, l-estratti tal-kafè u l-kafè instantanju?
3)      L-Artikolu 18(1) u l-Artikolu 18(2) tad-Direttiva 2000/13/KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-ittikkettjar u l-preżentazzjoni ta’ oġġetti ta’ l-ikel kif ukoll ir-riklamar magħmul fir-rigward tagħhom li jipprojbixxu ċerti indikazzjonijiet bħar-'referenzi għall-effett li titnaqqas il-ħxuna’, u r-'referenzi għal rakkomandazzjonijiet, attestazzjonijiet, dikjarazzjonijiet jew pariri mediċi jew għal dikjarazzjonijiet ta’ approvazzjoni’ fl-ittikkettjar u/jew il-preżentazzjoni ta’ oġġetti ta’ l-ikel u/jew ir-riklamar magħmul fir-rigward tagħhom, meta d-Direttiva ma tipprojbixxix dawn l-indikazzjonijiet, jikkostitwixxu vjolazzjoni ta’ din id-Direttiva meta jitqies il-fatt li t-tmien premessa tagħha tafferma li l-aktar ittikkettjar xieraq huwa dak li joħloq l-inqas ostakoli għan-negozju ħieles, u li għalhekk dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali ma jistgħux jiġu applikati?
4)      L-Artikolu 18(2) tad-Direttiva 2000/13/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li t-terminu ‘protezzjoni tas-saħħa pubblika’ għandu jinftiehem li jinkludi d-dispożizzjonijiet nazzjonali mhux armonizzati dwar l-ittikkettjar u l-preżentazzjoni ta’ ċerti oġġetti ta’ l-ikel kif ukoll ir-riklamar tagħhom, li jipprojbixxu ċerti indikazzjonijiet bħar-'referenzi għall-effett li titnaqqas il-ħxuna’, u r-'referenzi għal rakkomandazzjonijiet, attestazzjonijiet, dikjarazzjonijiet jew pariri mediċi jew għal dikjarazzjonijiet ta’ approvazzjoni’?
5)      L-Artikolu 28 tat-Trattat KE, għandu jiġi interpretat fis-sens li dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-ittikkettjar u l-preżentazzjoni ta’ ċerti oġġetti ta’ l-ikel kif ukoll ir-riklamar tagħhom li mhumiex armonizzati fuq livell Ewropew u li jidderogaw mid-Direttiva 2000/13/KE inkwantu jipprojbixxu ċerti indikazzjonijiet fl-ittikkettjar u/jew il-preżentazzjoni u/jew ir-riklamar bħar-’referenzi għall-effett li titnaqqas il-ħxuna’, u r-’referenzi għal rakkomandazzjonijiet, attestazzjonijiet, dikjarazzjonijiet jew pariri mediċi jew għal dikjarazzjonijiet ta’ approvazzjoni’ għandhom jiġu kkunsidrati bħala miżuri li għandhom effett ekwivalenti u/jew bħala restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni bejn l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea, inkwantu dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali:
–       minn naħa, jimponu piż addizzjonali fuq l-importazzjoni ta’ oġġetti ta’ l-ikel sabiex dawn ikunu konformi mal-leġiżlazzjoni nazzjonali u b’hekk joħolqu ostakoli għall-kummerċ bejn l-Istati Membri,
u
–       min-naħa l-oħra, ma japplikawx għall-operaturi kollha kkonċernati li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fuq it-territorju nazzjonali, fis-sens li jeżistu prodotti simili għall-aħħar (bħalma huma l-prodotti kosmetiċi) li għalihom ma japplikawx dawk id-dispożizzjonijiet, u lanqas xi dispożizzjoni ekwivalenti, u li dawn id-dispożizzjonijiet ma jistgħux jiġu applikati mill-qorti nazzjonali?"
