EUR-Lex -  62012CC0270 - MT
Karar Dilini Çevir:
EUR-Lex -  62012CC0270 - MT

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
JÄÄSKINEN
ippreżentati fit-12 ta’ Settembru 2013 ( 1 )
Kawża C‑270/12
Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq
vs
Il-Parlament Ewropew
U
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
“Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (“AETS”) — Validità tal-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) Nru 236/2012 dwar bejgħ bin-nieqes u ċerti aspetti tas-swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu — Bażijiet legali Artikoli 114 u 352 TFUE — Ekwilibriju istituzzjonali u tqassim tal-kompetenzi — Kundizzjonijiet għall-għoti ta’ setgħa lil aġenziji tal-UE — Delega skont l-Artikolu 290 TFUE u implementazzjoni skont l-Artikolu 291 TFUE — Il-ġurisprudenza Meroni — Il-ġurisprudenza Romano — Interazzjoni mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta’ Lisbona dwar l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ atti ta’ aġenziji b’effetti ġuridikament vinkolanti”
I – Introduzzjoni

1.
B’dawn il-proċeduri, mibdija mir-Renju Unit kontra l-Parlament Ewropew u l-Kunsill, qed jintalab l-annullament tal-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) Nru 236/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-14 ta’ Marzu 2012, dwar bejgħ bin-nieqes u ċerti aspetti tas-swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu ( 2 ). Dan l-artikolu jagħti lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (iktar ’il quddiem l-“AETS”) ċerti setgħat li tintervjeni, permezz ta’ atti ġuridikament vinkolanti, fis-swieq finanzjarji ta’ Stat Membru fil-każ ta’ “theddida għall-funzjonament ordinat u l-integrità tas-swieq finanzjarji jew għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja kollha jew parti minnha fl-Unjoni”. Dawn iċ-ċirkustanzi huma ddefiniti ulterjorment fl-Artikolu 24(3) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni Nru 918/2012 ( 3 ). Fost setgħat oħra li l-AETS għandha skont l-Artikolu 28(1) tar-Regolament Nru 236/2012, hija tista’ timponi fuq persuni fiżiċi u ġuridiċi rekwiżiti ta’ notifika u ta’ żvelar, u tipprojbixxihom milli jagħmlu ċerti tranżazzjonijiet jew milli jagħmlu xi kundizzjonijiet fuq dawn it-tranżazzjonijiet.

2.
L-AETS ġiet imwaqqfa fl-1 ta’ Jannar 2011 ( 4 ), fl-istess żmien li ġiet imwaqqfa l-Awtorità Bankarja Ewropea ( 5 ) u l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol ( 6 ). Dawn it-tliet korpi huma magħrufa kollettivament bħala l-“Awtoritajiet Superviżorji Ewropej” jew, skont kif huwa pprovdut fil-premessa 10 tar-Regolament Nru 1095/2010, l-“ASE”. L-AETS hija wkoll riżultat tal-programm ta’ riformi mibdi mill-Kummissjoni fid-dawl tal-kriżi finanzjarja tal-2008, u tar-Rapport tal-Grupp ta’ Livell Għoli, ippresedut minn Jacques de Larosière, li għamel rakkomandazzjonijiet dwar kif għandha tissaħħaħ is-sorveljanza tas-swieq finanzjarji fuq il-livell tal-UE ( 7 ) u li wassal għal programm ta’ implementazzjoni estensiv ( 8 ). Skont l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 1095/2010, l-AETS hija “korp” tal-Unjoni b’personalità ġuridika.

3.
Fid-dawl tal-bżonn li nħass li jiġi armonizzat l-aġir tal-UE fir-rigward tal-bejgħ bin-nieqes ( 9 ), fil-25 ta’ Marzu 2012 daħal fis-seħħ ir-Regolament Nru 236/2012. Il-bejgħ bin-nieqes hija prattika li tinvolvi l-bejgħ ta’ assi, u normalment ta’ titoli ta’ sigurtà, li fiż-żmien li jkunu qed jinbiegħu ma jkunux proprjetà tal-bejjiegħ, bl-intenzjoni li jsir qligħ mit-tnaqqis fil-prezz tal-assi qabel ma tiġi ffinalizzata t-tranżazzjoni. Kif ġie indikat fl-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Parlament, l-AETS twaqqfet għaliex l-Unjoni Ewropea xtaqet tistabbilixxi korp bil-perizja xierqa biex tissorvelja t-titoli ta’ sigurtà u s-swieq Ewropej b’mod addizzjonali mal-awtoritajiet superviżorji nazzjonali ( 10 ). B’konsegwenza ta’ dan, ir-Regolament Nru 236/2012 ta lill-AETS setgħat estensivi ta’ konsulenza, ta’ notifika u regolatorji fir-rigward tal-bejgħ bin-nieqes.

4.
Ir-Renju Unit jibbaża l-proċeduri tiegħu fuq erba’ motivi għal annullament. Dan l-Istat Membru jallega, l-ewwel nett, li l-awtorità mogħtija lill-AETS skont il-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 236/2012 taqbeż il-limiti tad-delega tas-setgħat tal-istituzzjonijiet stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Meroni ( 11 ). It-tieni nett, huwa jsostni li l-Artikolu 28 jagħti lill-AETS is-setgħa li tadotta miżuri ta’ applikazzjoni ġenerali li għandhom saħħa ġuridika, bil-kontra ta’ dak li ġie deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Romano ( 12 ). It-tielet nett, ir-Renju Unit isostni li l-Artikolu 28 jagħti wkoll is-setgħa lill-AETS li tadotta atti ta’ applikazzjoni ġenerali mhux leġiżlattivi bi ksur tal-Artikoli 290 u 291 TFUE. Ir-raba’ nett, huwa jsostni li sa fejn l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 236/2012 jagħti s-setgħa lill-AETS li tadotta deċiżjonijiet individwali li jorbtu lil terzi fil-każ ta’ azzjoni insuffiċjenti jew inadegwata min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti rilevanti tal-Istati Membri, l-Artikolu 114 TFUE ma jikkostitwixxix bażi legali korretta għall-adozzjoni ta’ miżuri bħal dawn.

5.
It-talba għall-annullament tar-Renju Unit hija opposta bil-qawwa mill-Parlament u mill-Kunsill, sostnuti mill-Kummissjoni u mir-Renju ta’ Spanja, mir-Repubblika ta’ Franza u mir-Repubblika tal-Italja. Il-Parlament u l-Kunsill jifformulaw l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom kemm billi jindirizzaw il-motivi invokati mir-Renju Unit, kif ukoll billi jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja ma tikkunsidrax il-ġurisprudenza li qed jinvoka r-Renju Unit f’kuntest iżolat, iżda fid-dawl tad-dritt tal-UE dwar l-aġenziji mmodernizzat skont it-Trattat ta’ Lisbona, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-istħarriġ ġudizzjarju tal-atti ta’ aġenziji li għandhom effetti ġuridiċi. Il-Parlament u l-Kunsill, sostnuti mill-Kummissjoni, isostnu wkoll li l-Artikolu 114 TFEU jipprovdi bażi legali xierqa għas-setgħat tal-AETS skont l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 236/2012 minħabba li dan jikkostitwixxi miżura ta’ armonizzazzjoni skont id-dritt tal-UE dwar is-suq intern.

6.
Fil-fehma tiegħi, il-qofol ta’ din il-kawża huwa l-fatt li l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 236/2012 ma jimplikax delega ta’ awtorità minn waħda mill-istituzzjonijiet eżekuttivi tal-UE, jiġifieri mill-Kummissjoni jew, eċċezzjonalment, mill-Kunsill, lil aġenzija, iżda pjuttost jirrigwarda l-għoti dirett ta’ setgħa lil aġenzija mill-leġiżlatur permezz ta’ att leġiżlattiv skont l-Artikolu 289(3) TFUE. Fil-fehma tiegħi, fid-dawl tal-emendi li rriżultaw mit-Trattat ta’ Lisbona ( 13 ), u b’mod partikolari fid-dawl tal-konferma fil-liġi primarja li l-atti tal-aġenziji huma suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju skont id-dritt tal-UE ( 14 ), il-prinċipji stabbiliti fis-sentenzi Romano u Meroni ma jsostnux il-konklużjonijiet li r-Renju Unit iddeduċa minn dawn id-deċiżjonijiet ( 15 ). Madankollu, fil-fehma tiegħi l-kawża tar-Renju Unit għandha tirnexxi, iżda fuq ir-raba’ motiv tiegħu. Dan minħabba li l-Artikolu 114 TFUE ma jikkostitwixxix bażi legali xierqa għall-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 236/2012.
II – Il-kuntest ġuridiku
A – L-artikoli tat-Trattat li jirreferu għall-aġenziji

7.
Skont l-Artikoli 15, 16, u 228 TFUE, “l-istituzzjonijiet, korpi u organi ta’ l-Unjoni” kollha għandhom josservaw il-prinċipju ta’ governanza tajba ( 16 ), filwaqt li l-Artikoli 287 u 325 TFUE jissuġġettaw lill-aġenziji għas-sistema tal-Unjoni Ewropea tal-kontroll u l-verifika finanzjarja.

8.
Skont l-Artikolu 263 TFUE, il-korpi tal-UE li fuqhom il-Qorti tal-Ġustizzja għandha s-setgħa tal-istħarriġ ġudizzjarju jinkludu l-korpi, l-uffiċji u l-aġenziji tal-Unjoni, filwaqt li r-regola dwar “in-nuqqas ta’ azzjoni” tapplika għalihom skont il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 265 TFUE. Skont l-Artikolu 267, id-domandi dwar il-validità u l-interpretazzjoni ta’ atti maħruġa minn korpi, uffiċji u aġenziji tal-Unjoni jistgħu jiġu rrinvijati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mill-qrati u t-tribunali tal-Istati Membri, filwaqt li jistgħu jiġu wkoll mistħarrġa abbażi tal-eċċezzjoni ta’ illegalità prevista fl-Artikolu 277 TFUE ( 17 ).
B – L-atti leġiżlattivi rilevanti tal-UE
1. Ir-Regolament Nru 1095/2010

9.
L-Artikolu 9(5) tar-Regolament Nru 1095/2010 jagħti lill-AETS is-setgħa li tipprojbixxi jew tirrestrinġi temporanjament ċerti attivitajiet finanzjarji li jheddu l-funzjonament ordnat u l-integrità tas-swieq finanzjarji, jew l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja kollha jew ta’ parti minnha. Dan tista’ tagħmlu b’żewġ modi: jew fil-każijiet speċifikati u skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-atti leġiżlattivi msemmija fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 1095/2010 ( 18 ), jew jekk ikun hemm bżonn, f’sitwazzjoni ta’ emerġenza skont u taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1095/2010.
2. Ir-Regolament Nru 236/2012

10.
L-Artikolu 2(1)(b) tar-Regolament Nru 236/2012 jipprovdi dan li ġej:
“(b)
‘bejgħ bin-nieqes’ b’rabta ma’ sehem jew strument ta’ dejn tfisser kwalunkwe bejgħ tas-sehem jew l-istrument ta’ dejn li bejjiegħ ma jkollux is-sjieda tiegħu fil-waqt tad-dħul fil-ftehim ta’ bejgħ, inkluż bejgħa fejn fil-waqt tad-dħul fil-ftehim ta’ bejgħ il-bejjiegħ ikun issellef jew ftiehem li jissellef is-sehem jew l-istrument ta’ dejn għall-konsenja fis-saldu li ma jinkludix:
[…]”.

11.
L-Artikolu 28 tar-Regolament 236/2012, intitolat “Setgħat ta’ intervent tal-AETS f’ċirkostanzi eċċezzjonali”, jipprovdi:
“1.   Skont l-Artikolu 9(5) tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010, l-AETS għandha, suġġetta għall-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, jew:
(a)
tirrikjedi li persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jkollhom pożizzjonijiet bin-nieqes netti fir-rigward ta’ strument finanzjarju speċifiku jew klassi ta’ strumenti finanzjarji jinnotifikaw awtorità kompetenti jew jiddivulgaw lill-pubbliku d-dettalji ta’ kwalunkwe tali pożizzjoni; jew
(b)
tipprojbixxi jew timponi kundizzjonijiet fuq id-dħul minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi f’bejgħa bin-nieqes jew tranżazzjoni li toħloq, jew tirrelata ma’, strument finanzjarju għajr l-istrumenti finanzjarji msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 1(1) fejn l-effet jew wieħed mill-effetti tat-tranżazzjoni jkun li jagħti vantaġġ finanzjarju lill-persuna fiżika jew ġuridika fil-każ ta’ tnaqqis fil-prezz jew il-valur ta’ strument finanzjarju ieħor.
Miżura tista’ tapplika f’ċirkostanzi partikolari, jew tkun suġġetta għal eċċezzjonijiet, speċifikati mill-AETS. Eċċezzjonijiet jistgħu partikolarment ikunu speċifikati biex japplikaw għall-attivitajiet tal-ġenerazzjoni tas-suq u l-attivitajiet tas-suq primarju.
2.   L-AETS għandha tieħu biss deċiżjoni skont il-paragrafu 1 biss jekk:
(a)
il-miżuri elenkati fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1 jindirizzaw theddida għall-funzjonament ordinat u l-integrità tas-swieq finanzjarji jew għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja kollha jew parti minnha fl-Unjoni u jkun hemm implikazzjonijiet transfruntieri; kif ukoll
(b)
l-ebda awtorità kompetenti ma tkun ħadet miżuri biex jindirizzaw it-theddida jew awtorità kompetenti waħda jew aktar tkun ħadet miżuri li ma jkunux jindirizzawx it-theddida adegwatament.
3.   Meta jittieħdu l-miżuri msemmija fil-paragrafu 1, l-AETS għandha tqis sa fejn il-miżuri:
(a)
jindirizzaw it-theddida b’mod sinifikattiv għall-funzjonament ordinat u l-integrità tas-swieq finanzjarji jew għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja kollha jew parti minnha fl-Unjoni jew li ser itejbu b’mod sinifikattiv il-kapaċità tal-awtoritajiet kompetenti biex jimmonitorjaw it-theddida;
(b)
ma joħolqux riskju ta’ arbitraġġ regolatorju;
(c)
ma jkollhomx effett detrimentali fuq l-effiċjenza tas-swieq finanzjarji, inkluża r-riduzzjoni fil-likwidità ta’ dawk is-swieq jew il-ħolqien tal-inċertezza għall-parteċipanti fis-suq, b’mod li jkun sproporzjonat għall-benefiċċji tal-miżura.
Fejn awtorità kompetenti waħda jew aktar jieħdu miżuri skont l-Artikolu 18, 19, 20 jew 21, l-AETS tista’ tieħu kwalunkwe miżura msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu mingħajr ma toħroġ l-opinjoni prevista fl-Artikolu 27.
4.   Qabel ma tiddeċiedi li timponi jew iġġedded kwalunkwe miżura msemmija fil-paragrafu 1, l-AETS għandha tikkonsulta l-BERS u, fejn xieraq, awtoritajiet rilevanti oħra.
5.   Qabel ma tiddeċiedi li timponi jew iġġedded kwalunkwe miżura msemmija fil-paragrafu 1, l-AETS għandha tinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti kkonċernati bil-miżura li tipproponi li tieħu. In-notifika għandha tinkludi dettalji tal-miżuri proposti, il-klassi ta’ strumenti finanzjarji u t-tranżazzjonijiet li għalihom ser japplikaw, l-evidenza li tappoġġja r-raġunijiet għal dawk il-miżuri u meta jkun intenzjonat li l-miżuri jidħlu fis-seħħ.
6.   In-notifika għandha ssir mhux inqas minn 24 siegħa qabel ma jkun intenzjonat li miżura tidħol fis-seħħ jew tiġġedded. F’ċirkostanzi eċċezzjonali, l-AETS tista’ tagħmel in-notifika inqas minn 24 siegħa qabel ma jkun intenzjonat li l-miżura tidħol fis-seħħ fejn ma jkunx possibbli li jingħata avviż ta’ 24 siegħa.
7.   L-AETS għandha tippubblika fuq is-sit tal-Internet tagħha avviż ta’ kwalunkwe deċiżjoni li timponi jew iġġedded kwalunkwe miżura msemmija fil-paragrafu 1. L-avviż għandu jispeċifika tal-anqas:
(a)
il-miżuri imposti inkluż l-istrumenti u l-klassijiet ta’ tranżazzjonijiet li għalihom japplikaw u d-durata tagħhom; kif ukoll
(b)
ir-raġunijiet għaliex l-AETS taħseb li jkun meħtieġ li jiġu imposti l-miżuri, inkluża l-evidenza li tappoġġja dawn ir-raġunijiet.
8.   Wara li tiddeċiedi li timponi jew iġġedded kwalunkwe miżura msemmija fil-paragrafu 1, l-AETS għandha tinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti bil-miżura meħuda.
9.   Miżura għandha tidħol fis-seħħ meta l-avviż jiġi ppubblikat fuq is-sit tal-Internet tal-AETS jew f’ħin speċifikat fl-avviż jiġifieri wara l-pubblikazzjoni tiegħu u għandha tapplika biss fir-rigward ta’ tranżazzjoni li titwettaq wara li l-miżura tkun daħlet fis-seħħ.
10.   L-AETS għandha teżamina l-miżura msemmija fil-paragrafu 1 wara intervalli xierqa u tal-anqas kull tliet xhur. Jekk il-miżura ma tiġġeddidx sal-aħħar ta’ tali perijodu ta’ tliet xhur, din għandha tiskadi awtomatikament. Il-paragrafi 2 sa 9 għandhom japplikaw għal tiġdid tal-miżuri.
11.   Miżura adottata mill-AETS skont dan l-Artikolu għandha tieħu preċedenza fuq kwalunkwe miżura oħra preċedenti meħuda minn awtorità kompetenti skont it-Taqsima 1.”

