EUR-Lex -  62018TN0071 - MT
Karar Dilini Çevir:
EUR-Lex -  62018TN0071 - MT

26.3.2018   
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 112/45

Rikors ippreżentat fit-8 ta’ Frar 2018 – L-Italja vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-71/18)
(2018/C 112/58)
Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet
Rikorrenti: Ir-Repubblika Taljana (rappreżentanti: G. Palmieri, aġent u P. Gentili, avvocato dello Stato)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

Tannulla l-avviż ta’ kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/339/17 – Amministraturi (AD 7) fl-oqsma li ġejjin: 1. Ekonomija finanzjarja, 2. Makroekonomija; ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tas-16 ta’ Novembru 2017, Nru 386 A.

Tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka seba’ motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 263, 264 u 266 TFUE, sa fejn il-Kummissjoni ma mxietx mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-566/10 P, kif ukoll mas-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawżi magħquda T-124/13 u T-191/31, li jiddikjaraw illeġittimi l-avviżi li, bħala lingwi li l-kandidati fil-kompetizzjonijiet ġenerali jistgħu jindikaw bħala Lingwa 2, jillimitaw l-għażla għall-Ingliż, il-Franċiż u l-Ġermaniż biss.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 342 TFUE, kif ukoll tal-Artikoli 1 u 6 tar-Regolament (KEE) Nru 1/58, li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 3)
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 12 KE, li issa huwa l-Artikolu 18 TFUE, tal-Artikolu 22 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni, tal-Artikolu 6(3) UE, tal-Artikolu 1(2) u (3) tal-Anness III għar-Regolamenti tal-Persunal, tal-Artikolu 1d(1) u (6), u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 27 kif ukoll tal-Artikolu 28(f) tar-Regolamenti tal-Persunal, sa fejn id-dispożizzjonijiet imsemmija jipprojbixxu li jiġi impost fuq iċ-ċittadini Ewropej u fuq l-istess uffiċjali tal-istituzzjonijiet restrizzjonijiet lingwistiċi li ma humiex previsti b’mod ġenerali u oġġettiv mir-regolamenti interni tal-istituzzjonijiet ikkontemplati fl-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1/58, u li sa issa ma humiex adottati, u jipprojbixxu l-introduzzjoni ta’ tali limitazzjonijiet fl-assenza ta’ interess tas-servizz speċifiku u motivat.
4.
Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 6(3) UE, sa fejn jistabbilixxi l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi bħala dritt fundamentali li jirriżulta mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri.
5.
Il-ħames motiv, ibbażat fuq l-eżistenza, f’din il-kawża, ta’ użu ħażin ta’ poter u l-ksur tar-regoli sostantivi inerenti għan-natura u għall-għan tal-avviżi ta’ kompetizzjoni, sa fejn, billi rrestrinġiet b’mod preventiv u b’mod ġeneralizzat l-għażla tal-Lingwa 2 għal tliet lingwi eliġibbli, il-Kummissjoni fil-fatt antiċipat il-verifika tal-kompetenzi lingwistiċi tal-kandidati, li għandha tabilħaqq titwettaq fl-ambitu tal-kompetizzjoni, għall-fażi tal-avviż u tar-rekwiżiti għall-ammissjoni. B’dan il-mod, l-għarfien lingwistiku jsir determinanti minflok l-għarfien professjonali.
6.
Is-sitt motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artkolu 18 u tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 24 TFUE, tal-Artikolu 22 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/58 u tal-Artikolu 1d(1) u (6) tar-Regolamenti tal-Persunal, sa fejn, billi ġie previst li l-applikazzjonijiet ta’ parteċipazzjoni għandhom jintbagħtu bl-Ingliż, bil-Franċiż jew bil-Ġermaniż, u li bl-istess lingwa l-EPSO jibgħat lill-kandidati l-komunikazzjoni inerenti għall-iżvolġiment tal-kompetizzjoni, inkiser id-dritt taċ-ċittadini Ewropej sabiex jikkomunikaw mal-istituzzjonijet bil-lingwa proprja tagħhom, u ġiet introdotta diskriminazzjoni ulterjuri għad-dannu ta’ min ma għandux għarfien fil-fond ta’ dawk it-tliet lingwi.
7.
Is-seba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 1 u 6 tar-Regolament Nru 1/58, tal-Artikolu 1d(1) u (6) kif ukoll tal-Artikolu 28(f) tar-Regolamenti tal-Persunal, u tal-Artikolu 1(1)(f) tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE (nuqqas ta’ motivazzjoni), kif ukoll fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u fuq distorsjoni tal-fatti.
F’dan ir-rigward jiġi sostnut li l-motivazzjoni mressqa mill-Kummissjoni toħloq distorsjoni tal-fatti, għaliex ma jirriżultax li t-tliet lingwi inkwistjoni huma l-lingwi l-iktar użati għat-traduzzjoni tad-dokumenti fi ħdan l-istituzzjonijiet, u hija sporporzjonata fir-rigward tar-restrizzjoni ta’ dritt fundamentali bħal dak li wieħed ma jsofrix minn diskriminazzjoni lingwistika. Fi kwalunkwe każ, jeżistu sistemi inqas restrittivi sabiex tiġi żgurata traduzzjoni mħaffa fi ħdan l-istituzzjonijiet.

Full & Egal Universal Law Academy