 Osservazzjonijiet preliminari
18     Il-Gvern Belġjan, il-Parlament u l-Kunsill qajmu dubji dwar in-natura tal-prodott "DynaSvelte Café", li jista’ jostakola l-applikabiltà f’dan il-każ tad-Direttiva 1999/4. Minn naħa tagħha, il-Kummissjoni tenfasizza li, jekk dan il-prodott mhuwiex oġġett ta’ l-ikel ikkunsmat komunement iżda oġġett ta’ l-ikel destinat għal alimentazzjoni partikolari, dan ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/13/KE.
19     Jeħtieġ li jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali istitwita mill-Artikolu 234 KE, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha qed tinstema’ l-kawża u li trid terfa’ r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li tingħata sussegwentement, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun tista’ taqta’ s-sentenza kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija ssaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra, C-379/98, Ġabra p. I-2099, punt 38, u tal-5 ta’ Ġunju 2003, Design Concept, C-438/01, Ġabra p. I-5617, punt 14).
20     F’din il-kawża, hemm lok li tingħata risposta għad-domandi magħmula billi din il-Qorti tistrieħ fuq il-premessa li fuqha tibbaża ruħha l-qorti tar-rinviju, jiġifieri li l-prodott "DynaSvelte Café" huwa oġġett ta’ l-ikel ikkunsmat komunement u li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 1999/4.
 Fuq l-ewwel domanda
21     Permezz ta’ l-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, meta jiġu kkummerċjalizzati l-prodotti msemmija fl-Anness tad-Direttiva 1999/4, jistgħu jintużaw biss id-deskrizzjonijiet tal-bejgħ imsemmija fih, jew jekk ħdejn id-deskrizzjonijiet tal-bejgħ, jistgħux jintużaw deskrizzjonijiet oħra, bħal isem kummerċjali jew wieħed fancy.
22     Jeħtieġ li mill-bidu jingħad li d-Direttiva 2000/13/KE tistabbilixxi regoli ta’ natura ġenerali jew orizzontali, applikabbli għall-oġġetti ta’ l-ikel kollha, filwaqt li dispożizzjonijiet ta’ natura speċifika u vertikali, li jkopru biss l-estratti tal-kafè u l-estratti taċ-ċikwejra, ġew adottati mid-Direttiva 1999/4.
23     F’dan il-kuntest, id-Direttiva 1999/4 hija direttiva settorjali, skond is-sens tal-ħames premessa tad-Direttiva 2000/13/KE, u trid tiġi interpretata fid-dawl ta’ din ta’ l-aħħar.
24     Skond l-Artikolu 2(a), tad-Direttiva 1999/4, "l-ismijiet tal-prodotti elenkati fl-Anness għandhom japplikaw biss għall-prodotti msemmija fih u għandhom jintużaw fil-kummerċ sabiex jiġu ddenominati".
25     Minn naħa jirriżulta li d-deskrizzjonijiet tal-bejgħ, b’mod partikolari "l-estratt tal-kafè", "l-estratt tal-kafè li jinħall", "il-kafè li jinħall" u "l-kafè instantanju", jistgħu jintużaw biss għat-tqegħid fis-suq tal-prodotti li għalihom tapplika d-Direttiva 1999/4 u, min-naħa l-oħra, li tali użu huwa obbligatorju.
26     Minbarra dan, kif ippreċiżaw il-Parlament u l-Kummissjoni, l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/13/KE jelenka l-indikazzjonijiet li jridu jidhru b’mod obbligatorju fl-ittikkettjar ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel, li jinkludu d-deskrizzjoni tal-bejgħ ("l-isem li taħtu jiġi mibjugħ il-prodott"), mingħajr ma huwa eskluż l-użu ta’ indikazzjonijiet oħra.
27     Minbarra dan, l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2000/13 jipprovdi li "ebda [trademark...] jew isem [kummerċjali] jew isem ‘fancy’ ma jistgħu jiġu ssostitwiti għall-isem li taħtu jinbiegħ il-prodott", mingħajr ma fl-istess ħin jipprojbixxi l-użu simultanju tagħhom.