12.
L-Artikolu 30, moqri flimkien mal-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 236/2012 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati li jispeċifikaw il-kriterji u l-fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-AETS sabiex din tiddetermina t-theddidiet imsemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 28(2).

13.
L-Artikolu 44 tar-Regolament Nru 236/2012, li jinsab fil-Kapitolu VIII dwar l-“Atti ta’ Implimentazzjoni”, jinkludi r-regoli dwar il-proċedura ta’ Kumitat applikabbli fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ atti ta’ implementazzjoni mill-Kummissjoni ( 19 ).

14.
L-Artikolu 24(3) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni Nru 918/2012 jipprovdi li ġej:
“Għall-finijiet tal-Artikolu 28(2)(a), theddida għall-funzjonament xieraq u l-integrità ta’ swieq finanzjarji jew għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja kollha kemm hi jew parti minnha fl-Unjoni għandha tfisser:
(a)
kwalunkwe theddida ta’ instabbiltà finanzjarja serja, monetarja jew baġitarja li tikkonċerna Stat Membru jew lis-sistema finanzjarja fi Stat Membru meta din tista’ thedded serjament il-funzjonament xieraq u l-integrità tas-swieq finanzjarji jew l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja kollha fl-Unjoni jew ta’ parti minnha;
(b)
il-possibbiltà ta’ inadempjenza minn kwalunkwe Stat Membru jew emittent supranazzjonali;
(c)
kwalunkwe ħsara serja lill-istrutturi fiżiċi ta’ emittenti finanzjarji importanti, infrastrutturi tas-suq, sistemi ta’ kklerjar u ta’ saldu, u superviżuri li jistgħu jaffettwaw b’mod serju swieq transkonfinali b’mod partikolari fejn tali ħsara tirriżulta minn diżastru naturali jew attakk terroristiku meta dan jista’ jhedded b’mod serju l-funzjonament xieraq u l-integrità tas-swieq finanzjarji jew l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja kollha fl-Unjoni jew ta’ parti minnha;
(d)
kwalunkwe disturb serju fi kwalunkwe sistema ta’ pagamenti jew proċess ta’ saldu, b’mod partikolari meta jkun relatat ma’ operazzjonijiet interbankarji, li jikkawża jew li jista’ jikkawża pagamenti sinifikanti jew nuqqasijiet ta’ saldu jew dewmien fis-sistemi ta’ pagamenti transkonfinali tal-Unjoni, speċjalment meta dawn jistgħu jwasslu għall-propagazzjoni ta’ stress finanzjarju jew ekonomiku fis-sistema finanzjarja kollha fl-Unjoni jew f’parti minnha.”
C – Il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

15.
B’rikors tal-31 ta’ Mejju 2012, li l-Qorti tal-Ġustizzja rċeviet fl-4 ta’ Ġunju 2012, ir-Renju Unit ressaq kawża kontra l-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, fejn talab lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla l-Artikolu 28 tar-Regolament 236/2012 u tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż tar-rikors.

16.
Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jsostnu li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiċħad ir-rikors fl-intier tiegħu għal raġunijiet sostantivi u tikkundanna lir-Renju Unit għall-ispejjeż.

17.
Il-Kummissjoni Ewropea, u r-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika ta’ Franza, u r-Repubblika tal-Italja intervenew insostenn tal-Parlament u tal-Kunsill.

18.
Ir-Renju Unit, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, flimkien ma’ Spanja, Franza, u l-Italja, kienu preżenti waqt is-seduta li saret fil-11 ta’ Ġunju 2013.
III – L-evalwazzjoni ġuridika
A – L-aġenziji fl-Unjoni Ewropea

19.
Il-Kummissjoni kkaratterizzat “Aġenzija Regolatorja Ewropea” bħala “entità legali awtonoma maħluqa mil-leġislatur biex tieħu sehem fir-regolazzjoni ta’ settur fuq skala Ewropea u l-implimentazzjoni ta’ politika partikolari tal-Komunità” ( 20 ). Bħalissa jeżistu ’il fuq minn tletin aġenzija ddeċentralizzati li joperaw fl-Unjoni Ewropea ( 21 ), jew li qegħdin fil-proċess li jinħolqu, u bosta minnhom għandhom l-awtorità li jieħdu deċiżjonijiet vinkolanti. Kif huwa magħruf sew, l-“aġenzifikazzjoni” fl-Unjoni Ewropea hija proċess li intensifika b’mod sinjifikattiv mill-bidu tal-millenju l-ġdid. Kif ġie osservat f’kummentarju partikolari, l-isfida issa hija, u minn dejjem kienet, li jiġu bbilanċjati l-benefiċċji funzjonali u l-indipendenza tal-aġenziji kontra l-possibiltà li dawn isiru “ċentri inkontrollabbli ta’ poter arbitrarju” ( 22 ).

20.
Madankollu, l-aġenziji fl-Unjoni Ewropea jvarjaw bejniethom f’dak li jirrigwarda l-bażi legali li huma msejsa fuqhom, il-mod kif huma organizzati, u s-setgħat li ngħatawlhom. L-AETS ma hijiex fost dawk il-ftit aġenziji li nħolqu direttament permezz tat-Trattat ( 23 ). Min-naħa l-oħra, l-AETS l-anqas ma hija parti mill-klassi ta’ aġenziji b’funzjonijiet purament konsultattivi, għalkemm il-poteri konsultattivi jifformaw parti importanti minn xogħlha ( 24 ).

21.
L-AETS tista’ tiġi kklassifikata bħala aġenzija regolatorja li tgħin fil-kompitu ta’ regolazzjoni relatat mat-tkabbir tas-suq intern fuq il-livell tal-UE. Id-differenzi ewlenin bejn l-aġenziji eżekuttivi u dawk regolatorji huma li l-aġenziji eżekuttivi jimplementaw programmi ta’ nfiq, jiddependu b’mod dirett fuq il-Kummissjoni, u huma esklużivament responsabbli fil-konfront tagħha, filwaqt li l-aġenziji regolatorji fil-biċċa l-kbira jipprovdu regoli u servizzi komuni u jiffunzjonaw taħt it-tmexxija ta’ bord ta’ amministrazzjoni jew ta’ bord superviżorju kompost minn rappreżentanti tal-Istati Membri u minn ċerti rappreżentanti tal-Kummissjoni ( 25 ).

22.
L-AETS ma hijiex aġenzija eżekuttiva mwaqqfa mill-Kummissjoni taħt l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 58/2003 li jfassal l-istatut għall-aġenziji eżekuttivi li jridu jiġu fdati b’ċerti kompiti fit-tmexxija tal-programmi tal-Komunità ( 26 ). Dawn huma korpi li joperaw taħt subdelega ta’ setgħat mill-Kummissjoni ( 27 ).

23.
Madankollu l-AETS hija aġenzija deċiżjonali tal-istess tip bħall-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (l-“UASI”) ( 28 ), l-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti (is-“CPVO”) ( 29 ), l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà fl-Avjazzjoni (l-“EASA”) ( 30 ), l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (l-”ECHA”) ( 31 ), l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini ( 32 ), u l-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija ( 33 ), fis-sens li l-AETS infisha tieħu xi wħud mid-deċiżjonijiet tagħha, inklużi dawk meħuda taħt l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 236/2012, mingħajr l-intervent tal-Kummissjoni ( 34 ).

24.
Madankollu, teżisti differenza importanti bejn l-AETS u l-aġenziji regolatorji f’oqsma oħra mhux relatati mas-swieq finanzjarji, u li hija kruċjali biex tiġi riżolta l-kawża inkwistjoni. Filwaqt li xi wħud mill-korpi stabbiliti reċentement bħall-EASA jew l-ECHA ngħataw iżjed setgħat regolatorji mill-korpi stabbiliti qabilhom, il-mod kumpless li bih sar dan, u d-diversi kontrolli li huma suġġetti għalihom dawn is-setgħat juri li ma kienx hemm l-intenzjoni li tingħatalhom awtorità ġerarkika ċara fuq il-korpi nazzjonali korrispondenti tagħhom ( 35 ). Kif ġie rrikonoxxut mill-Kummissjoni waqt is-seduta, aġenziji regolatorji oħra ma jistgħux jieħdu deċiżjonijiet ġuridikament vinkolanti intiżi għal entitajiet ġuridiċi individwali bħala sostituzzjoni għal deċiżjoni, jew għal nuqqas ta’ azzjoni, ta’ awtorità nazzjonali kompetenti li jistgħu ma jaqblux ma’ deċiżjoni meħuda mill-AETS. Minkejja dan, hija preċiżament is-setgħa li tagħmel dan li tingħata lill-AETS permezz tal-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 236/2012 ( 36 ). Skont l-Artikolu 28(11) tar-Regolament Nru 236/2012, miżura adottata mill-AETS għandha tieħu preċedenza fuq kwalunkwe miżura preċedenti meħuda minn awtorità nazzjonali kompetenti.

25.
Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Parlament ġie ppreċiżat li minbarra t-tliet ASE (Awtoritajiet Superviżorji Ewropej), hija biss l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi li hija stabbilita purament abbażi tal-Artikolu 114 TFUE. Madankollu din ma għandhiex setgħat ta’ intervent li huma simili għal dawk previsti fl-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 236/2012 ( 37 ). Nixtieq nosserva li l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini twaqqfet abbażi tal-Artikoli 114 u 168 TFUE flimkien ( 38 ), l-UASI flimkien mal-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti ġew stabbiliti abbażi tal-Artikolu 352 TFUE, filwaqt li l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà fl-Avjazzjoni twaqqfet abbażi tal-Artikolu 100 TFUE ( 39 ).

26.
Fil-fehma tiegħi, ir-raba’ motiv għall-annullament fir-rikors tar-Renju Unit, li jirrigwarda l-adegwatezza tal-Artikolu 114 TFUE bħala bażi legali għall-adozzjoni tal-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 236/2012, għandu loġikament jippreċedi l-kwistjoni dwar il-konformità, skont din id-dispożizzjoni, tas-setgħat tal-AETS mad-dritt kostituzzjonali tal-UE, u b’mod iżjed partikolari mal-prinċipji tas-sentenza Romano u Meroni. Mill-perspettiva tad-dritt kostituzzjonali, l-evalwazzjoni tal-bażi legali tal-Artikolu 28 tar-Regolament 236/2012, li huwa att leġiżlattiv skont l-Artikolu 289(3) TFUE, għandha tippreċedi l-evalwazzjoni ta’ kwistjonijiet ġuridiċi sussidjarji relatati mal-kontenut tiegħu. Għalhekk jien ser nibda billi nanalizza r-raba’ motiv għall-annullament imqajjem mir-Renju Unit u mbagħad ser nittratta t-tliet kwistjonijiet li jifdal flimkien.
B – L-Artikolu 114 TFUE u kwistjonijiet relatati mal-bażi legali
1. L-Artikolu 114 TFUE bħala bażi legali biex tiġi stabbilita l-AETS

27.
Skont kummentarju reċenti, sa għaxar snin ilu l-biċċa l-kbira tal-aġenziji kienu jiġu stabbiliti abbażi tal-Artikolu 352 TFUE ( 40 ). Fid-dawl ta’ dan, u billi l-AETS għandha l-awtorità li “timponi deċiżjonijiet vinkolanti fuq superviżuri nazzjonali u parteċipanti fis-suq” [traduzzjoni libera], ma huwiex sorprendenti li ġiet ikkontestata l-adegwatezza tal-Artikolu 114 TFUE bħala bażi legali għal dawn is-setgħat ( 41 ). Fl-opinjoni tiegħi, biex jiġu stabbiliti aġenziji “abbażi ta’ kompetenzi speċjali f’setturi partikolari”, u fid-dawl tat-tendenza tal-leġiżlatur tal-UE tul bejn wieħed u ieħor l-aħħar tmien snin, huwa ta’ importanza partikolari li jkun hemm stħarriġ ġudizzjarju rigoruż fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 114 TFUE pjuttost milli fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 352 TFUE ( 42 ). Madankollu, f’dan ir-rigward għandha ssir distinzjoni bejn il-bażi legali biex tiġi stabbilita aġenzija u dik applikabbli biex jingħatawlha setgħat partikolari.

28.
Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-użu tal-Artikolu 114 TFUE bħala bażi legali għat-twaqqif ta’ aġenziji u għall-involviment tagħhom fl-adozzjoni ta’ miżuri tal-UE, żviluppat b’mod kunsiderevoli tul bejn wieħed u ieħor dawn l-aħħar għaxar snin. Il-passi li ttieħdu huma dawn li ġejjin.

29.
Fis-sentenza Ir-Renju Unit vs Il-Parlament u Il-Kunsill (Taħwir bl-affumikazzjoni) ( 43 ), il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li l-Artikolu 114 TFUE jikkostitwixxi l-bażi legali korretta għall-adozzjoni ta’ miżuri mill-Kummissjoni, f’ħidma b’kollaborazzjoni mill-qrib mal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel, minħabba li dan kien “mezz xieraq” biex tinkiseb “l-approssimazzjoni mixtieqa tad-dritt ta’ Stat Membru” ( 44 ). F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja approvat mudell leġiżlattiv li jinvolvi diversi stadji bħala miżura ta’ approssimazzjoni fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 114 TFUE, applikabbli meta r-regolament inkwistjoni jkun jikkostitwixxi “pass intermedju sabiex tinkiseb il-miżura ta’ approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri” ( 45 ), u meta l-Kummissjoni tkun qiegħda b’dan l-għan taħdem mal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel.

30.
Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 114 TFUE bħala bażi legali biex jitwaqqfu l-aġenziji kompla jiġi żviluppat fis-sentenza ENISA ( 46 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li t-twaqqif ta’ aġenzija li tipprovdi opinjoni lill-Kummissjoni dwar materji tekniċi jista’ jammonta għal miżura ta’ approssimazzjoni fis-sens tal-Artikolu 114, kemm minħabba l-bżonn ta’ parir tekniku ( 47 ), kif ukoll minħabba l-fatt li “il-leġiżlatur Komunitarju kkunsidra li t-twaqqif ta’ korp Komunitarju bħalma hija l-Aġenzija, kien mezz xieraq għall-prevenzjoni ta’ differenzi li jistgħu joħolqu ostakoli għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern f’dan il-qasam” ( 48 ).

31.
Fis-sentenza ENISA, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li l-Artikolu 114 TFUE jista’ jintuża bħala bażi legali biss meta jkun attwalment u oġġettivament evidenti mill-att legali li l-għan tiegħu huwa li jtejjeb il-kundizzjonijiet għall-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern ( 49 ). Meta f’dak l-artikolu użaw l-espressjoni “miżuri għall-approssimazzjoni”, l-awturi tat-Trattat kellhom l-intenzjoni li jagħtu lil-leġiżlatur s-setgħa diskrezzjonali, skont il-kuntest ġenerali u ċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-kwistjoni li tkun trid tiġi armonizzata, li tagħżel l-metodu ta’ approssimazzjoni l-iktar xieraq għall-ksib tar-riżultat mixtieq, b’mod partikolari f’dawk l-oqsma b’karatteristiċi tekniċi kumplessi ( 50 ).

32.
Fuq din il-bażi, il-Qorti tal-Ġustizzja waslet għal konklużjoni importanti dwar is-setgħat ġenerali tal-aġenziji li jadottaw miżuri ġuridikament vinkolanti għal terzi. Minħabba li ma hemm xejn fil-kliem tal-Artikolu 114 TFUE li jimplika li d-destinatarji tal-miżuri adottati abbażi tal-Artikolu 114 TFUE jistgħu jkunu biss Stati Membri individwali, il-leġiżlatur seta’ jqis li huwa neċessarju li jipprevedi għat-twaqqif ta’ korp tal-UE responsabbli biex jikkontribwixxi għall-implementazzjoni ta’ proċess ta’ armonizzazzjoni ( 51 ). Għalhekk, l-Artikolu 114 TFUE kien bażi legali xierqa għall-adozzjoni tar-Regolament 460/2004, li bis-saħħa tiegħu ġiet stabbilita l-ENISA.

