EUR-Lex -  62018CN0471 - MT
Karar Dilini Çevir:
EUR-Lex -  62018CN0471 - MT

5.11.2018   
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 399/21

Appell ippreżentat fit-18 ta’ Lulju 2018 mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) fit-8 ta’ Mejju 2018 fil-Kawża T-283/15, Esso Raffinage vs L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi
(Kawża C-471/18 P)
(2018/C 399/29)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet
Appellanti: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja (rappreżentanti: P. Klappich u C. Schmidt, Rechtsanwälte)
Partijiet oħra fil-proċedura: Esso Raffinage, L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, Ir-Repubblika Franċiża, Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi

Talbiet
L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-8 ta’ Mejju 2018 fil-Kawża T-283/15;

tiċħad ir-rikors;

tikkundanna lir-rikorrenti fl-ewwel istanza għall-ispejjeż quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali.

Aggravji u argumenti prinċipali
Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka l-aggravji li ġejjin:
L-ewwel nett, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta tat portata ġuridika lill-ittra intitolata “Dikjarazzjoni ta’ Nuqqas ta’ Konformità Sussegwentement għal Deċiżjoni ta’ Valutazzjoni tal-Fajls skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006”, li l-ECHA indirizzat lill-Ministeru għall-Ekoloġija, għall-Iżvilupp Sostenibbli, għat-Trasport u għad-Djar Franċiż fl-1 ta’ April 2015 (iktar ’il quddiem l-“ittra”) u peress li kkwalifikat din l-ittra bħala att li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE.
It-tieni nett, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi peress li bbażat ruħha fuq l-Artikolu 42(1) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (1) u mhux fuq l-Artikolu 22(2) tar-Regolament REACH.
It-tielet nett, l-appellanti ma taqbilx mal-opinjoni tal-Qorti Ġenerali dwar tqassim tal-kompetenzi bejn l-Istati Membri u l-ECHA b’tali mod li l-ECHA waħedha għandha l-kompetenza li tiddeċiedi dwar il-konformità tal-informazzjoni ta’ reġistrazzjoni mar-rekwiżiti REACH.
(1)  Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU 2006, L 396, p. 1, u rettifiki fil-ĠU 2007, L 136, p. 3, fil-ĠU 2008, L 141, p. 22 u fil-ĠU 2009, L 36, p. 84).

Full & Egal Universal Law Academy