28     Għalhekk, l-Artikolu 2 tad-Direttiva 1999/4 ma jipprojbixxix li jidher isem fancy jew trademark, ħdejn id-deskrizzjoni tal-bejgħ obbligatorja. Projbizzjoni bħal din tillimita l-informazzjoni tal-konsumaturi fuq il-karatteristiċi tal-prodotti in kwistjoni fil-kawża prinċipali u tmur kontra wieħed mill-iskopijiet imsemmija fis-sitt premessa tad-Direttiva 2000/13/KE.
29     Għalhekk, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 2 tad-Direttiva 1999/4 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta jiġu kkummerċjalizzati l-prodotti msemmija fl-Anness ta’ din id-Direttiva, mhuwiex eskluż li jintużaw deskrizzjonijiet oħra bħal isem kummerċjali jew wieħed ‘fancy’, ħdejn id-deskrizzjonijiet tal-bejgħ.
 Fuq it-tieni domanda
30     Id-domanda dwar il-validità ta’ l-Artikolu 2 tad-Direttiva 1999/4 tqajmet mill-qorti tar-rinviju biss għall-eventwalità li, fir-risposta għall-ewwel domanda, il-Qorti tal-Ġustizzja tinterpretah fis-sens li dan jipprojbixxi, għall-prodotti msemmija fl-Anness ta’ din id-direttiva, l-użu ta’ deskrizzjonijiet oħra ħdejn id-deskrizzjonijiet tal-bejgħ.
31     Fid-dawl tar-risposta għall-ewwel domanda, m’hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.
 Fuq it-tielet, ir-raba’ u l-ħames domandi
32     Permezz tad-domandi tagħha, li jeħtieġ li jiġu eżaminati flimkien, il-Qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 28 KE kif ukoll l-Artikolu 18(1) u (2) tad-Direttiva 2000/13 jipprojbixxux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi r-referenzi għall-"effett li titnaqqas il-ħxuna" u għal "rakkomandazzjonijiet, attestazzjonijiet, dikjarazzjonijiet jew pariri mediċi jew għal dikjarazzjonijiet ta’ approvazzjoni" fl-ittikkettjar, fil-preżentazzjoni u fir-riklamar ta’ oġġetti ta’ l-ikel.
33     Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li d-Digriet Irjali tas-17 ta’ April 1980 jipprojbixxi l-użu ta’ l-indikazzjonijiet in kwistjoni mhux biss fir-riklamar ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel, iżda wkoll fl-ittikkettjar tagħhom.
34     Issa, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tat-12 ta’ Diċembru 1990, SARPP (C-241/89, Ġabra p. I-4695, punt 15), id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar l-ittikkettjar ivarjaw fuq punt kruċjali minn dawk dwar ir-riklamar. Minħabba n-natura ġenerali u orizzontali tagħha, id-Direttiva tippermetti lill-Istati Membri li jżommu fis-seħħ jew li jadottaw regoli li jiżdiedu ma’ dawk li joħorġu minnha. F’dak li jirrigwarda l-ittikkettjar, il-limiti tal-kompetenza b’hekk mogħtija lill-Istati Membri huma ddefiniti mid-Direttiva stess, peress li hija telenka b’mod li eżawrjenti, fl-Artikolu 18(2), ir-raġunijiet li jistgħu jiġġustifikaw l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali mhux armonizzati li jipprojbixxu n-negozju f’oġġetti li huma konformi mar-regoli tad-Direttiva. Iżda, l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2000/13/KE mhuwiex applikabbli għar-riklamar. Konsegwentement, il-kwistjoni jekk, f’dan il-qasam, id-dritt Komunitarju jipprojbixxix l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tiżdied mar-regoli previsti mid-Direttiva trid tiġi eżaminata fid-dawl, b’mod partikolari, tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-merkanzija u, b’mod partikolari, ta’ l-Artikoli 28 KE u 30 KE.
35     Għalhekk l-aspetti tal-leġiżlazzjoni nazzjonali in kwistjoni dwar, minn naħa, l-ittikkettjar u, min-naħa l-oħra, ir-riklamar ta’ oġġetti ta’ l-ikel għandhom jiġu eżaminati separatament.