33.
Jidher li l-problemi ttrattati mill-Qorti tal-Ġustizzja f’ENISA kienu simili għal dawk li kellu l-leġiżlatur tal-UE meta għażel li jadotta miżuri speċifiċi li jirrigwardaw il-bejgħ bin-nieqes, u b’mod partikolari meta ddeċieda li jassenja diversi kompiti u responsabbiltajiet f’dan il-qasam lill-AETS. Wieħed jista’ jara eżempju ta’ dan fil-premessa 1 tar-Regolament Nru 236/2012, li tipprovdi li l-miżuri adotatti mill-Istati Membri fir-rigward tal-bejgħ bin-nieqes, fid-dawl tal-kriżi finanzjarja ta’ Settembru 2008, “kienu diverġenti minħabba li l-Unjoni ma għandhiex qafas regolatorju komuni speċifiku sabiex tittratta kwistjonijiet ta’ bejgħ bin-nieqes”. Il-premessa 2 tar-Regolament Nru 236/2012 ( 52 ) tirrifletti sentiment simili billi tgħid li l-armonizzazzjoni ta’ ċerti regoli fir-rigward tal-bejgħ bin-nieqes u ċerti aspetti tas-swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu hija neċessarja biex jiġu evitati l-ostakoli għal funzjonament kif suppost tas-suq intern, minħabba l-probabbiltà li, inkella, l-Istati Membri jkomplu jadottaw miżuri diverġenti.

34.
Konsegwentement, fl-opinjoni tiegħi, fil-prinċipju ma jista’ jkun hemm ebda l-oġġezzjoni għat-twaqqif tal-AETS, u għar-regolament tal-kompiti u tas-setgħat tagħha fuq il-bażi legali tal-Artikolu 114 TFUE. Ġeneralment, u mill-perspettiva tal-funzjonijiet iżjed wiesgħa tagħha ( 53 ), ir-rwol tal-AETS fil-kuntest tal-approssimazzjoni tar-regoli tal-Istati Membri dwar il-bejgħ bin-nieqes, jissodisfa l-kundizzjonijiet li l-Qorti tal-Ġustizzja stabbiliet fis-sentenza ENISA. Madankollu, is-setgħat speċjali tal-AETS skont l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 236/2012 jeħtieġu evalwazzjoni iżjed bir-reqqa.
2. L-Artikolu 114 TFUE bħala bażi legali għall-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 236/2012

35.
L-oġġezzjonijiet imqajma mir-Renju Unit fir-raba’ motiv tiegħu għal annullament huma inqas ambizzjużi minn kritika ħarxa tal-bażi legali għat-twaqqif tal-AETS. Dan il-motiv għal annullament jikkonċerna, minflok, mis-setgħat mogħtija lill-AETS bis-saħħa tal-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 236/2012 ( 54 ). Ir-Renju Unit esprima l-kontestazzjoni tiegħu taħt l-Artikolu 114 TFUE abbażi tal-fatt li din id-dispożizzjoni tat-Trattat ma tistax tawtorizza miżuri individwali diretti lejn persuni partikolari fiżiċi jew ġuridiċi b’tali mod li, sa fejn l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 236/2012 jippermetti dawn il-miżuri, dan huwa ultra vires tal-Artikolu 114 TFUE ( 55 ).

36.
Kif diġà semmejt, fil-prinċipju ma jista’ jkun hemm l-ebda oġġezzjoni għall-applikazzjoni tal-Artikolu 114 TFUE bħala l-bażi legali li tagħti s-setgħa lill-aġenziji li jadottaw deċiżjonijiet ġuridikament vinkolanti fir-rigward ta’ terzi. Madankollu, il-kriterju biex wieħed jevalwa jekk l-għoti ta’ dawn is-setgħat jaqax fl-ambitu tal-Artikolu 114 TFUE huwa, jekk huwiex il-każ jew le li d-deċiżjonijiet tal-aġenzija kkonċernata jikkontribbwixxu jew jammontaw għal armonizzazzjoni tas-suq intern, fis-sens tal-kunċett kif applikat fid-dritt tal-UE.

37.
Madankollu, id-dipendenza fuq l-Artikolu 114 TFUE bħala l-unika bażi legali għall-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 236/2012 ma hijiex sostnuta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għaliex l-għoti tas-setgħat deċiżjonali lill-AETS skont dak l-artikolu, bħala sostitut għall-evalwazzjonijiet tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, ma jistax jitqies li huwa miżura “għall-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet stipulati bil-liġi, b’regolamenti jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri li għandhom bħala l-għan tagħhom l-istabbiliment u l-operazzjoni tas-suq intern” fis-sens tal-Artikolu 114 TFUE ( 56 ).

38.
Is-setgħat li għandha l-AETS skont l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 236/2012 imorru lil hinn mill-armonizzazzjoni tas-suq intern għar-raġunijiet li ġejjin.
a) L-analiżi tal-kontenut tal-poteri mogħtija lill-AETS skont l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 236/2012

39.
L-effett tal-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 236/2012 huwa li jgħolli għal-livell tal-UE, u b’mod iżjed preċiż tal-AETS, il-kompetenza ta’ intervent li topera fl-istess ċirkustanzi bħal dawk li jattivaw is-setgħat ta’ intervent tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru skont l-Artikoli 18, 20 u 22 tar-Regolament Nru 236/2012. Barra minn hekk, is-setgħat tal-Artikolu 28 jistgħu jiġu attivati biss jekk l-awtoritajiet nazzjonali msemmija hawn fuq ikunu naqsu milli jieħdu l-passi biex jindirizzaw b’mod xieraq it-“theddida għall-funzjonament ordinat u l-integrità tas-swieq finanzjarji jew għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja kollha jew parti minnha fl-Unjoni” [ara l-Artikolu 28(2) (a) u (b) tar-Regolament Nru 236/2012].

40.
Kif ġie indikat mir-Renju Unit waqt is-seduta, l-AETS tkun qiegħda essenzjalment tifforma ġudizzju fuq kwistjoni li l-awtorità kompetenti rilevanti tkun ifformat ġudizzju differenti dwarha. Barra minn hekk, skont il-Artikolu 28(4) u l-premessa 33 tar-Regolament Nru 236/2012, l-unika entità li l-AETS hija marbuta tikkonsulta qabel ma timponi dawn il-miżuri hija l-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku “BERS” ( 57 ), u la l-Kunsill u lanqas il-Kummissjoni ma huma involuti fil-proċess deċiżjonali bħala istituzzjonijiet. Kif diġà semmejt, skont l-Artikolu 28(11) tar-Regolament Nru 236/2012, il-miżuri adottati mill-AETS għandhom jieħdu preċedenza fuq kwalunkwe miżura oħra preċedenti adottata minn awtorità nazzjonali kompetenti.

41.
Minkejja dan, ma jistax jiġi sostnut raġonevolment li s-setgħat tal-AETS skont l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 236/2012 ma għandhom l-ebda limitu. Kif diġà nnotajt, il-kunċett espress fl-Artikolu 28(2)(a) tar-Regolament Nru 236/2012 ġie mfisser b’mod iżjed preċiż fl-Artikolu 24(3) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni Nru 918/2012 ( 58 ).

42.
Il-kundizzjonijiet u l-limitazzjonijiet li ġejjin huma imposti fuq l-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija permezz tal-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 236/2012. L-AETS hija marbuta tqis il-punt sa fejn il-miżuri; “jindirizzaw it-theddida b’mod sinifikattiv għall-funzjonament ordinat u l-integrità tas-swieq finanzjarji jew għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja kollha jew parti minnha fl-Unjoni jew li ser itejbu b’mod sinifikattiv il-kapaċità tal-awtoritajiet kompetenti biex jimmonitorjaw it-theddida” [ara l-Artikolu 28(3)(a)]; “ma’ joħolqux riskju ta’ arbitraġġ regolatorju” [Artikolu 28(3)(b)]; “ma’ [ma] jkollhomx effett detrimentali fuq l-effiċjenza tas-swieq finanzjarji, inkluż permezz tat-tnaqqis tal-likwidità f’dawk is-swieq jew il-ħolqien ta’ inċertezza għall-parteċipanti fis-suq, li jkun sproporzjonat meta mqabbel mal-benefiċċji tal-miżura” [Artikolu 28(3)(c)].

43.
Minbarra dan, l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 236/2012 jipprovdi l-prekawzjonijiet proċedurali li ġejjin. Kif diġà semmejt, l-AETS hija marbuta tikkonsulta l-BERS. Fejn ikun xieraq, hija għandha tikkonsulta wkoll awtoritajiet rilevanti oħra, iżda ma hemm l-ebda obbligu li tagħmel dan [Artikolu 28(4)]. L-AETS hija marbuta, u ħlief f’“ċirkostanzi eċċezzjonali” [Artikolu 28(5) u (6)] mhux iżjed tard minn 24 siegħa qabel ma l-miżura tidħol fis-seħħ jew tiġġedded, tavża lill-awtoritajiet kompetenti bil-miżuri li tipproponi li tadotta jew iġġedded, u ladarba dawn il-miżuri jkunu ġew adottati, għandha wkoll tavża lill-awtoritajiet kompetenti dwarhom [Artikolu 28(8)]. U fl-aħħarnett, l-AETS hija marbuta tippubblika fuq is-sit internet tagħha kull deċiżjoni li timponi jew iġġedded xi miżuri, inklużi r-raġunijiet għalihom [Artikolu 28(7)], u minbarra dan hija wkoll marbuta li, kull tliet xhur, tevalwa mill-ġdid kull miżura li tkun ġiet adottata. Jekk ma tagħmilx dan, il-miżuri jiskadu [Artikolu 28(10)]. Jien ser nerġa’ nittratta l-limitazzjonijiet fuq l-eżerċizzju tas-setgħat tal-AETS skont l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 236/2012 meta niġi biex nikkunsidra r-rilevanza tal-ġurisprudenza Meroni għas-soluzzjoni tat-tilwima.

44.
Madankollu huwa importanti li wieħed iżomm f’moħħu l-estensjoni tas-setgħat mogħtija lill-AETS fil-konfront ta’ terzi. Kif semmejt iktar ’il fuq, l-intervent tal-AETS skont l-Artikolu 28(1)(a) tar-Regolament Nru 236/2012 jista’ jeżiġi li persuni fiżiċi jew ġuridiċi jiżvelaw il-pożizzjonijiet bin-nieqes netti fir-rigward ta’ strument finanzjarju speċifiku jew ta’ xi klassi tiegħu. Barra minn hekk, l-AETS tista’ timponi projbizzjonijiet, jew kundizzjonijiet relatati mal-bejgħ bin-nieqes u tranżazzjonijiet simili kif previst fl-Artikolu 28 (1) (b) tar-Regolament Nru 236/2012.

45.
Fl-opinjoni tiegħi, u bil-kontra tal-argumenti li jidhru fl-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni, dan imur ħafna lil hinn mill-poter li “tistabbilixxi miżuri relatati ma’ prodott jew klassi ta’ prodotti speċifiku u, jekk dan ikun neċessarju, miżuri individwali li jikkonċernaw dawn il-prodotti” ( 59 ). Fil-fatt, f’dan il-kuntest l-AETS ma hijiex qiegħda tiżviluppa regoli iżjed speċifiċi u ddettaljati applikabbli għal prodott jew servizz finanzjarju partikolari, li huwa l-każ tal-Kummissjoni meta din tkun qiegħda teżerċita s-setgħat tagħha biex twaħħad l-approċċ tal-Istati Membri lejn prodott perikoluż skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva Nru 2001/95/KE tal-Parlament u tal-Kunsill tat-3 ta’ Diċembru 2001 dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti, adottata skont l-Artikolu 114 TFUE ( 60 ). L-AETS pjuttost qiegħda tintervjeni dwar il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni f’suq finanzjarju partikolari, li jaqa’ taħt ir-responsabbiltà ta’ awtorità kompetenti nazzjonali, meta din tiltaqa’ ma’ ċerti ċirkustanzi eċċezzjonali. Fl-opinjoni tiegħi, l-eqreb analoġija fid-dritt tal-UE għas-setgħat tal-AETS skont l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 236/2012 tinsab fis-setgħat ta’ intervent tal-Kummissjoni fil-qasam tal-agrikolutra u anti-dumping, jiġifieri f’oqsma fejn il-Kummissjoni timplementa politika komuni tal-UE.

46.
B’hekk, miżura adottata abbażi tal-Artikolu 114 TFUE għandha ġenwinament ikollha l-għan li ttejjeb il-kundizzjonijiet tal-istabbiliment u tat-tħaddim tas-suq intern. Jekk is-sempliċi konstatazzjoni ta’ differenzi bejn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali u tar-riskju astratt ta’ ostakoli għal-libertajiet fundamentali jew ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni li għandhom mnejn jiġu kkawżati minnhom ikunu biżżejjed biex jiġġustifikaw l-għażla tal-Artikolu 114 TFUE bħala bażi legali, l-istħarriġ ġudizzjarju dwar l-osservanza tal-bażi legali xierqa jista’ jisfa’ inutli. B’dak il-mod, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tkunx tista’ teżerċita l-funzjoni mogħtija lilha skont l-Artikolu 19 TUE li tiżgura li l-liġi tiġi osservata meta jkun qed jiġi interpretat u applikat it-Trattat ( 61 ). Għalhekk, meta tkun qiegħda tiddelibera dwar jekk l-Artikolu 114 TFUE jikkostitwixxix bażi legali korretta għal miżura partikolari tal-UE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ewwel nett tivverifika jekk il-miżura, li l-validità tagħha tkun inkwistjoni, issegwix fil-fatt l-għanijiet ġenwini tat-titjib tal-kundizzjonijiet fir-rigward tat-twaqqif u tal-funzjonament tas-suq intern kif previst mil-leġiżlatur tal-UE ( 62 ).

47.
Madankollu, is-sempliċi possibiltà li fil-futur jinqalgħu ostakoli għall-kummerċ minħabba differenzi fid-dritt tal-Istati Membri ma hijiex biżżejjed. Għandu jkun hemm probabbiltà li jqumu dawn l-ostakoli u l-miżura inkwistjoni għandha tkun intiża biex tipprevenihom ( 63 ).
b) L-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 236/2012 fil-kuntest tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja rigward l-Artikolu 114 TFUE bħala bażi legali

48.
Fis-sentenza ENISA, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li l-leġiżlatur tal-UE jista’ jqis li huwa neċessarju li jsir provvediment għall-istabbiliment ta’ korp Komunitarju li jkollu r-responsabbiltà li jikkontribwixxi għall-implementazzjoni ta’ proċess ta’ armonizzazzjoni “f’ċirkustanzi fejn, sabiex tiġi ffaċilitata l-implementazzjoni u l-applikazzjoni uniformi tal-atti bbażati fuq l-imsemmija dispożizzjoni, tidher xierqa l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ akkumpanjament u ta’ qafas li ma humiex vinkolanti” ( 64 ).

49.
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-kompiti assenjati lil dan it-tip ta’ korp għandhom ikunu marbuta mill-qrib mas-suġġett tal-atti li japprossimaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri, li huwa partikolarment il-każ fejn il-korp jipprovdi servizzi lill-awtoritajiet jew lill-operaturi nazzjonali li jaffettwaw l-implementazzjoni uniformi tal-istrumenti ta’ armonizzazzjoni u li x’aktarx jiffaċilitaw l-applikazzjoni tagħhom ( 65 ).

50.
Madankollu, is-setgħat deċiżjonali tal-AETS skont l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 236/2012 ma tantx jixbhu l-miżuri deskritti mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dawn is-siltiet importanti tad-deċiżjoni ENISA. L-ewwel nett, id-deċiżjonijiet meħuda taħt tal-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 236/2012 huma ġuridikament vinkolanti, filwaqt li fis-sentenza ENISA l-Qorti tal-Ġustizzja ttrattat miżuri li ma humiex ġuridikament vinkolanti. Filwaqt li dan ma huwiex minnu nnifsu oġġezzjonabbli, huwa diffiċli li wieħed jikkonċepixxi kif l-eżerċizzju ta’ setgħa skont l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 236/2012 jista’ jikkontribwixxi għall-armonizzazzjoni tat-tip deskritt mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza ENISA. Il-funzjoni tagħha huwa pjuttost li tgħolli s-setgħat tal-implementazzjoni inklużi fl-Artikoli 18, 20, u 22 tar-Regolament Nru 236/2012 mil-livell nazzjonali għal-livell tal-UE fil-każ ta’ nuqqas ta’ ftehim bejn l-AETS u l-awtorità nazzjonali kompetenti jew bejn l-awtoritajiet nazzjonali.