Fuq l-ittikkettjar ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel
36     L-Artikolu 2(1)(a) u (b) tad-Direttiva 2000/13/KE jipprojbixxi kull indikazzjoni dwar mard tal-bniedem, indipendentement mill-fatt jekk din tistax tqarraq bil-konsumatur jew le, kif ukoll indikazzjonijiet li, filwaqt li ma jinkludu ebda referenza għall-mard iżda pjuttost, per eżempju, għas-saħħa, ikunu qarrieqa (ara s-sentenzi tat-23 ta’ Jannar 2003, il-Kummissjoni vs l-Awstrija, C-221/00, Ġabra p. I-1007, punt 35, u Sterbenz u Haug, C-421/00, C-426/00 u C-16/01, Ġabra p. I-1065, punt 28).
37     Minbarra dan, l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2000/13/KE jipprojbixxi lill-Istati Membri milli jieħdu miżuri li jipprojbixxu n-negozju f’oġġetti ta’ l-ikel li huma konformi mar-regoli ta’ din id-Direttiva.
38     Jirriżulta minn dak li ntqal li l-oġġetti ta’ l-ikel li jkollhom tikketti li jinkludu indikazzjonijiet li ma jqarrqux dwar is-saħħa għandhom jiġu kkunsidrati bħala konformi mar-regoli tad-Direttiva 2000/13/KE, u l-Istati Membri ma jistgħux jipprojbixxu t-tqegħid tagħhom fis-suq abbażi ta’ motivi dwar l-irregolarità eventwali ta’ dak l-ittikkettjar (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, il-Kummissjoni vs l-Awstrija, punt 37, u Sterbenz u Haug, punt 30).
39     Kif intqal fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, id-Direttiva 2000/13/KE tippermetti, madankollu, lill-Istati Membri li japplikaw dispożizzjonijiet nazzjonali mhux armonizzati li jipprojbixxu n-negozju f’oġġetti ta’ l-ikel li huma konformi mar-regoli ta’ din id-direttiva, meta jkunu ġġustifikati skond l-Artikolu 18(2), mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu evalwati fid-dawl ta’ l-Artikoli 28 KE u 30 KE. Fost ir-raġunijiet li huma elenkati hemm hekk tidher, b’mod partikolari, il-protezzjoni tas-saħħa pubblika u tal-konsumaturi.
40     Fejn id-dispożizzjonijiet in kwistjoni tad-Digriet Irjali tas-17 ta’ April 1980 jipprojbixxu b’mod assolut ir-referenzi għall-"effett li titnaqqas il-ħxuna" u għal "rakkomandazzjonijiet, attestazzjonijiet, dikjarazzjonijiet jew pariri mediċi jew għal dikjarazzjonijiet ta’ approvazzjoni" indipendentement mill-probabbiltà tagħhom li jqarrqu bil-konsumatur u sakemm dawn ma jirreferux għall-mard tal-bniedem, huma għandhom jiġu kkunsidrati bħala dispożizzjonijiet nazzjonali mhux armonizzati, li l-kompatibilità tagħhom mad-dritt Komunitarju tiddependi mill-motivi li fuqhom huma bbażati u mir-rispett tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.
41     Għalkemm l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/13/KE jipprojbixxi, minn naħa, l-indikazzjonijiet kollha dwar il-prevenzjoni, it-trattament u l-kura ta’ marda tal-bniedem, anki jekk mhumiex ta’ natura li jqarrqu bix-xerrej, u, min-naħa l-oħra, l-indikazzjonijiet qarrieqa li jirreferu għas-saħħa, għandu jiġi kkonstatat li l-protezzjoni tas-saħħa pubblika, jekk wieħed jassumi li f’sitwazzjoni partikolari xi riskji konnessi magħha huma madankollu possibbli, ma tistax tiġġustifika sistema daqstant restrittiva tal-moviment liberu tal-merkanzija bħal dik li tirriżulta mill-leġiżlazzjoni nazzjonali in kwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq il-Kummissjoni vs l-Awstrija, punt 48, u Sterbenz u Haug, punt 37).