51.
Fil-fatt, l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 236/2012 joħloq mekkaniżmu deċiżjonali fuq il-livell tal-UE fil-każ ta’ urġenza li jkun jopera meta l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ma jaqblux dwar l-azzjoni li għandha tittieħed. Minħabba r-regoli ta’ votazzjoni tal-AETS, din l-azzjoni tista’ tittieħed abbażi ta’ maġġoranza kwalifikata tal-Bord tas-Superviżuri tagħha ( 66 ).

52.
Għalhekk, l-eżitu tal-attivazzjoni tas-setgħat tal-AETS skont l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 236/2012 ma huwiex l-armonizzazzjoni, jew l-adozzjoni ta’ prassi uniformi fuq il-livell tal-Istati Membri, iżda s-sostituzzjoni tat-teħid ta’ deċiżjonijiet fuq il-livell nazzjonali skont l-Artikoli 18, 20 u 22 tar-Regolament Nru 236/2012 bit-teħid ta’ deċiżjonijiet fuq il-livell tal-UE.

53.
Għaldaqstant, filwaqt li l-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Parlament huma korretti sa fejn dawn isostnu li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-aġenziji jistgħu jiġu stabbiliti u jingħataw rwol taħt l-Artikolu 114 TFUE sakemm dawn ikun parti minn kuntest normattiv li japprossima dispożizzjonijiet rilevanti għas-suq intern ( 67 ), l-Artikolu 28 tar-Regolament 236/2012 jaqbeż dawn il-limiti.
3. L-Artikolu 352 TFUE bħala bażi legali xierqa għall-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 236/2012

54.
Għal raġunijiet ta’ kompletezza, inżid li fl-opinjoni tiegħi l-Artikolu 352 kien ikun bażi legali xierqa għall-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 236/2012. Dan minħabba l-fatt li hemm bżonn ċar li tittieħed azzjoni fuq il-livell tal-UE għaliex, f’suq integrat ta’ strumenti finanzjarji, in-nuqqas ta’ azzjoni jew l-azzjoni inadegwata minn awtorità nazzjonali kompetenti fir-rigward tal-bejgħ bin-nieqes jista’ jkollhom effetti transkonfinali sinjifikattivi. Dawn jistgħu jinkludu distorsjoni fis-sistemi bankarji ta’ Stati Membri li ma jkunux dawk fejn jinsab is-suq li fih ikun qed isir il-bejgħ bin-nieqes. Għalhekk, jidher li f’sitwazzjonijiet li jkunu ta’ theddida għall-funzjonament ordnat u l-integrità tas-swieq finanzjarji jew għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja kollha tal-Unjoni Ewropea jew ta’ parti minnha, proċedura ċentralizzata għat-teħid tad-deċiżjonijiet li tippermetti l-applikazzjoni uniformi tar-regoli tal-UE dwar il-bejgħ bin-nieqes, tkun kemm neċessarja kif ukoll proporzjonali. Iżda għar-raġunijiet li jien indikajt iżjed ’il fuq, proċess deċiżjonali f’każ ta’ urġenza ċentralizzat li jissostitwixxi d-deċiżjoni tal-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru mingħajr il-kunsens tagħha, jew li jipprovdi sostitut fil-każ li ma tkunx teżisti tali awtorità, ma jistax jitqies li jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet stipulati bil-liġi, b’regolamenti jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri”.

55.
Minkejja dan, fl-opinjoni tiegħi l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 236/2012 huwa “neċessarju” fis-sens tal-Artikolu 352 “biex jinkiseb wieħed mill-għanijiet” stabbiliti fit-Trattati. Hawnhekk għandi f’moħħi s-sentenza Massey‑Ferguson ( 68 ), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-funzjonament ta’ unjoni doganali jeħtieġ “inevitabbilment” id-determinazzjoni uniformi tal-valutazzjoni dovuta għal skopijiet doganali, ta’ oġġetti importati minn pajjiżi terzi sabiex il-livell ta’ protezzjoni pprovdut mit-Tariffa Doganali Komuni jkun l-istess f’kull parti tal-Komunità ( 69 ). Għal raġunijiet li spjegajt iktar ’il fuq, is-setgħat ta’ intervent tal-AETS skont l-Artikolu 28(1) tar-Regolament Nru 236/2012 għandhom il-kwalità simili ta’ “neċessità” li jiksbu l-għanijiet tas-suq intern minħabba l-implikazzjonijiet transkonfinali ta’ azzjoni insuffiċjenti min-naħa tal-Istati Membru fir-rigward tal-bejgħ bin-nieqes.

56.
Fl-istess waqt, nosserva li l-fatt li l-funzjonament tas-suq komuni jiġi “affettwat” mill-bejgħ bin-nieqes ma huwiex suffiċjenti biex isostni l-Artikolu 114 TFUE bħala l-bażi legali tal-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 236/12 ( 70 ). Fi kliem ieħor, l-Artikolu 114 TFUE ma jikkostitwixxix bażi legali disponibbli u alternattiva li tipprekludi l-applikazzjoni tal-Artikolu 352 TFUE ( 71 ). L-interventi li l-AETS għandha s-setgħa twettaq skont l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 236/2012 imorru lil hinn mill-armonizzazzjoni prevista fl-Artikolu 114 TFUE. Madankollu, dawn huma neċessarji għall-funzjonament tas-suq intern tal-UE minħabba d-diżordni li tista’ tirriżulta minn nuqqas ta’ Stat Membru li jipprevjeni l-konsegwenzi tal-bejgħ bin-nieqes f’ċirkustanzi eċċezzjonali ( 72 ). L-applikazzjoni tal-Artikolu 352 TFUE lanqas ma “tikkostitwixxi bażi sabiex jitwessa’ l-ambitu” tal-kompetenzi tal-Unjoni “lil hinn mill-qafas ġenerali li jirriżulta mid-dispożizzjonijiet” tat-Trattat u “b’mod partikolari, dawk li jiddefinixxu l-missjonijiet u l-attivitajiet” tal-Unjoni ( 73 ).

57.
Minbarra dan, il-Qorti tal-Ġustizzja approvat b’mod espliċitu l-applikazzjoni tal-Artikolu 352 TFUE fir-rigward ta’ miżuri li “jikkonċernaw speċifikament lil individwi” ( 74 ), meta l-miżuri inkwistjoni jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-għanijiet tal-Unjoni għall-iskopijiet tal-Artikolu 352 TFUE ( 75 ). Fl-opinjoni tiegħi, u minħabba l-impatt fuq l-operazzjoni tas-suq intern li jista’ jirriżulta minn nuqqas ta’ azzjoni xierqa mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri f’dak li jirrigwarda l-bejgħ bin-nieqes, l-għanijiet tal-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 236/2012 jaqblu ma’ dawk tal-UE għall-iskopijiet tal-Artikolu 352 TFUE ( 76 ).

58.
Fid-dawl tal-fatt li l-Artikolu 352 TFUE jeżiġi l-unanimità fost l-Istati Membri, l-adegwatezza tal-bażi legali għall-adozzjoni tar-Regolament Nru 236/2012, f’dak li jirrigwarda l-livell ta’ qbil insostenn tal-adozzjoni tal-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 236/2012, ma hijiex kwistjoni irrilevanti. Ir-Renju Unit kien oppona l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 236/2012 fil-proċess leġiżlattiv tal-Artikolu 114 TFUE, li jeżiġi biss votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata fil-Kunsill ( 77 ). Kif ġie osservat hawn fuq, meta l-Bord tas-Superviżuri tal-AETS jeżerċita s-setgħat tiegħu skont l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 236/2012, ma jkun jeżisti l-ebda dritt ta’ veto. Meta daħal fis-seħħ it-Trattat ta’ Lisbona, ġie introdott rekwiżit fl-Artikolu 352 (2) TFUE biex il-Kummissjoni tressaq għall-attenzjoni tal-parlament nazzjonali, proposti bbażati fuq dak l-artikolu ( 78 ). L-applikazzjoni tal-Artikolu 352 TFUE bħala l-bażi legali tal-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 236/2012 għalhekk ħolqot mezz importanti għal kontribut demokratiku mtejjeb ( 79 ).

59.
Għal dawn ir-raġunijiet, jien għaldaqstant nikkonkludi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tannulla l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 236/2012 abbażi ta’ nuqqas ta’ kompetenza, għaliex l-Artikolu 114 TFUE ma jikkostitwixxix bażi legali xierqa għall-adozzjoni tiegħu ( 80 ).
C – L-eċċezzjonjiet tar-Renju Unit ibbażati fuq il-ġurisprudenza ta ’ Meroni u Romano fid-dawl tal-Artikoli 290 u 291 TFUE
1. Osservazzjonijiet preliminari

60.
Fid-dawl tal-konklużjoni tiegħi dwar ir-raba’ motiv imressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mir-Renju Unit, ir-raġunament tiegħi fir-rigward tal-ewwel tliet motivi noffrihom biss fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi li l-Artikolu 114 TFUE jipprovdi bażi legali xierqa għall-adozzjoni tal-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 236/2012. Fl-opinjoni tiegħi, it-tibdiliet introdotti permezz tat-Trattat ta’ Lisbona, kemm f’dak li jirrigwarda l-kjarifika tad-distinzjoni bejn il-miżuri delegati (normattivi) kif ukoll f’dak li jirrigwarda s-setgħat implementattivi (eżekuttivi) ( 81 ), u l-emendi li jiżguraw li l-istħarriġ ġudizzjarju tal-atti tal-aġenziji tal-UE ikun jagħmel parti mill-istruttura ġudizzjarja tal-Unjoni Ewropea, ifissru li l-ġurisprudenza ta’ Romano u Meroni għandha titqiegħed fil-qafas kontemporanju tad-dritt kostituzzjonali tal-UE.
a) Id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Meroni

61.
Is-sentenza Meroni tal-1958 kienet tirrigwarda kontestazzjoni tas-sistema tal-istandardizzazzjoni tar-ruttam tal-ħadid importat minn pajjiżi terzi stabbilita skont it-Trattat KEFA, u b’mod iktar partikolari tas-somma imposta mill-Awtorità Għolja skont żewġ deċiżjonijiet meħuda mill-Uffiċju Konġunt tal-Konsumaturi tar-Ruttam tal-Ħadid u l-Fond għall-Istandardizzazzjoni tar-Ruttam tal-Ħadid Importat (iktar ’il quddiem l-“Aġenziji ta’ Brussell”), li t-tnejn li huma ġew inkarigati bl-implementazzjoni tal-iskema mill-Awtorità Għolja tal-KEFA. L-Aġenziji ta’ Brussell kienu t-tnejn li huma korpi rregolati mid-dritt privat u stabbiliti skont il-leġiżlazzjoni Belġjana.

62.
Fis-sentenza Meroni, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-Awtorità Għolja kienet intitolata tiddelega s-setgħat tagħha lil korp jew korpi esterni. Madankollu, id-delega kienet suġġetta għal restrizzjonijiet imposti mit-Trattat KEFA. Il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li l-Awtorità Għolja ma setgħetx tikkonferixxi lill-awtorità li tkun qiegħda tingħata d-delega setgħat differenti minn dawk li għandha l-Awtorità Għolja skont it-Trattat KEFA ( 82 ). Pereżempju, id-deċiżjonijiet tal-Aġenziji ta’ Brussell ma kinux suġġetti għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja skont il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 33 tal-KEFA, meta din il-limitazzjoni kienet tapplika għal atti legali tal-Awtorità Għolja ( 83 ). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li d-delegi tas-setgħa huma leġittimi biss meta jkunu neċessarji għat-twettiq tal-kompiti tal-Awtorità Għolja. Kull delega ta’ setgħa kellha neċessarjament tkun relatata ma’ setgħat eżekuttivi li jkunu ddefiniti b’mod ċar, u li l-użu tagħhom kollha kemm huma kellu jkun suġġett għas-sorveljanza tal-Awtorità Għolja ( 84 ).

63.
Kien f’dan il-kuntest li l-Qorti tal-Ġustizzja waslet għall-konklużjoni tagħha magħrufa sew li “d-delega tas-setgħat mogħtija lill-aġenziji ta’ Brussell bis-saħħa tad-Deċiżjoni Nru 14/55 tagħti lil dawk l-aġenziji ammont ta’ libertà li jfisser marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ li ma jistax jitqies li huwa kompatibbli mar-rekwiżiti tat-Trattat” ( 85 ).

64.
Għalhekk, mill-kuntest li fih il-Qorti tal-Ġustizzja waslet għad-deċiżjoni tagħha f’Meroni, jidhirli ċar li t-tħassib tagħha kien dwar żewġ kwistjonijiet; l-ewwel nett, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet imħassba dwar il-fatt li ma sar l-ebda stħarriġ ġudizzjarju tal-atti tal-aġenziji ta’ Brussell; it-tieni nett, riedet tipprevjeni lill-Awtorità Għolja milli tiddelega setgħat li kienu usa’ minn dawk tagħha stess, u li kienu ddefiniti b’mod tant wiesa’ li kien jirrendihom arbitrarji. Fl-opinjoni tiegħi, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet qiegħda ssostni għaldaqstant il-fatturi essenzjali kostituzzjonali għall-istħarriġ ġudizzjarju effettiv u għall-bilanċ istituzzjonali.
b) Il-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Romano

65.
Kien hemm tħassib simili fil-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Romano. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat rinviju mit-Tribunal tax-Xogħol Belġjan dwar l-interpretazzjoni u l-validità tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Amministrattiva tal-Komunitajiet Ewropej għas-sigurtà soċjali għall-ħaddiema migranti, (iktar ’il quddiem il-“Kummissjoni Amministrattiva”) ( 86 ) u l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 574/72 tal-21 ta’ Marzu 1972 li jistipula l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 dwar l-applikazzjoni ta’ skemi ta’ sigurtà soċjali għal persuni impjegati u l-familji tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità ( 87 ). Il-Kummissjoni Amministrattiva, li ġiet stabbilita skont dan ir-regolament tal-aħħar, ħadet deċiżjoni li kellha effett sfavorevoli fuq is-somma pagabbli lil Romano bħala dritt ta’ pensjoni.

66.
Fid-deċiżjoni tagħha dwar is-setgħat tal-Kummissjoni Amministrattiva, il-Qorti tal-Ġustizzja waslet għall-konklużjoni magħrufa sew:
“[...] jirriżulta kemm mill-Artikolu 155 tat-Trattat kif ukoll mis-sistema ġudizzjarja maħluqa mit-Trattat, u b’mod partikolari mill-Artikoli 173 u 177 tiegħu, li korp bħal ma hija l-Kummissjoni Amministrattiva ma jistax jingħata s-setgħa mill-Kunsill li jadotta miżuri li jkollhom forza ġuridika” ( 88 ).

67.
Kif ġie ppreċiżat waqt is-seduta, il-verżjonijiet lingwistiċi Franċiża, Olandiża, Ġermaniża u Spanjola tas-sentenza Romano juru li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha kien illimitat għal projbizzjoni tal-adozzjoni ta’ miżuri normattivi mill-aġenziji. Pereżempju, il-frażi “acts having the force of law” [atti li għandhom forza ġuridika] fil-punt 20 tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Romano, fil-verżjoni Franċiża tat-test tas-sentenza ġiet espressa bħala “acts revêtant un caractère normatif”. Għalhekk it-traduzzjoni Ingliża “acts having the force of law” għandha tinqara fid-dawl ta’ verżjonijiet lingwistiċi oħra.
2. Il-ġurisprudenza tas-sentenzi Meroni u Romano fil-kuntest tad-dritt kurrenti tal-UE dwar l-aġenziji regolatorji

68.
Ġie sostnut li, sa issa, il-Qorti tal-Ġustizzja għadha qatt ma applikat il-prinċipji tas-sentenza Meroni għal xi aġenzija tal-UE ta’ dan iż-żmien ( 89 ). Fil-qosor, il-problema tinsab fir-rikonċiljazzjoni tal-proliferazzjoni tal-aġenziji mal-projbizzjoni tad-delega lill-aġenziji u korpi oħra ta’ setgħat dikrezzjonali eċċessivament wiesgħa u/jew definiti insuffiċjentement li ġiet stabbilita fis-sentenza Meroni ( 90 ), u mal-projbizzjoni tal-adozzjoni mill-aġenziji ta’ miżuri li għandhom “forza ġuridika”, li ġiet stabbilita fis-sentenza Romano.

69.
Ta’ min jenfasizza d-differenzi fundamentali, fil-kuntest fattwali u ġuridiku, bejn l-aġenziji kkunsidrati mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-1958 fis-sentenza Meroni, u l-mod kif jiffunzjonaw l-aġenziji llum. F’kummentarju minnhom ġew deskritti kif ġej;
“L-Aġenziji ta’ Brussell [ittrattati f’Meroni] kienu korpi stabbiliti skont id-dritt privat, filwaqt li l-aġenziji tal-UE huma korpi pubbliċi skont id-dritt tal-UE. Għalkemm jagħmel perfettament sens li wieħed jikkwalifika dawn ta’ qabel bħala “korpi estranji”, dan ma huwiex il-każ fir-rigward tal-aġenziji tal-UE. L-aġenziji ta’ Brussell kienu ngħataw is-setgħat tagħhom mill-Awtorità Għolja, filwaqt li l-aġenziji tal-UE ġew stabbiliti u mogħtija s-setgħat mil-leġiżlatura tal-UE. Minbarra dan, id-deċiżjoni f’Meroni ttieħdet abbażi tat-Trattat KEFA, filwaqt li l-aġenziji kurrenti tal-UE joperaw taħt it-Trattati tal-UE”. ( 91 ) [traduzzjoni libera]

70.
Il-limitazzjonijiet fuq ir-rilevanza tad-deċiżjoni Romano għad-dritt kurrenti dwar l-aġenziji ġew spejgati fis-sentenza nfisha. Fl-opinjoni tiegħi huwa ċar li, meta kienet qed tipprekludi l-għoti tas-setgħat leġiżlattivi lill-aġenzija inkwistjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet konxja tan-nuqqas ta’ faċilità, skont it-Trattat kif ifformulat dak iż-żmien, għall-istħarriġ ġudizzjarju ta’ dawn il-miżuri. Madankollu t-Trattat ta’ Lisbona pprovda għal dan in-nuqqas, ikkonfigura mill-ġdid id-delega tas-setgħat leġiżlattivi skont l-Artikolu 290 TFUE, u kkjarifika l-ambitu u l-operat tas-setgħat ta’ implementazzjoni skont l-Artikolu 291 TFUE.

71.
F’dak li jirrigwarda Meroni, it-tħassib tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-bilanċ istituzzjonali u l-bżonn li jiġu ddikjarati kontra l-liġi d-delegi ta’ setgħat li jkunu eċċessivament wiesgħa u/jew arbitrarji, huma rilevanti illum daqs kemm kienu fl-1958. Madankollu, anki dawn għandhom jiġu eżaminati billi jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod xieraq l-iżviluppi fil-liġi primarja tal-Unjoni Ewropea, kif rifless fl-Artikoli 290 u 291 TFUE.

72.
Kif ser jiġi spjegat fit-taqsima li jmiss, l-evoluzzjoni tad-dritt kostituzzjonali fl-UE, li seħħet taħt it-Trattat ta’ Lisbona, fil-fatt akkomodat il-kwistjonijiet kruċjali li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tittratta f’Meroni u Romano; jiġifieri n-nuqqas ta’ kriterji previsti fi trattat f’dak li jirrigwarda l-għoti tad-delega tas-setgħat biex jiġi żgurat ir-rispett għall-bilanċ istituzzjonali, u l-lacuna f’dak li jirrigwarda l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ atti ta’ aġenziji li huma ġuridikament vinkolanti.
3. It-tibdiliet li ġab miegħu t-Trattat ta’ Lisbona

73.
Kif ġie nnotat iktar ’il fuq, l-awtorità tal-Qorti tal-Ġustizzja li tistħarreġ l-atti ta’ “korpi jew organi ta’ l-Unjoni maħsuba sabiex jipproduċu effetti legali fil-konfront ta’ partijiet terzi” issa ġiet ikkonfermata mill-Artikolu 263 TFUE, filwaqt li l-Artikolu 263 TFUE jipprovdi li meta tkun qiegħda tistħarreġ l-atti ta’ aġenziji, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha għad-dispożizzjoni tagħha l-motivi tradizjonalment disponibbli fid-dritt tal-UE ( 92 ). Skont l-Artikolu 265 TFUE, il-proċeduri applikabbli fir-rigward tan-nuqqas ta’ aġir huma wkoll disponibbli biex ikun jista’ jiġi kkontestat ix-xogħol tal-aġenziji, filwaqt li l-Artikolu 267 TFUE jiżgura li l-istħarriġ tal-validità mill-qrati nazzjonali jkun disponibbli anki fir-rigward tal-aġenziji. L-aġenziji jiddaħlu fl-aħħar livell tal-istruttura ġudizzjarja tal-UE billi jissemmew fl-eċċezzjoni ta’ illegalità fl-Artikolu 277, li tgħodd fir-rigward ta’ atti li huma ta’ applikazzjoni ġenerali. B’kuntrast ma’ dan, ma jsir l-ebda riferiment għall-aġenziji fid-dispożizzjonijiet dwar ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali, jiġifieri fl-Artikoli 268 u 340 TFUE, iżda skont il-ġurisprudenza, jistgħu jsiru kawżi għad-danni fir-rigward ta’ miżuri meħuda mill-aġenziji ( 93 ).

74.
Fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat hawn fuq imsemmija, jidher ċar li l-aġenziji jistgħu jingħataw is-setgħat li jieħdu deċiżjonijiet ġuridikament vinkolanti bl-għan li joħolqu effetti legali fuq terzi. Inkella dawn l-emendi tat-Trattat ikunu mingħajr skop. Għalhekk, fl-opinjoni tiegħi, bl-istess mod li ma jistax ikun hemm oġġezzjoni per se għall-adozzjoni, minn aġenziji bħalma hija l-AETS, ta’ miżuri b’effetti ġuridiċi fuq terzi persuni bħalma huma l-investituri u l-kummerċjanti tat-titoli ta’ sigurtà, lanqas ma jista’ jkun hemm xi oġġezzjoni per se għal miżuri bħal dawn abbażi ta’ Meroni jew ta’ Romano.

75.
Minkejja dan, nirrikonoxxi li, filwaqt li t-Trattat ta’ Lisbona jippjana fid-dettall is-sistema tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-liġijiet u d-deċiżjonijiet maħruġa mill-aġenziji, ma huwiex daqshekk ċar meta jiġi biex jiddefinixxi l-limiti tas-setgħat tal-aġenziji ( 94 ). Dan minħabba li l-aġenziji ma jissemmew la fl-Artikolu 290 TFUE, li jipprovdi għad-delega tal-ħruġ ta’ regoli f’atti leġiżlattivi lill-Kummissjoni, u lanqas fl-Artikolu 291, li jagħti s-setgħat implementattivi lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni, u f’xi ċirkustanzi limitati, lill-Kunsill. Qabel it-Trattat ta’ Lisbona ġew ikkombinati żewġ tipi ta’ setgħat taħt l-espressjoni “setgħat implimentattivi”, minkejja n-natura differenti tagħhom. Dawn kienu s-setgħa tal-adozzjoni ta’ atti normattivi li jemendaw jew jissupplimentaw atti leġiżlattivi bażiċi, u s-setgħa tal-implementazzjoni jew tal-eżekuzzjoni, fuq il-livell tal-UE, ta’ atti leġiżlattivi tal-UE jew ta’ xi wħud mid-dispożizzjoniet tagħhom ( 95 ). Il-Konvenzjoni Ewropea pproponiet li ssir delineazzjoni ċara bejn dawn iż-żewġ fenomeni ( 96 ), u din il-proposta ġiet inkorporata fit-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa ( 97 ). Din it-tibdila eventwalment sabet ruħha fit-Trattat ta’ Lisbona fl-Artikoli 290 u 291 TFUE ( 98 ).

76.
L-Artikolu 290 TFUE essenzjalment jipprovdi għad-delega tas-setgħat fir-rigward tal-adozzjoni ta’ regoli li jissupplimentaw jew jemendaw ċerti elementi mhux essenzjali ta’ att leġiżlattiv ( 99 ). Dawn is-setgħat jistgħu jiġu ddelegati lill-Kummissjoni biss. Fi kliem ieħor, att delegat skont l-Artikolu 290 jittrasferixxi lill-Kummissjoni s-setgħa li tagħmel tibdiliet mhux essenzjali lil atti leġiżlattivi speċifiċi u/jew l-awtorità li tissupplimentahom. Madankollu, fl-istess waqt, sabiex jippreżerva r-responsabbiltà demokratika fir-rigward tal-abbozzar tar-regoli fil-livell tal-UE, l-Artikolu jissuġġetta d-delega għal kundizzjonijiet stretti. Skont l-Artikolu 290(1), l-“objettivi, il-kontenut, il-kamp ta’ l-applikazzjoni u d-durata tad-delega ta’ setgħa” għandhom jiġu “definiti espressament” fl-atti leġiżlattivi rilevanti ( 100 ).

77.
L-Artikolu 291 TFUE dwar is-setgħat implementattivi għandu għan differenti. L-ewwel nett, jistabbilixxi r-regola fundamentali li l-implementazzjoni tad-dritt tal-UE għandha taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Istati Membri. It-tieni nett, fil-każ li jkunu qed jiżguraw l-implementazzjoni ta’ miżuri tal-UE li huma ġuridikament vinkolanti b’mod iżjed uniformi milli inkella jkun possibbli, is-setgħat implementattivi jistgħu jingħataw lill-Kummissjoni, jew taħt ċerti kundizzjonijiet restrittivi, lill-Kunsill. B’konsegwenza ta’ dan, is-setgħat implementattivi jistgħu jiġu eżerċitati fuq il-livell tal-UE minflok fuq il-livell nazzjonali. Jien għalhekk naqbel mal-kummentaturi li huma tal-fehma li l-għan tas-setgħat implementattivi tal-Artikolu 291 TFUE huwa li jippermetti li l-kontenut normattiv tal-att li jkun qed jiġi implementat ikun iżjed iddettaljat, sabiex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni tiegħu. Dan huwa pjuttost differenti mill-għan tal-miżuri adottati permezz ta’ delega skont l-Artikolu 290, li huwa li jillibera lil-leġiżlatur tal-UE mill-bżonn li jemenda jew jissupplimenta elementi mhux essenzjali ta’ atti legali filwaqt li fl-istess ħin jirriżerva għal-leġiżlatur t-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar l-elementi essenzjali ta’ qasam partikolari ( 101 ).

78.
Wieħed għandu jammetti li d-delineazzjoni bejn is-supplimentazzjoni ta’ att leġiżlattiv b’elementi mhux essenzjali u l-provvediment ta’ regoli implementattivi iżjed iddettaljati ma hijiex dejjem faċli ( 102 ). Minkejja dan, kif osserva ċertu filosfu, “l-eżistenza ta’ każijiet ambigwi ma timplikax l-assenza ta’ każijiet ċari pożittivi jew negattivi ( 103 ). [traduzzjoni libera]

79.
Madankollu, bil-kontra ta’ argumenti li jidhru fir-rikors għal annullament tar-Renju Unit, dan ma jfissirx li miżura ta’ implementazzjoni skont il-Artikolu 291 TFUE ma tistax tkun waħda ta’ applikazzjoni ġenerali. Meta din tkun ta’ applikazzjoni ġenerali, tkun tammonta għal att regolatorju fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 ( 104 ). Din il-konklużjoni tirriżulta neċessarjament mill-fatt li t-Trattat ta’ Lisbona żied referenza għall-aġenziji fl-Artikolu 277 TFUE li, kif ġie indikat fl-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Parlament, jipprevedi għall-eċċezzjoni tal-illegalità fir-rigward ta’ atti ta’ “applikazzjoni ġenerali”. Ma’ dan nixtieq insemmi wkoll ir-referenza għall-aġenziji fir-rigward tal-istħarriġ tal-validità skont l-Artikolu 267, li tipikament jikkonċerna atti normattivi.

80.
Barra minn hekk, il-miżuri implementattivi skont l-Artikolu 291 TFUE jistgħu jieħdu l-forma ta’ deċiżjonijiet amministrattivi individwali ( 105 ). Madankollu, kif jidher ċar, id-deċiżjonijiet amministrattivi individwali huma kollha kemm huma preklużi taħt l-Artikolu 290 TFUE. Għalhekk, dak li għandhom komuni bejniethom l-Artikolu 290 TFUE u l-Artikolu 291 TFUE huwa biss il-fatt li t-tnejn li huma jistgħu jadottaw atti li huma materjalment regolatorji skont l-Artikolu 263(4) TFUE li għandhom il-forma ġuridika ta’ regolament jew deċiżjoni ta’ applikazzjoni ġenerali.

81.
Minn dan jirriżulta li t-TFUE, b’mod differenti mit-Trattati preċedenti, introduċa distinzjoni kunċettwali ċara bejn l-atti delegati u l-atti implementattivi. L-atti delegati skont l-Artikolu 290 TFUE huma atti mhux leġiżlattivi (regolatorji) ta’ applikazzjoni ġenerali adottati mill-Kummissjoni biex temenda jew tissupplimenta l-elementi mhux essenzjali ta’ att leġiżlattiv. L-atti implementattivi skont l-Artikolu 291 TFUE jistgħu jkunu jew atti regolatorji jew deċiżjonijiet amministrattivi individwali. Jistgħu jiġu adottati mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill biex tiġi żgurata l-implementazzjoni uniformi tal-miżuri tal-UE li huma ġuridikament vinkolanti. Minbarra dan, minħabba l-inkorporazzjoni obbligatorja tal-kliem “delegat” jew “implementattiv” fit-titolu, iż-żewġ tipi ta’ atti eżekuttivi issa jistgħu jiġu formalment distinti mill-istrumenti użati għall-adozzjoni ta’ atti leġiżlattivi ( 106 ).

82.
Fil-fatt, din id-distinzjoni hija riflessa fir-Regolament Nru 236/2012 innifsu, fejn is-setgħat delegati u s-setgħat implementattivi huma ttrattati f’kapitoli differenti. Is-setgħat implementattivi jingħataw lill-Kummissjoni permezz tal-Artikolu 44 (fil-Kapitolu VIII) tar-Regolament Nru 236/2012, filwaqt li s-setgħa tal-adozzjoni ta’ atti delegati tingħata lill-Kummissjoni permezz tal-Artikolu 42 (fil-Kapitolu VII) tar-Regolament Nru 236/2012 ( 107 ).
4. Konsegwenzi Kostituzzjonali

83.
Il-kwistjoni kostituzzjonali ewlenija fir-rigward tal-atti delegati tal-Artikolu 290 TFUE hija parti mir-responsabbiltà demokratika ( 108 ). Fi kliem ieħor, x’ammont ta’ setgħa leġiżlattiva jista’ jiġi delegat, u kif jista’ l-eżerċizzju ta’ dawn is-setgħat delegati jiġi kkontrollat mil-leġiżlatur? Bil-kontra, il-kwistjoni kostituzzjonali ewlenija fir-rigward tal-atti implementattivi skont l-Artikolu 291 TFUE tirrigwarda r-rispett tal-kompetenza primarja tal-Istati Membri fir-rigward tal-implementazzjoni tad-dritt tal-UE, u l-bilanċ istituzzjonali bejn il-Kunsill u l-Kummissjoni meta dawn jassumu rwoli implementattivi.

84.
Fl-opinjoni tiegħi, u kif ġie indikat fl-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni, hija l-Kummissjoni biss li tista’ tingħata s-setgħat delegati skont il-Artikolu 290 TFUE. Dan ifisser li, f’dan il-kuntest il-projbizzjoni Romano kontra l-għoti lill-aġenziji ta’ setgħat leġiżlattivi jew kważi-leġiżlattivi tibqa’ applikabbli kemm fis-sens li l-leġiżlatur tal-UE ma jistax jiddelega s-setgħat leġiżlattivi tiegħu lil aġenzija, kif ukoll fis-sens li d-delega sekondarja mill-Kummissjoni lil aġenzija, tas-setgħat delegati lilha skont l-Artikolu 290 TFUE, hija illegali ( 109 ).

85.
L-aġenziji għandhom neċessarjament jiġu preklużi mid-delegi tas-setgħat skont l-Artikolu 290, minħabba li l-eżerċizzju ta’ dawn is-setgħat jibdel il-kontenut normattiv tal-atti leġiżlattivi, minkejja li fir-rigward tal-elementi mhux essenzjali tagħhom. L-esklużjoni tal-aġenziji u l-korpi kollha li huma esterni mill-Kummissjoni tirriżulta wkoll mill-kliem tal-Artikolu 290 TFUE. Minbarra dan, huwa ċar li l-mekkaniżmu relatat mal-kundizzjonijiet li għalihom il-leġiżlatur jista’ jissuġġetta d-delega skont l-Artikolu 290(2) TFUE, jeskludi lill-aġenziji, minħabba li dawn ma jistgħux jagħmlu parti mis-sistema ta’ kontrolli u bilanċi interistituzzjonali. Il-prinċipju tad-demokrazija, stabbilit fl-Artikoli 2 u 10 TFUE, neċessarjament jeżiġi li kull setgħa ta’ adozzjoni ta’ miżura tal-UE li tista’ tibdel l-elementi mhux essenzjali ta’ att leġiżlattiv tal-UE, għandha tiġi eżerċitata minn istituzzjoni tal-UE li hija demokratikament responsabbli, fi kliem ieħor mill-Kummissjoni, li fl-aħħar mill-aħħar hija responsabbli quddiem il-Parlament Ewropew ( 110 ).