42     Fil-fatt, jeżistu miżuri anqas restrittivi sabiex jiġu evitati riskji residwali għas-saħħa bħal dawn, fosthom, b’mod partikolari, l-obbligu għall-manifattur jew id-distributur tal-prodott in kwistjoni li jforni, f’każ ta’ dubju, il-prova tal-preċiżjoni tad-data msemmija fuq it-tikketta (ara s-sentenzi tat-28 ta’ Jannar 1999, Unilever, C-77/97, Ġabra p. I-431, punt 35, u Sterbenz u Haug, iċċitata ikta ’il fuq, punt 38).
43     Projbizzjoni assoluta ta’ l-inklużjoni fit-tikketti ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel, ta’ ċerti indikazzjonijiet dwar l-effett li titnaqqas il-ħxuna jew għal rakkomandazzjonijiet mediċi mingħajr ma jsir eżami, każ b’każ, tal-kapaċità effettiva tagħhom li jqarrqu bix-xerrej, ikollha bħala konsegwenza li l-oġġetti ta’ l-ikel li jkollhom dawn l-indikazzjonijiet ma jkunux jistgħu jiġu kkummerċjalizzati liberament fil-Belġju, anki fejn ma jkunux qarrieqa.
44     Miżura bħal din teċċedi dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-iskop tal- protezzjoni tal-konsumaturi kontra l-frodi u għalhekk mhijiex iġġustifikata skond l-Artikolu 18(2) tad-Direttiva 2000/13/KE.
45     Minbarra dan, fil-każijiet fejn l-indikazzjonijiet in kwistjoni huma xjentifikament fondati, huma jagħtu lill-konsumaturi informazzjoni rilevanti, li tista’ twassalhom speċifikament biex jixtru u jikkunsmaw il-prodott jew biex jiddiswadu ruħhom milli jixtruh.
46     Fl-aħħar nett, għal dak li jirrigwarda d-diffikultà eventwali li tiġi stabbilita, f’ċerti każijiet, in-natura qarrieqa ta’ ċerti indikazzjonijiet, jeħtieġ li jiġi mfakkar li huwa l-kompitu tal-qrati nazzjonali, fis-sitwazzjonijiet kollha ta’ dubju, li jieħdu pożizzjoni billi jieħdu in kunsiderazzjoni l-aspetattivi preżunti tal-konsumatur medju, li jkun normalment infurmat u raġonevolment attent u prudenti (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ta’ l-4 ta’ April 2000, Darbo, C-465/98, Ġabra p. I-2297, point 20, u Sterbenz u Haug, ċitata, punt 43).
47     Għalhekk ir-risposta għat-tielet, ir-raba’ u l-ħames domandi magħmula, f’dak li jirrigwarda l-ittikkettjar ta’ oġġetti ta’ l-ikel, għandha tkun li l-Artikolu 18(1) u (2) tad-Direttiva 2000/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprojbixxi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik in kwistjoni, li tipprojbixxi, fl-ittikkettjar u fil-preżentazzjoni ta’ oġġetti ta’ l-ikel, ir-referenzi għall-"effett li titnaqqas il-ħxuna" u għal "rakkomandazzjonijiet, attestazzjonijiet, dikjarazzjonijiet jew pariri mediċi jew għal dikjarazzjonijiet ta’ approvazzjoni".
Fuq ir-riklamar ta’ oġġetti ta’ l-ikel
48     Għal dak li jirrigwarda l-aspetti tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar ir-riklamar ta’ oġġetti ta’ l-ikel, hemm lok li jingħad li, minn naħa, din il-leġiżlazzjoni hija identika għal dik li tirreferi għall-ittikkettjar u li, min-naħa l-oħra, id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 2(1), tad-Direttiva 2000/13/KE applikabbli għall-ittikkettjar huma, skond l-Artikolu 2(3)(b) tagħha, applikabbli wkoll għar-riklamar.
49     F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl ta’ dak li ġie kkonstatat fil-punti 36 u 40 ta’ din is-sentenza, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li l-projbizzjoni assoluta tar-referenzi għall-"effett li titnaqqas il-ħxuna" u għal "rakkomandazzjonijiet, attestazzjonijiet, dikjarazzjonijiet jew pariri mediċi jew għal dikjarazzjonijiet ta’ approvazzjoni", fir-riklamar ta’ oġġetti ta’ l-ikel, tikkostitwixxi dispożizzjoni mhux armonizzata mid-Direttiva 2000/13/KE.
50     Il-moviment liberu tal-merkanzija bejn l-Istati Membri huwa prinċipju fundamentali tat-Trattat KE li huwa rifless fil-projbizzjoni, li toħroġ mill-Artikolu 28 KE, tar-restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni bejn l-Istati Membri kif ukoll ta’ kull miżura li għandha effett ekwivalenti.
51     Kif diġà ġie deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex dispożizzjonijiet nazzjonali li jillimitaw jew jipprojbixxu ċerti modalitajiet ta’ bejgħ ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 28 KE, huma m’għandhomx ikunu ta’ natura li jimpedixxu l-aċċess għas-suq lil prodotti provenjenti minn Stat Membru ieħor jew li jostakolaw l-aċċess aktar milli jostakolawh lill-prodotti nazzjonali (sentenza ta’ l-24 ta’ Novembru 1993, Keck u Mithouard, C-267/91 u C-268/91, Ġabra p. I-6097, punt 17).
52     Issa, jeħtieġ li jingħad li l-oġġetti ta’ l-ikel manifatturati legalment u kkummerċjalizzati fl-Istati Membri l-oħra fejn, b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/13/KE, l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa li ma jkunux qarrieqa jistgħu jissemmew, ikollhom aċċess limitat għas-suq Belġjan. Fil-fatt, ma tistax tiġi eskluża l-possibbiltà li l-fatt, għal operatur ikkonċernat, li jiġi mġiegħel iwaqqaf sistema ta’ riklamar li huwa jqis partikolarment effettiva jista’ jikkostitwixxi ostakolu għall-importazzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza SARPP, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29).
53     Minbarra dan, projbizzjoni assoluta tar-riklamar fuq il-karatteristiċi ta’ prodott hija ta’ natura li tostakola l-aċċess għas-suq ta’ prodotti ġodda li joriġinaw minn Stati Membri oħra aktar milli tostakolah għall-prodotti nazzjonali, li magħhom il-konsumatur huwa aktar familjari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Marzu 2001, Gourmet International Products, C-405/98, Ġabra p. I-1795, punt 21).
54     Għalhekk, il-projbizzjoni li toħroġ mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tikkostitwixxi ostakolu għall-kummerċ intrakomunitarju li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 28 KE.
55     Ostakolu bħal dan ma jistax jiġi ġġustifikat ħlief minn waħda mir-raġunijiet ta’ interess pubbliku elenkati fl-Artikolu 30 KE, li fosthom tidher il-protezzjoni tas-saħħa u l-ħajja ta’ persuni, jew minn waħda mill-ħtiġijiet mandatorji bil-għan, fost l-oħrajn, tal-protezzjoni tal-konsumaturi. Huwa għandu, ukoll, ikun xieraq sabiex jiggarantixxi t-twettiq ta’ l-iskop li huwa jrid jilħaq u m’għandux imur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jilħqu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Lulju 1997, De Agostini u TV-Shop, C-34/95 sa C-36/95, Ġabra p. I‑3843, punt 45).
56     Ir-raġunijiet invokati sabiex jiġu ġġustifikati l-aspetti tal-leġiżlazzjoni nazzjonali in kwistjoni dwar ir-riklamar għandhom skop identiku għal dawk mogħtija sabiex jiġu ġġustifikati l-aspetti ta’ din il-leġiżlazzjoni dwar l-ittikkettjar, jiġifieri l-protezzjoni tas-saħħa tal-persuni u l-prevenzjoni tal-frodi. Għall-motivi indikati fil-punti 41 sa 46 ta’ din is-sentenza, dawk l-argumenti ma jistgħux jintlaqgħu.