86.
B’kuntrast ma’ dan, din it-tip ta’ restrizzjoni ma tapplikax għas-setgħat implementattivi tal-Artikolu 291 TFUE. Huwa naturalment minnu li l-Artikolu 291 TFUE, bħall-Artikolu 290 TFUE, ma jirreferix għall-aġenziji bħala suġġetti li jistgħu jingħatawlhom is-setgħat implementattivi fuq il-livell tal-UE. Madankollu, minħabba li s-setgħat implementattivi ma humiex estiżi għall-emenda jew għas-supplimentazzjoni ta’ atti leġiżlattivi b’elementi ġodda, il-prinċipji fundamentali kostituzzjonali ma jwaqqfux, fl-opinjoni tiegħi, lil-leġiżlatur milli jagħti dawn il-poteri lill-aġenziji bħala soluzzjoni intermedja bejn, minn naħa, l-għoti tal-awtorità ta’ implementazzjoni lill-Kummissjoni, u min-naħa l-oħra, li din titħalla f’idejn l-Istati Membri.

87.
Dan il-pjan ta’ azzjoni jista’ jkun partikolarment xieraq meta jkunu meħtieġa evalwazzjonijiet tekniċi kumplessi biex tkun tista’ tiġi implementata miżura tal-UE. Kif ġie indikat fl-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Parlament, l-għoti ta’ dawn is-setgħat lill-aġenziji minn dejjem kien jidderoga minn prinċipji ġenerali dwar l-implementazzjoni fit-Trattat. Dan huwa suġġett li fir-rigward tiegħu l-aġenziji żammew funzjoni importanti tul ħafna żmien, u biex dan jinbidel kienet tkun meħtieġa l-abolizzjoni espliċita tagħha fit-Trattat ta’ Lisbona. Barra minn hekk, kif diġà spjegajt, bosta dispożizzjonijiet tat-Trattat issa jirrikonoxxu b’mod impliċitu li l-aġenziji għandhom il-potenzjal jieħdu deċiżjonijiet ġuridikament vinkolanti b’effetti fuq terzi. Pereżempju, huwa diffiċli li wieħed jipprevedi x’jistgħu jkunu d-deċiżjonijiet tal-korpi, l-uffiċji jew l-aġenziji msemmija fl-Artikolu 267 TFUE jekk il-leġiżlatur ma jkunx jista jagħti s-setgħat implementattivi lil dawn l-entitajiet.

88.
Għalhekk, kif ġie indikat fl-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni, il-ġurisprudenza f’Meroni tibqa’ rilevanti fil-kuntest tad-delega ta’ setgħat implementattivi lil aġenzija. B’mod iżjed speċifiku, is-sentenza Meroni tibqa’ rilevanti fis-sens li (i) ma jistgħux jiġu delegati lil aġenzija setgħat li huma differenti mis-setgħat implementattivi li l-leġiżlatur tal-UE ikun ta lill-awtorità li tiddelega, kemm jekk din tkun il-Kummissjoni kif ikoll jekk ikun il-Kunsill, u (ii) is-setgħat delegati għandhom ikunu ddefiniti suffiċjentement biex ikun jista’ jiġi prekluż l-eżerċizzju arbitrajru tas-setgħa. Fi kliem ieħor, l-att li jiddelega għandu jipprovdi kriterji ċari biżżejjed biex jekk ikun hemm bżonn, is-setgħa implementattiva tkun tista’ tiġi mistħarrġa ġudizzjarjament. L-awtorità li tiddelega “għandha tieħu deċiżjoni espliċita meta tittrasferihom u d-delega tista’ tirrigwarda biss setgħat ta’ eżekuzzjoni definiti b’mod preċiż” ( 111 ).
5. L-applikazzjoni ta’ dawn il-prinċipji ġenerali għall-każ inwkistjoni.

89.
Naturalement, il-prinċipju kostituzzjonali fundamentali, li issa jinsab espress fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 290(1) TFUE, u li jirriżerva l-elementi essenzjali ta’ qasam partikolari għal att leġiżlattiv, jirrestrinġi mhux biss il-kamp ta’ applikazzjoni tal-atti delegati, iżda anki l-kamp ta’ applikazzjoni tal-atti implementattivi. Huwa ċar li dan il-prinċipju ġie osservat fl-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 236/2012. Inkella l-Artikolu 290 TFUE jkun irrilevanti f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-kompatibilità tas-setgħat tal-AETS skont l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 236/2012 mad-dritt kostituzzjonali tal-UE. Kif ġie indikat fl-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni, l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 236/2012 ma jagħtix is-setgħa lill-AETS li tissupplimenta jew temenda d-dispożizzjonijiet tiegħu. Għar-raġunijiet li semmejt iktar ’il fuq, li kieku għamel dan, jiġifieri li kieku ta setgħat ta’ dan it-tip lill-AETS bħala aġenzija, kien ikun neċessarjament qed jikser il-liġi.

90.
Madankollu, l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 236/2012 lanqas ma jinvolvi delega sekondarja lil aġenzija tas-setgħat implementattivi skont l-Artikolu 291 TFUE li jkunu preċedentement ingħataw lill-Kummissjoni jew lill-Kunsill. Fi kliem ieħor, is-setgħat tal-AETS skont l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 236/2012 ma ġewx mogħtija lilha permezz ta’ att “implementattiv” skont l-Artikolu 291(4), adottat mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill, iżda direttament mill-leġiżlatur tal-UE permezz ta’ att leġiżlattiv skont l-Artikolu 289(3) TFUE.

91.
Din id-distinzjoni hija importanti minħabba li l-għoti tas-setgħa mil-leġiżlatur, fih innifsu, ma jistax ikun suġġett għar-restrizzjonijiet stabbiliti f’Meroni. Fil-fatt, il-leġiżlatur tal-UE ma jkunx qiegħed jaġixxi bħala “awtorità li tiddelega” fis-sens tas-sentenza Meroni meta jagħti s-setgħat implementattivi lill-istituzzjonijiet, lill-aġenti jew lill-korpi l-oħra tal-Unjoni, iżda bħala attur kostituzzjonali li jkun qiegħed jeżerċita l-kompetenza leġiżlattiva tiegħu stess, kif mgħoddija lilu mill-karta kostituzzjonali ogħla, jiġifieri t-Trattat ta’ Lisbona. Is-setgħat eżekuttivi u ġudizzjarji li l-leġiżlatur tal-UE jista’ jagħti lill-istituzzjonijiet jew lill-korpi huma kwalitattivament differenti mis-setgħat tiegħu. Skont l-Artikolu 257 TFUE, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistgħu, pereżempju, jistabbilixxu qrati speċjalizzati. Madankollu ma hemmx għalfejn ingħidu li taħt l-ebda ċirkustanzi ma jista’ jitqies li għandhom huma stess is-setgħat ġudizzjarji, u li jistgħu sussegwentement jiddelegawhom lil korpi oħra. Kull ma huwa meħtieġ huwa li l-qrati speċjalizzati jiġu stabbiliti fuq bażi legali xierqa kif previst fit-Trattat ta’ Lisbona.

92.
Madankollu, fl-opinjoni tiegħi, il-prinċipju espress għall-ewwel darba fis-sentenza Meroni, li jirrigwarda l-projbizzjoni ta’ setgħat implementattivi eċċessivament wiesgħa u/jew arbitrarji, jibqa’ rilevanti għall-evalwazzjoni tal-leġittimità tal-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 236/2012 skont id-dritt kostituzzjonali tal-UE. Il-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea ma jistax jagħti lill-AETS l-awtorità li timplementa miżuri li jkunu jiskru dan il-prinċipju, għaliex setgħa ta’ implementazzjoni tista’ tingħata b’mod validu biss jekk tkun suffiċjentement speċifika, jiġifieri, għandhom jiġu speċifikati b’mod ċar il-limiti tas-setgħa mogħtija. Inkella l-bilanċ istituzzjonali u l-possibbiltà ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv tal-użu ta’ setgħat ta’ implementazzjoni ma jiġux salvagwardjati ( 112 ).

93.
Minbarra dan, l-AETS ma jistax ikollha s-setgħa li tieħu deċiżjonijiet ta’ politika ( 113 ). Pereżempju, dispożizzjoni leġiżlattiva li tagħti s-setgħa lil awtorità implementattiva tal-UE li tipprojbixxi l-bejgħ bin-nieqes “meta dan ikun neċessarju”, tkun tikkostitwixxi għoti anti-kostituzzjonali ta’ setgħat implementattivi abbażi ta’ dan il-fatt, irrispettivament minn jekk dawn kinux ingħataw lill-Kummissjoni jew lil aġenzija ( 114 ). Dan jirrifletti l-prinċipju ġenerali tar-rwol ewlieni ta’ leġiżlatura demokratika, irrikonoxxut fil-kostituzzjonijiet ta’ diversi Stati Membri, u fl-Artikolu 290 TFUE, fis-sens li l-leġiżlazzjoni ma tkunx vaga jew mingħajr limiti b’tali mod li għażliet ta’ politika jew ġudizzji ta’ valur essenzjali jkun għadhom iridu jiġu deċiżi fl-istadju implementattiv.

94.
Jien naqbel mal-argumenti magħmula mill-Gvern Franċiż waqt is-seduta li l-azzjoni li l-AETS hija kemm awtorizzata kif ukoll obbligata tadotta skont l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 236/2012, tikkonsisti fl-implementazzjoni (l-eżekuzzjoni). Din il-konklużjoni ma hijiex affettwata mill-fatt li, meta tkun qiegħda tapplika l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 235/2012, l-AETS tista’ tiġi meħtieġa twettaq evalwazzjonijiet fattwali kumplessi jew tuża kliem semantikament vag bħal “serjament”, “xieraq” [ordnat] u “integrità tas-swieq finanzjarji” kif previst fl-Artikolu 24(3) Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 918/2012. Il-kwistjoni hija jekk l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 236/2012 jikkonferixxix setgħat eżekuttivi ddefiniti b’mod ċar. Kif diġà indikajt fil-punti 41 sa 43 iktar ’il fuq, l-eżerċizzju ta’ dawn is-setgħat ingħata bi preċiżjoni u definizzjoni f’bosta modi differenti.

95.
L-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 236/2012 jimponi obbligu fuq l-AETS li tieħu ċerti miżuri taħt ċerti kundizzjonijiet li jinsabu elenkati f’dan l-artikolu, u li t-tifsira tagħhom tinsab elaborata iżjed fl-Artikolu 24(3) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 918/2012. Barra minn hekk, l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 236/2012 jiddefinixxi b’mod espliċitu l-kontenut tal-miżuri, il-proċeduri għall-adozzjoni tagħhom, u l-effett tagħhom fiż-żmien. Dawn il-miżuri huma diretti lejn persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jkollhom pożizzjonijiet bin-nieqes netti fi strument jew strumenti finanzjarji speċifiċi, jew li beħsiebhom jinvolvu ruħhom fil-bejgħ bin-nieqes ta’ strument finanzjarju.

96.
Għalhekk, skont l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 236/2012, l-AETS hija obbligata taġixxi f’ċirkustanzi limitati fir-rigward ta’ ċerti strumenti finanzjarji jew klassijiet ta’ strumenti finanzjarji, skont il-każ. Il-miżuri adottati skont l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 236/2012 normalment jikkonċernaw kategorija astratta ta’ persuni u għalhekk, ladarba eżerċitati, ikunu jammontaw għal deċiżjoni amministrattiva ta’ applikazzjoni ġenerali.

97.
Ir-Regolament Nru 236/2012, u b’mod iżjed speċifiku l-Artikolu 28 tiegħu, huma r-riżultat ta’ għażla politika magħmula mil-leġiżlatur fis-sens li f’kundizzjonijiet normali l-bejgħ bin-nieqes ikun utli, iżda f’ċirkustanzi eċċezzjonali definiti jista’ jkun ta’ theddida għal funzjonament kif suppost tas-suq intern. Saret għażla politika oħra li permezz tagħha din it-theddida għandha, jekk ikun hemm bżonn, tiġi indirizzata billi tittieħed azzjoni fuq il-livell tal-UE. B’hekk, il-ġudizzji ta’ valur essenzjali li jifformaw il-bażi tal-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 236/2012 saru mil-leġiżlatur tal-UE u ma tħallewx f’idejn l-AETS.

98.
Barra minn hekk, meta tinqala’ sitwazzjoni eċċezzjonali, skont l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 236/20120 u l-Artikolu 24(3) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 918/2012, l-AETS ma għandha l-ebda libertà li tiddeċiedi jekk taġixxix jew le. Iżda l-AETS għandha l-obbligu li taġixxi.

99.
Fl-aħħar nett, filwaqt li l-applikazzjoni tal-kriterji u l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 28 tar-Regolament 2012 jeħtieġu evalwazzjoni kumplessa tal-fatti, il-AETS ġiet stabbilita preċiżament għal dan l-iskop. L-AETS tikkonsisti fi struttura kumplessa li tiġbor flimkien l-awtoritajiet esperti nazzjonali li huma obbligati jikkonsultaw il-BERS. Fl-opinjoni tiegħi, il-bżonn li jsiru dawn l-evalwazzjonijiet teknikament diffiċli fuq bażi oġġettiva u mhux politika huwa argument li jsostni l-għoti tas-setgħat inkwistjoni lil aġenzija esperta pjuttost milli lill-Kummissjoni.

100.
Bil-kontra tal-argumenti ppreżentati mir-Renju Unit waqt is-seduta, il-possibiltà li jkun hemm nuqqas ta’ qbil bejn l-esperti dwar xi suġġett, ma jimplikax neċessarjament li d-deċiżjonijiet ma kinux oġġettivi jew li ġiet eżerċitata xi libertà assoluta f’kull sens ġuridikament rilevanti. Ma huwiex rari li l-esperti, u saħansitra anki l-imħallfin, ma jaqblux bejniethom. L-oġġettività hija fil-fatt dipendenti fuq garanziji proċedurali li jiżguraw li min jieħu d-deċiżjonijiet jibni l-evalwazzjoni tiegħu fuq bażi fattwali wiesgħa u fuq metodoloġija soda, wara li jkun ikkonsulta l-atturi rilevanti. Dawn ir-rekwiżiti huma riflessi fl-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 236/2012.

101.
Fl-opinjoni tiegħi, kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tqis li huwa neċessarju li tieħu deċiżjoni dwar il-konformità tal-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 236/12 mar-regoli tad-dritt kostituzzjonali dwar l-għoti tal-awtorità b’mod dirett mil-leġiżlatur tal-UE lil aġenzija (f’dan il-każ lill-AETS), kien ikollha tikkonstata li r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 291 TFUE u l-prinċipji kostituzzjonali ġenerali li jirregolaw is-setgħat implementattivi ġew osservati fl-intier tagħhom.
IV – Konklużjoni

102.
Għalhekk, filwaqt li nikkonkludi li għandha tintlaqa’ l-ewwel talba tar-Renju Unit, u li l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 236/2012 għandu jiġi annullat minħabba li l-Artikolu 114 TFUE ma jikkkostitwixxix bażi legali xierqa għalih, it-tieni talba tar-Renju Unit fir-rigward tal-ispejjeż għandha tiġi miċħuda. Ir-Renju Unit ma rnexxiex fir-rigward tal-ewwel tliet motivi li qajjem, fejn sostna li s-setgħat mogħtija lill-AETS skont l-Artikolu 28 tar-Regolament 236/2012 imorru kontra l-ġurisprudenza ta’ Meroni u Romano. Għaldaqstant, skont l-Artikolu 138 (3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