57     Madankollu, u għall-kuntrarju tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li, fir-rigward ta’ l-ittikkettjar, tmur kontra d-Direttiva 2000/13/KE u li ma tista’ tapplika la għall-oġġetti ta’ l-ikel importati u lanqas għall-oġġetti ta’ l-ikel lokali, meta leġiżlazzjoni nazzjonali fir-rigward ta’ riklamar tmur kontra l-Artikoli 28 KE u 30 KE, l-applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni hija pprojbita biss f’dak li jirrigwarda l-prodotti importati u mhux il-prodotti lokali (sentenza SARPP, ċitata, punt 16).
58     Peress li jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-kawża prinċipali ma tikkonċernax oġġetti ta’ l-ikel importati, hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika b’liema mod u safejn id-dritt nazzjonali jimponi li operatur ekonomiku nazzjonali għandu jibbenefika mill-istess drittijiet bħal dawk li operatur ekonomiku ta’ Stat Membru ieħor jingħata mid-dritt Komunitarju fl-istess sitwazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2000, Guimont, C-448/98, Ġabra p. I‑10663, punt 23).
59     Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta għat-tielet, ir-raba’ u l-ħames domandi magħmula, għal dak li jirrigwarda r-riklamar ta’ oġġetti ta’ l-ikel, għandha tikun li l-Artikoli 28 KE u 30 KE għandom jiġu interpretati fis-sens li jipprojbixxu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi, fir-riklamar ta’ oġġetti ta’ l-ikel importati minn Stati Membri oħra, ir-referenzi għall-"effett li titnaqqas il-ħxuna" u għal "rakkomandazzjonijiet, attestazzjonijiet, dikjarazzjonijiet jew pariri mediċi jew għal dikjarazzjonijiet ta’ approvazzjoni".
 Fuq l-ispejjeż
60     L-ispejjeż sostnuti mill-Gvern Belġjan, mill-Parlament, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni, li ssottomettew osservazzjonijet lill-Qorti, ma jistgħux jitħallsu lura. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.
Għal dawn ir-raġunijiet,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
b’risposta għad-domandi magħmula lilha mir-Rechtbank van Koophandel te Hasselt permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Ġunju 2002, taqta’ u tiddeċiedi:
1)      L-Artikolu 2 tad-Direttiva 1999/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Frar 1999 li għandha x’taqsam ma’ l-estratti tal-kafè u l-estratti taċ-ċikwejra, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta jiġu kkummerċjalizzati l-prodotti msemmija fl-Anness ta’ din id-Direttiva, mhuwiex eskluż li jintużaw deskrizzjonijiet oħra bħal isem kummerċjali jew wieħed ‘fancy’, ħdejn id-deskrizzjonijiet tal-bejgħ.
2)      L-Artikolu 18(1) u (2) tad-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ [l-]20 [ta’] Marzu 2000 fuq l-approssimazzjoni ta’ liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ tikkettjar, preżentazzjoni u riklamar ta’ oġġetti ta’ l-ikel, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprojbixxi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik in kwistjoni, li tipprojbixxi, fl-ittikkettjar u fil-preżentazzjoni ta’ oġġetti ta’ l-ikel, ir-referenzi għall-"effett li titnaqqas il-ħxuna" u għal "rakkomandazzjonijiet, attestazzjonijiet, dikjarazzjonijiet jew pariri mediċi jew għal dikjarazzjonijiet ta’ approvazzjoni".
3)      L-Artikoli 28 KE u 30 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprojbixxu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi, fir-riklamar ta’ oġġetti ta’ l-ikel importati minn Stati Membri oħra, ir-referenzi għall-"effett li titnaqqas il-ħxuna" u għal "rakkomandazzjonijiet, attestazzjonijiet, dikjarazzjonijiet jew pariri mediċi jew għal dikjarazzjonijiet ta’ approvazzjoni".
Timmermans
Puissochet
Cunha Rodrigues
Schintgen
 
Colneric
Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fil-15 ta’ Lulju 2004.
R. Grass  
C. W. A. Timmermans
Reġistratur  
Il-President tat-Tieni Awla
* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż. Top

Full & Egal Universal Law Academy