103.
Għaldaqstant nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tannulla l-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) Nru 236/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2012 dwar bejgħ bin-nieqes u ċerti aspetti tas-swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu, u li kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
( 2 ) ĠU L 86, p. 1.
( 3 ) Regolament ta’ Delega (UE) Nru 918/2012, tal-5 ta’ Lulju 2012, li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 236/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar bejgħ bin-nieqes u ċerti aspetti ta’ swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu fir-rigward tad-definizzjonijiet, il-kalkolu ta’ pożizzjonijiet bin-nieqes netti, swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu sovrani koperti, livelli limitu ta’ notifika, livelli limitu ta’ likwidità għas-sospensjoni tar-restrizzjonijiet, waqgħat sinifikanti fil-valur tal-istrumenti finanzjarji u avvenimenti avversi (ĠU L 274, p. 1). Dan l-att ta’ delega ġie adottat abbażi tal-Artikoli 2(2), 3(7), 4(2), 7(3), 13(4), 23(7) u 30 tar-Regolament Nru 236/12.
( 4 ) Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Novembru 2010, li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq), li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE, ĠU L 331, p. 84, kif emendat bid-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-8 ta’ Ġunju 2011, dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi u li temenda d-Direttivi 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010 (ĠU L 174, p. 1).
( 5 ) Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Novembru 2010, li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, p. 12).
( 6 ) Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Novembru 2010, li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/79/KE (ĠU L 331, p. 48).
( 7 ) Ġew irrakkomandati miżuri b’effetti estensivi fir-Rapport finali tal-Grupp Larosière, tal-25 ta’ Frar 2009. Ara .
( 8 ) Għal diskussjoni ddettaljata ara pereżempju T. Tridimas, “Financial Supervision and Agency Power: Reflections on AETS”, N. Shuibhne, u L. Gormley, (edituri) “From Single Market to Economic Union: essays in memory of John. A. Usher” (Oxford University Press, Oxford, 2012) p. 55 sa 83.
( 9 ) Għal analiżi ddettaljata ara pereżempju J. Payne, “The regulation of short selling and its reform in Europe”European Business Organization Law Review 13(3) (2012) p. 413 sa 440; O. Juurikkala, “Credit Default Swaps and the EU Bejgħ bin-nieqes Regulation: A Critical Analysis”, European Company and Financial Law Review 9 (2012) pp. 307 sa 341.
( 10 ) Ara l-premessi 8 sa 12 tar-Regolament Nru 1095/2010 u d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni SEC (2009) 1234 tat-23 ta’ Settembru 2009, p. 27 u 28.
( 11 ) Sentenza tat-13 ta’ Ġunju 1958, Meroni vs Awtorità Għolja [1957 & 1958] (C-9/56, Ġabra p. 133).
( 12 ) Sentenza tal-14 ta’ Mejju 1981, Romano (C-98/80, Ġabra p. 1241).
( 13 ) Ara J.-F. Couzinet, “La prise en compte de l’existence des ‘Agences’ par les récents traités”, f’“Les agences de l’Union européenne”, Brussell 2011, p. 191 sa 197.
( 14 ) Dan il-fatt kien diġà ġie ppreċiżat mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza Sogelma [2008], Ġabra p. II‑2771, punti 33 sa 57.
( 15 ) Ara pereżempju S. Griller, and A. Orator, “Everything under control? The ‘way forward’ for European agencies in the footsteps of the Meroni doctrine”, European Law Review 35 (2010), p. 3 sa 35; M. Chamon, “EU agencies: does the Meroni Doctrine make sense”, Maastricht Journal of European and Comparative Law 17 (2010), pp. 281 sa 305; M. Chamon, “EU Agencies between Meroni or the Devil and the Deep Blue Sea”, Common Market Law Review 48 (2011), p. 1055 sa 1075, fil-p. 1072; H. Hofmann, and A. Morini, “The Pluralisation of EU Executive-Constitutional Aspects of Agencification”, European Law Review 37 (2012), p. 419 sa 443. Għal analiżi ddettaljata tal-AETS fid-dritt tal-aġenziji tal-EU ara P. Schammo, “The European Securities and Markets Authority: Lifting the Veil on the Allocation of Powers”, Common Market Law Review 48 (2011), p. 1879 sa 1914; M. Busioc, M. Groenleer, u J. Tondal, (edituri) The Agency Phenomenon in the European Union: Emergence, institututionalism and every-day decision making (Manchester University Press, Manchester 2012); M. Busuioc, European Agencies: Law and Practices of Accountability (Oxford University Press, Oxford, 2013). Ara wkoll il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill “L-aġenziji Ewropej – Il-mixja ’l quddiem” KUMM (2008) 135 finali.
( 16 ) Ara wkoll l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE.
( 17 ) Barra dan, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali, jistgħu jsiru kawżi għad-danni kontra l-aġenziji meta jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 340 TFUE tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni Ewropea, għalkemm ma jsir l-ebda riferiment espliċitu għall-aġenziji f’din id-dispożizzjoni. Ara s-sentenza Sogelma, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, fejn il-Qorti Ġenerali ttrattat kawża għad-danni abbażi ta’ dan kontra l- Aġenzija Ewropea għar-Rikostruzzjoni.
( 18 ) L-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 1095/2010, kif emendat, jipprovdi inter alia li l-AETS għandha taġixxi fil-kuntest tas-setgħat mogħtija permezz ta’ dan ir-regolament u fil-limiti ta’ diversi miżuri oħra.
( 19 ) Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 827/2012, tad-29 ta’ Ġunju 2012, li jistabbilixxi l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni fir-rigward tal-mezzi għad-divulgazzjoni pubblika ta’ pożizzjoni netta f’ishma, il-format tal-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq fir-rigward tal-pożizzjonijiet bin-nieqes netti, it-tipi ta’ ftehimiet, arranġamenti u miżuri li jiżguraw b’mod xieraq li ishma jew strumenti ta’ dejn sovran huma disponibbli għas-saldu u d-dati u l-perjodu għad-determinazzjoni taċ-ċentru ewlieni għal sehem skont ir-Regolament (UE) Nru 236/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar bejgħ bin-nieqes u ċerti aspetti tas-swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu (ĠU L 251, p. 11).
( 20 ) “Abbozz ta’ Ftehim Inter-Istituzzjonali dwar il-ħolqien ta’ qafas operattiv għal aġenziji regolatorji Ewropej”, tal-25 ta’ Frar 2005 KUMM (2005) 59 finali, p. 5. Ġew proposti diversi definizzjonijiet f’kummentarji akkademiċi. Pereżempju, fil-p. 3 u 4 Griller u Orator op. cit argumentaw li l-aġenziji huma korpi permanenti relattivament indipendenti b’personalità ġuridika dderivata mid-dritt sekondarju tal-UE, u inkarigati b’kompiti speċifiċi. Ara wkoll, E. Chiti, “Existe-t-il un modèle d’Agence de l’Union européenne”, p. 73 u 74 f’Les agences de l’Union européenne, Brussell 2011, p. 49 sa 74.
( 21 ) .
( 22 ) Busuioc op. cit. p. 4, li jikkwota M. Everson, “Independent Agencies: Hierarchy Beaters”, 1 European Law Journal 1 (1995), 180 sa 204 f’190. Ara wkoll J. Weiler, “Epilogue: Comitology as Revolution Infranationalism, Constitutionalism and Democracy”, f’ C. Joerges, u E. Vos, (edituri) EU Committees, Social Regulation, Law and Politics (Hart Publishing, Oxford, 1999) p. 347 sa 349.
( 23 ) Dan huwa l-każ, pereżempju, fir-rigward tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża [Artikoli 42(3) u 45 TUE] u tal-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Artikolu 88 TFUE).
( 24 ) Għal deskrizzjoni ġenerali tal-funzjonijiet tal-AETS ara N. Moloney, “The European Securities and Markets Authority and institutional design for the EU financial market – a tale of two competences: Part 1: rule making”, European Business Law Review 12 (1) (2011) p. 41 sa 86 u Part 2 “rules in action”, European Business Law Review 12(2) (2011) p. 177 sa 225.
( 25 ) Hofmann u Morini, op. cit., p. 436.
( 26 ) Dawn huma l-Aġenzija Eżekuttiva għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni, il-Aġenzija Eżekuttiva għas-Saħħa u l-Konsumatur, il-Aġenzija Eżekuttiva tal-Edukazzjoni, il-Awdjoviżiv u l-Kultura, il-Aġenzija Eżekuttiva tan-Netwerk tat-Trasport Trans-Ewropew, il-Aġenzija Eżekuttiva għar-Riċerka, u l-Aġenzija Eżekuttiva tal-Kunsill Ewropew għar-Riċerka. Ara .
( 27 ) Qabel it-Trattat ta’ Lisbona kienet teżisti distinzjoni bejn l-aġenziji tal-“Kummissjoni” u l-aġenziji tal-“Kunsill”, peress li l-aġenziji tal-Kummissjoni kienu ġew stabbiliti taħt l-ewwel kolonna l-antika, filwaqt li dawk tal-Kunsill ġew stabbiliti taħt it-tieni u t-tielet kolonni. Ara Busuioc op. cit. p. 21 u 22.
( 28 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146).
( 29 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94 dwar drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 16, p. 390).
( 30 ) Regolament (KE) Nru 1592/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Lulju 2002, dwar regoli komuni fil-kamp ta’ l-avjazzjoni ċivili u li jistabblixxi Aġenzija tas-Sigurtà ta’ l-Avjazzjoni Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 7 p. 30). Ir-Regolament Nru 1592/2002 tħassar bir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Frar 2008, dwar regoli komuni fil-kamp ta’ l-avjazzjoni ċivili u li jistabblixxi Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza ta’ l-Avjazzjoni, u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 91/670/KEE, ir-Regolament (KE) Nru 1592/2002 u d-Direttiva 2004/36/KE (ĠU L 79, p. 1).
( 31 ) Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, il-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 2000/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, p. 1).
( 32 ) Ir-Regolament (KE) Nru 726/2004 li jistabbilixxi proċeduri Komunitarji għall-awtorizzazzjoni u s-sorveljanza ta’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem u veterinarju u li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (ĠU Edizzjoni speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 34, p. 229).
( 33 ) Regolament (KE) Nru 713/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Lulju 2009, li jistabbilixxi Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ĠU L 211, p. 1)
( 34 ) Id-distinzjoni bejn l-aġenziji pre-deċiżjonali u dawk deċiżjonali tissemma’ fi Griller u Orator, op.cit. u f’ M. Chamon (2011) op.cit.
( 35 ) Ara D. Curtin, u R. Dehousse, “European Union agencies: tipping the balance”, M. Busioiuc, M. Groenleer u J. Tondal (edituri), op. cit., p. 193 fil-p. 195.
( 36 ) Fil-punt 2.1 tal-Parti 1, op. cit., ta’ Moloney jiġi osservat li l-Bord tas-Superviżuri tal-AETS, il-korp deċiżjonali ewlieni stabbilit skont l-Artikoli 40 sa 44 tar-Regolament 1095/2010, jirrappreżenta b’mod wiesa’ l-kapijiet tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, iżda fil-biċċa l-kbira jopera skont sistema ta’ votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata (ara l-Artikolu 44 tar-Regolament Nru 1095/2010). Dan ifisser, għaldaqstant, li l-ebda awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ma għandha s-setgħa tuża l-veto kontra l-miżuri stabbiliti taħt l-Artikolu 28.
( 37 ) Id-deċiżjonijiet tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi li jisgħu jiġu appellati quddiem il-Bord tal-Appell tagħha huma stabbiliti fl-Artikolu 91 tar-Regolament REACH u fl-Artikolu 77 tar-Regolament tal-Prodotti Bijoċidali. Ara (i) ir-Regolament Nru 1907/2006 u (ii) ir- Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (ĠU L 167, p. 1).
( 38 ) Nota ta’ qiegħ il-paġna 32.
( 39 ) Noti ta’ qiegħ il-paġna 28, 29 u 30, rispettivament.
( 40 ) M. Busuioc, op. cit., p. 18.
( 41 ) N. Moloney, “EU Financial Market Regulation after the Global Financial Crisis: ‘More Europe’ or More Risks”, Common Market Law Review 47 (2010) pp. 1317 sa 1383, p. 1341. Għal espressjoni ta’ dubju dwar l-adegwatezza tal-Artikolu 114 bħala l-bażi legali għall-EBA ara E. Fahey, “Does the Emperor Have Financial Crisis Clothes? Reflections on the legal Basis of the European Banking Authority”, Modern Law Review (74) (2011), 581 sa 595, p. 593, u “The Committee’s Opinion on proposals for European financial supervision”, Sixteenth Report of Session 2008-2009, punt 32, tal-House of Commons Treasury Committee. Għall-argumenti favur l-idea li l-Artikolu 114 TFUE jikkostitwixxi bażi legali korretta għat-twaqqif tal-AETS, ara F. Hänle: Die neue Europäische Finanzaufsicht, Hamburg 2012, p.40 sa 44. u A. Frank, Die Rechtswirkungen der Leitlinien und Empfehlungen der Europäischen Weltpapier- und Marktaufsichtsbehörde, Baden-Baden 2012, p. 53 sa 55. Madankollu, dan l-awtur imsemmi l-aħħar iħalli miftuħa l-kwistjoni dwar jekk dan japplikax ukoll għall-kompetenzi tal-AETS li tadotta miżuri vinkolanti ta’ implementazzjoni.
( 42 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-Kawża C‑217/04 ENISA, punt 2.
( 43 ) [2005] Ġabra p. I‑10553.
( 44 ) Punt 63.
( 45 ) Ara l-punt 25 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott.
( 46 ) Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 42.
( 47 ) Punt 64.
( 48 ) Punt 62.
( 49 ) Punt 42, li jiċċita Taħwir bl-affumikazzjoni.
( 50 ) Punt 43, li jiċċita Taħwir bl-affumikazzjoni.
( 51 ) Punt 44. Ara wkoll il-Kawża Il-Ġermanja vs Il-Kunsill (C-359/92 Ġabra p. I-3681, punt 37).
( 52 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li, “meta jkun hemm ostakoli għall-kummerċ, jew ikun probabbli li fil-futur jista’ jkun hemm tali ostakoli, minħabba l-fatt li l-Istati Membri jkunu adottaw jew ikunu fil-proċess li jadottaw, fir-rigward ta’ prodott jew ta’ kategorija ta’ prodotti, miżuri li ma jaqblux bejniethom, b’tali mod li jiġi żgurat livell differenti ta’ protezzjoni u li, minħabba f’hekk, il-prodott jew prodotti kkonċernati jiġu mfixkla milli jiċċirkolaw liberament fil-Komunità, l-Artikolu 95 KE jawtorizza lil-leġiżlatur Komunitarju jintervjeni billi jadotta l-aktar miżuri adattati fir-rispett, minn naħa, tal-Artikolu 95(3), u, min-naħa l-oħra, tal-prinċipji legali msemmija fit-Trattat jew identifikati mill-ġurisprudenza, b’mod partikolari tal-prinċipju ta’ proporzjonalità”. Ara l-Kawżi magħquda tat-12 ta’ Lulju 2005, The Queen on the Application of Alliance for Natural Health and Nutri-Link Ltd (C-154/04 u C-155/04, Ġabra p. I-6451, punt 32) u l-ġurisprudenza ċċitata. Ara bl-istess mod is-sentenza Taħwir bl-affumikazzjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 43, punt 42).
( 53 ) Ara Moloney op.cit.
( 54 ) Ir-Renju Unit jinvoka, inter alia, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fis-sentenza tad-9 ta’ Awwissu 1994, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, (C‑359/92) fejn, fil-punt 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-Avukat Ġenerali osserva li l-ex Artikolu 100a, li sar l-Artikolu 114 TFUE, “jista’ jiġi applikat biss biex jiġu adottati miżuri li jistabbilixxu regoli uniformi; l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli għal każijiet individwali hija mbagħad kwistjoni li għandha taqa’ f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali”.
( 55 ) Minkejja li t-terminoloġija użata f’din is-sottomissjoni mhix tas-soltu, u minkejja n-nuqqas ta’ referenza espliċita għal “nuqqas ta’ kompetenza” fil-parti tar-rikors tar-Renju Unit fir-rigward tal-Artikolu 114 TFUE, il-każ ġie sottomess b’mod ċert biżżejjed li jippermetti lill-partijiet u l-intervenjenti kollha li jirrisponduh. Barra minn hekk, in-“nuqqas ta’ kompetenza” jikkostitwixxi wieħed mil-motivi li l-Qorti tal-Ġustizzja tinvoka ex officio, għal raġunijiet ta’ politika pubblika. Ara pereżempju, is-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2000, Salzgitter vs Il-Kummissjoni (C-210/98 P, Ġabra p. I-5843, punt 56); u punt 54 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-Kawża Il-Parlament vs Il-Kunsill (C‑355/10).
( 56 ) Għal raġunijiet ta’ kompletezza, infakkar li l-Artikolu 115 TFUE għandu l-istess kamp ta’ applikazzjoni materjali bħal dak tal-Artikolu 114, iżda jissuġġetta l-miżuri ta’ armonizzazzjoni fl-oqsma msemmija fih għal proċedura leġiżlattiva speċjali u jeżiġi l-unanimità tal-Kunsill.
( 57 ) Li ġie stabbilit bis-saħħa tar-Regolament (UE) Nru 1092/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Novembru 2010, dwar is-sorveljanza makroprudenzjali tal-Unjoni tas-sistema finanzjarja u li jistabbilixxi Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (ĠU L 331, p. 1).
( 58 ) Punt 14 iktar ’il fuq.
( 59 ) Il-Kummissjoni ċċitat il-Kawża Il-Ġermanja vs Il-Kunsill (C-359/92, Ġabra p. I-3681, punt 37) li fiha jissemma dan il-prinċipju.
( 60 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 447. Interessanti li wieħed jinnota li d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni taħt din id-dispożizzjoni jeżiġu l-implementazzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fi żmien 20 jum, sakemm ma jkunx ġie speċifikat perjodu ta’ żmien differenti f’dawn id-deċiżjonijiet.
( 61 ) Sentenza Il-Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C-376/98, Ġabra p. I-8419, punt 84).
( 62 ) Punt 85 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 63 ) Punt 86. Ara b’mod simili s-sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2010, Vodafone et (C-58/08, Ġabra p. I-4999, punt 33).
( 64 ) Punt 44.
( 65 ) Punt 45.
( 66 ) Id-deċiżjonijiet tal-AETS jiġu adottati mill-Bord ta’ Superviżuri, bil-kapijiet tal-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali kompetenti għas-sorveljanza tal-parteċipanti fis-swieq finanzjarji biss bħala membri votanti (Artikolu 40 tar-Regolament Nru 1095/2010). Kif imsemmi fin-nota ta’ qiegħ-il paġna 36, id-deċiżjonijiet tal-bord jittieħdu jew permezz ta’ maġġoranza sempliċi jew eċċezzjonalment permezz ta’ maġġoranza kwalifikata tal-membri votanti. [Artikolu 44(1) tar-Regolament Nru 1095/2010)].
( 67 ) Biex isostni dan l-argument il-Parlament jiċċita s-sentenza ENISA, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 42, punti 42 sa 45, 59 u 60.
( 68 ) [1973] Ġabra p. I‑897.
( 69 ) Punt 3.
( 70 ) Sentenza tas-26 ta’ Marzu 1996, Il-Parlament vs Il-Kummissjoni (C-271/94, Ġabra I-1689, punt 32).
( 71 ) Sentenza tas-26 ta’ Marzu 1987, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C-45/86, Ġabra p. I-1493, punt 13); sentenza tat-30 ta’ Lulju 1995, Spanja vs Il-Kunsill (C-350/92, Ġabra p. I-1985, punt 26).
( 72 ) Naqbel ma’ dak li ġie ddikjarat minn A. Dashwood fl-artiklu intitolat “Article 308 as the Outer Limits of Expressly Conferred Community Competence”, f’ C. Barnard, u O. Odudu (edituri), The Outer Limits of European Union Law (Hart Publishing, Oxford, 2009) p. 35 sa 44, fil-punt 40, inkwantu “l-Artikolu 308 [li issa sar l-Artikolu 352] xorta għadu jista’ jwettaq funzjoni kostituzzjonalment xierqa billi jippermetti li jiġu ssupplimentati s-setgħat tal-istituzzjonijiet fuq bażijiet legali speċifiċi, meta dan jirriżulta li jkun meħtieġ biex jinkiseb l-għan Komunitarju li għalih tkun ingħatat is-setgħa inkwistjoni” [traduzzjoni libera].
( 73 ) Sentenza tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C-402/05 P, Ġabra p. I-6351, punt 203).
( 74 ) Kadi u Al Barakaat, punt 235.
( 75 ) Kadi u Al Barakaat, punt 220.
( 76 ) Kadi u Al Barakaat, punt 227.
( 77 ) Ma hemmx għalfejn ingħidu li l-prinċipji ġenerali tal-kostituzzjonalità u tal-istat tad-dritt jipprekludu kull kunsiderazzjoni ta’ konvenjenza politika meta tkun qiegħda tiġi ddeterminata l-bażi legali xierqa ta’ att leġiżlattiv tal-UE, liema att għandu jkun ibbażat esklużivament fuq kriterji oġġettivi. Madankollu, fil-ġurisprudenza tal-UE ġie rrikonoxxut li l-fatt jekk proċedura leġiżlattiva tiġix affettwata minn għażla ta’ bażijiet ġuridiċi jew le, jiddetermina jekk il-Qorti tal-Ġustizzja jkollhiex bżonn tiddeċiedi dwar dan. Kawżi magħquda tad-9 ta’ Settembru 2004, Spanja u Il-Finlandja vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C-184/02 u C-223/02, Ġabra p. I-7789, punti 42 sa 44). Ara bl-istess mod is-sentenza tat-19 ta’ Marzu 2003, CMA CGM et vs Il-Kummissjoni, (T-213/00, Ġabra p. II-913, punti 85 sa 103). Fil-punt 103, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li “il-motiv tar-rikorrenti li permezz tiegħu qed jiġi allegat li l-bażi legali ma hijiex korretta għandu jiġi miċħud, għaliex l-iżball allegat ma ċaħħadx lir-rikorrenti mill-garanziji proċedurali stabbiliti permezz tar-Regoli ta’ proċedura rilevanti, u ma kellu l-ebda konsegwenza negattiva fuq il-pożizzjoni legali tagħhom”. Din il-kawża ġiet appellata mingħajr ma rnexxiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Ottubru 2004, fil-Kawża C‑236/03 P, Il-Kummissjoni vs CMA CGM et, digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ottubru 2004.
( 78 ) Għall-kuntrarju ta’ dan, kif osserva kummentarju partikolari, minħabba li “l-aġenziji bdew jiġu stabbiliti abbażi tal-proċedura ta’ kodeċiżjoni, il-PE kellu l-possibbiltà li jkollu rwol sinjifikattiv fl-abbozz tal-kuntratt tagħhhom”. Busuioc op. cit p. 117.
( 79 ) Saret osservazzjoni simili mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-Parlament Ewropew fis-sentenza Kadi u Al Barakaat, punt 235.
( 80 ) Nirrikonoxxi li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif muri mis-sentenza tad-29 ta’ April 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C-338/01, Ġabra p. I-4829, punti 56 u 57) li, bħala eċċezzjoni, “jekk jiġi stabbilit li l-miżura tipprova tilħaq diversi għanijiet simultanjament, li jkunu konnessi b’mod inseparabbli u mingħajr ma waħda tkun sekondarja jew indiretta fil-konfront tal-oħra, il-miżura għandha tiġi stabbilita fuq il-bażijiet legali korrispondenti (ara, inter alia, is-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2002, Huber C-336/00, Ġabra p. I-7699, punt 31; is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C-281/01, Ġabra p. I-12049, punt 35, u tal-11 ta’ Settembru 2003, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, punt 40, u l-konklużjonijiet 2/00, tas-6 ta’ Diċembru 2001, Ġabra p. I‑9713, punt 23). Madankollu, ma hija possibbli l-ebda bażi legali doppja meta l-proċeduri stabbiliti għal kull bażi legali jkunu inkompatibbli bejniethom (diossidu tat-titanju, punti 17 sa 21, u l-Kawżi magħquda tal-25 ta’ Frar 1999, Il-Parlament vs Il-Kunsill (C-164/97 u C-165/97, Ġabra p. I-1139, punt 14). Dawn il-prinċipji evidentement jgħoddu għal kull bażi legali alternattiva li jista’ jkun ibbażat fuqha l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 236/2012.
( 81 ) Ara K. Lenaerts u van P. Nuffel, European Union Law (Third edition, Sweet and Maxwell, London,2011) paragrafi 17‑008 sa 17–011.
( 82 ) Meroni, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, p. 150. Hawnhekk il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li “il-fatt li huwa possibbli għall-aġenziji ta’ Brussell li jieħdu deċiżjonijiet li jkunu eżenti mill-kundizzjoni li kieku jkunu suġġeti għaliha kieku dawn ġew adottati direttament mill-Awtorità Għolja, fir-realtà tagħti lill-aġenziji ta’ Brussell setgħat iżjed estensivi minn dawk li għanda l-Awtorità Għolja bis-saħħa tat-Trattat”.
( 83 ) Ibid p. 149.
( 84 ) Ibid p. 152.
( 85 ) Ibid p. 154.
( 86 ) ĠU 1976, C 44, p. 3.
( 87 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 83.
( 88 ) Romano, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 20. L-Avukat Ġenerali Warner kien iżjed sod fil-fehma tiegħu li għandu jkun hemm dipendenza fuq in-nuqqas ta’ setgħat ta’ stħarriġ ġudizzjarju sabiex id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni Amministrattiva jiġu preklużi milli jkollhom il-“forza ġuridika”. Ara l-konklużjonijiet tiegħu, p. 1265.
( 89 ) Chamon (2011) op. cit. p. 1056. Madankollu, l-awtur jinnota li fis-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2003, Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C-378/00, Ġabra p. I-937), l-Avukat Ġenerali Geelhoed issuġġerixxa f’nota ta’ qiegħ il-paġna li s-sentenza Meroni tapplika għall-aġenziji iżda ma elaborax dwar dan il-punt.
( 90 ) Chamon op. cit. p. 1058.
( 91 ) Chamon op. cit. p. 1059.
( 92 ) Skont l-Artikolu 263(5) TFUE, l-atti li jistabbilixxu l-korpi, l-uffiċji u l-aġenziji tal-Unjoni, jistgħu jistabbilixxu kundizzjonijiet u arranġamenti speċifiċi li jirrigwardaw rikorsi ppreżentati minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi kontra l-atti ta’ dawn il-korpi, uffiċji jew aġenziji li jkunu intiżi biex joħolqu effetti legali fil-konfront tagħhom. Skont l-Artikolu 61 tar-Regolament Nru 1095/2010, il-Qorti Ġenerali, u eventwalment il-Qorti tal-Ġustizzja, jeżerċitaw l-istħarriġ ġudizzjarju fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 236/2012.
( 93 ) Sentenza Sogelma vs EAR, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14 iktar ’il fuq.
( 94 ) Kif innotat minn Hofmann u Morini op. cit. p. 420.
( 95 ) J-C.Piris, The Constitution for Europe. A legal Analysis (Cambridge University Press, Cambridge, 2006) p. 73.
( 96 ) Ara r-Rapport Finali tal-Grupp ta’ Ħidma IX dwar is-Semplifikazzjoni tad-29 ta’ Novembru 2002, CONV 424/02, WG IX 13, p. 10-12.
( 97 ) Trattat li jistabbilixxi kostituzzjoni għall-Ewropa (ĠU C 47, p. 1), Artikolu I‑36 dwar Regolamenti delegati Ewropej u l-Artikolu I‑37 dwar l-atti ta’ implementazzjoni. Għal analiżi ddettaljata tan-normi legali finalment adottati fit-Trattat ta’ Lisbona ara H. Hofmann, “Legislation, Delegation and Implementation under the Treaty of Lisbon: Typology Meets Reality”, European Law Journal 15 (2009) p. 482 sa 505.
( 98 ) Ara b’mod ġenerali J. Schwarze, “European Administrative Law in the Light of the Lisbon Treaty”, European Public Law 18 (2012) p. 285 sa 304 fil-p. 294 sa 296; S. Peers u M. Costa, “Accountability for Delegated and Implementing Acts after the Treaty of Lisbon”, European Law Journal 18 (2012), p. 427 460, u p. 439 sa 460. L-Artikoli 290 u 291 TFUE kienu ppreċeduti mill-Artikolu 145 u 155 KEE, u mill-Artikoli 202 u 211 KE, li madankollu, ma għamlu l-ebda distinzjoni bejn id-delega tas-setgħat normativi, u l-implementazzjoni fis-sens ta’ eżekuzzjoni.
( 99 ) Ara b’mod ġenerali, dwar l-Artikolu 290 C. Blumann, “À la frontière de la fonction législative et de la fonction exécutive: les ‘nouveaux’ actes délégués”, Mélanges en l’honneur de Jean Paul Jacqué (Dalloz, Paris, 2010) p. 127 sa 144; C. Garzón, “Les actes délégués dans le système des sources du droit de l’Union Européenne”, ERA Forum 12 (2011) p. 105 sa 134.
( 100 ) Fis-sentenza tal-5 ta’ Settembru 2012, Il-Parlament vs Il-Kunsill, (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 55, punti 64 sa 66), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat dan li ġej; “Skont ġurisprudenza stabbilita, l-adozzjoni tar-regoli essenzjali tal-qasam previst hija rriżervata għal-leġiżlatur tal-Unjoni [...] Ir-regoli essenzjali tal-qasam ikkonċernat għandhom jiddaħħlu fil-leġiżlazzjoni bażika u ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ delega [...] B’hekk jirriżulta li l-miżuri ta’ implementazzjoni la jibdlu elementi essenzjali ta’ leġiżlazzjoni bażika u lanqas jissuplimentawha permezz ta’ elementi essenzjali ġodda.”
( 101 ) T. Kröll,: “Delegierte Rechtsetzung und Durchführungsrechtsetzung und das institutionelle Gleichgewicht der Europäischen Union”, Zeitschrift für öffentliches Recht, Band 66, 2011, p. 253 sa 298, p. 284.
( 102 ) Dwar id-demarkazzjoni bejn l-Artikolu 290 u l-Artikolu 291, ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill “Implimentazzjoni tal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea” Brussell 9.12.2009 KUMM (2009) 673 finali, punt 2.2. Għal sommarju tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar is-setgħat implementattivi, ara l-punti 26 sa 29 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fis-sentenza tal-5 ta’ Settembru 2002 , Il-Parlament Ewropew vs Il-Kunsill (C‑355/10).
( 103 ) S. Körner, Experience and Conduct. A Philosophical Enquiry into Practical Thinking, (Cambridge University Press, Cambridge, 1980) p. 186.
( 104 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott tas-17 ta’ Jannar 2013 fir-rigward tas-sentenza C‑583/11 P Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il-Kunsill, punt 56.
( 105 ) Sentenza tat-23 ta’ Frar 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C-122/04, Ġabra p. I-2001, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll l-Artikolu 1‑37 (4) tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa, iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 97, li jipprovdi li l-atti implementattivi tal-Unjoni setgħu ġew adottati bħala regolamenti implementattivi Ewropej jew bħala deċiżjonijiet implementattivi Ewropej.
( 106 ) Lenaerts u van Nuffel op. cit. paragrafu 17‑006.
( 107 ) Ara wkoll il-premessi 42 u 43 tar-Regolament Nru 236/2012. Huwa interessanti li wieħed jinnota li l-Kummissjoni esprimiet il-fehma li għandha “dubji serji dwar jekk ir-restrizzjonijiet fuq ir-rwol tagħha meta tadotta atti delegati u miżuri ta’ implimentazzjoni [fis-settur tas-servizzi finanzjarji], humiex konformi mal-Artikoli 290 u 291 TFUE”. Ara “Commission Statements” Addendum għal “I/A” Item Note of the Agenda of the Counsil of the European Union, 10 ta’ Novembru 2011, 15649/10 Add 1.
( 108 ) Għal eżempji ta’ sentenzi li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet dwar kwistjonijiet relatati mal-bilanċ u l-awtorità istituzzjonali billi rreferiet għall-ħarsien tal-prinċipju tad-demokrazija, ara s-sentenza tad-29 ta’ Ottubru 1980, Roquette Freres vs Il-Kunsill (C-138/79, Ġabra p. 3333); sentenza tat-23 ta’ April 1986, Les Verts vs Il-Parlament (C-294/83, Ġabra p. 1339); sentenza tal-4 ta’ Ottubru 1991, Il-Parlament vs Il-Kunsill (C-70/88, Ġabra p. I-4529); diossidu tat-titanju, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 80. Ara s-sentenza quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Ġunju 1998 , UEAPME vs Il-Kunsill (T-135/96, Ġabra p. II-2335).
( 109 ) Ġie osservat ukoll li l-proċeduri ta’ komitoloġija ma humiex rilevanti għall-eżerċizzju tas-setgħat skont l-Artikolu 290 TFEU. Ara J.C. Piris, “Les articles 290 et 291 du TFUE: Les compétences ‘délégués’ ou ‘conférées’ à la Commission par le législateur européen. Les actes délégués et les actes d’exécution”Publications de Congrès FIDE XXIII 2008-2009 p. 247 sa 251.
( 110 ) Ara l-Artikolu 17(8) TUE.
( 111 ) Sentenza tas-26 ta’ Mejju 2005, Tralli vs Il-Bank Ċentrali Ewropew (C-301/02 P, Ġabra p. I-4071, punt 43), fejn ġiet iċċitata s-sentenza Meroni.
( 112 ) Sentenza tal-5 ta’ Lulju 1988, Central-Import Münster (C-291/86, Ġabra p. I-3679, punt 13); Tralli, punt 43.
( 113 ) Sentenza tal-5 ta’ Settembru 2012, Il-Parlament vs Il-Kunsill (C‑355/10, punt 65) fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li “ma jkunux is-suġġett ta’ delega bħal din, id-dispożizzjonijiet li l-adozzjoni tagħhom teħtieġ li jsiru għażliet politiċi li huma parti mir-responsabbiltajiet proprji tal-leġiżlatur tal-Unjoni”. B’mod differenti mill-Avukat Ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet konnessjoni bejn l-elementi li huma essenzjali u dawk li jinvolvu għażliet politiċi. Ara M. Chamon, “How the concept of essential elements of a legislative act continues to elude the Court”, Common Market Law Review 50 (2013) p. 849 sa 860, p. 854.
( 114 ) Fil-fatt, lanqas ma tista’, l-eżekuzzjoni ta’ programm tal-UE, tiġi ddelegata lil aġenzija eżekuttiva meta din tkun tinvolvi “setgħat diskrezzjonali fit-trasformazzjoni ta’ għażliet politiċi f’azzjoni”. Ara l-premessa 5 tar-Regolament Nru 58/2003 u l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 58/2003.

Full & Egal Universal Law Academy