EUR-Lex -  62011CN0480 - MT
Karar Dilini Çevir:
EUR-Lex -  62011CN0480 - MT

7.1.2012   
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 6/4

Appell ippreżentat fil-21 ta’ Settembru 2011 minn Akissi Danièle Boni-Claverie mid-Digriet tal-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) mogħti fit-13 ta’ Lulju 2011 fil-Kawża T-350/11, Boni-Claverie vs Il-Kunsill
(Kawża C-480/11 P)
2012/C 6/05
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet
Appellanti: Akissi Danièle Boni-Claverie (rappreżentanti: L. Bourthoumieux, J. Vergès, R. Dumas u M. Ceccaldi, avukati)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet tal-appellanti

tiddikjara r-rikors ta’ A. Danièle Boni-Claverie ammissibbli;

tannulla d-Digriet T-350/11 tat-13 ta’ Lulju 2011 li jikkonstata r-rikors inammissibbli;

tirrinvija lir-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tkun tista’ tasserixxi d-drittijiet tagħha;

tikkudanna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jbati l-ispejjeż skont l-Artikoli 69 u 73 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Aggravji u argumenti prinċipali
Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tqajjem l-aggravji segwenti:

Il-forza maġġuri minħabba l-gwerra titterrompi l-preskrizzjoni. L-avvenimenti li ffaċċat l-appellanti mix-xahar ta’ Novembru 2010 fil-Côte d’Ivoire, jammontaw għal forza maġġuri, fis-sens tal-Artikolu 45 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, minħabba l-istat ta’ gwerra li għandu l-effett li jitterrompi t-termini ta’ preskrizzjoni tal-atti meħuda fir-rigward tagħha mill-Kunsill.

Il-każ preżenti ta’ forza maġġuri minħabba l-gwerra huwa ta’ xkiel għall-possibbiltà għall-appellanti li tkun tista’ teżerċita liberament id-dritt tagħha ta’ appell kontra atti li jiksru d-drittijiet fundamentali b’mod manifest.

Id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali huma superjuri għall-prinċipju taċ-ċertezza legali. Billi tinvoka l-prinċipju taċ-ċertezza legali sabiex tiddikjara inammissibbli t-talba tal-appellanti, il-Qorti Ġenerali tippreġudika d-dritt fundamentali għal aċċess għal qorti u għad-drittijiet tad-difiża. L-appellanti b’hekk ġiet miċħuda mid-dritt tagħha għal smigħ minn qorti kompetenti.

In-nuqqas ta’ infurzabbiltà tat-terminu tad-distanza u tat-terminu tar-rikors f’każ ta’ gwerra. It-terminu tad-distanza u t-terminu tar-rikors ma jistgħux jiġu invokati kontra destinatarju residenti fi Stat li jinsab fi gwerra miftuħa. Termini bħal dawn ikunu applikabbli biss f’perijodu ta’ paċi u fil-kontinent Ewropew. Issa, l-appellanti tinsab f’kontinent ieħor u, minħabba dan, l-applikazzjoni stretta tal-Artikolu 102 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali għall-każ preżenti tikser b’mod inkontestabbli l-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, u tal-Artikolu 263 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Is-superjorità tal-Artikolu 263 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. L-Artikolu 102 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jirrendi null kull obbligu ta’ notifika kif previst mit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea li jipprovdi li t-terminu sabiex jitressaq rikors jibda jiddekorri sa minn notifika jew mill-pubblikazzjoni jew minn meta l-parti kkonċernata ssir taf bl-att. Fil-fatt, l-Artikolu 102 tar-Regoli tal-Proċedura jeskludi l-obbligu ta’ notifika u ma jikkunsidrax il-jum li fih l-appellanti effettivament saret taf bl-att, u b’hekk jillimita l-kelma u l-ispirtu tal-Artikolu 263 TFUE. Minħabba dan il-fatt, l-Artikolu 102 ipoġġi fid-dubju d-drittijiet previsti u protetti mit-trattat, li għandu valur ġuridiku superjuri u li huwa impost fuq l-istituzzjonijiet li jiffurmaw l-Unjoni Ewropea. Konsegwentement, peress li l-atti kkontestati ma kinux is-suġġett ta’ notifika lill-appellanti u dan, bi ksur tal-ħames paragrafu tal-Artikolu 263 tat-Trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea, it-terminu tar-rikors jista’ jibda jiddekorri biss mill-mument meta hija ssir taf bl-atti meħuda kontra tagħha.

Preġudizzju gravi għad-drittijiet u għal-libertajiet fundamentali. Il-prinċipju ta’ ċertezza legali hekk kif stabbilit mill-Qorti Ġenerali jpoġġi serjament fid-dubju ċ-ċertezza legali kollha kemm hi peress li l-persuni residenti barra mill-Unjoni Ewropea u residenti f’pajjiż fi gwerra jiġu imposti fuqhom sanzjonijiet li, fir-rigward tagħhom, dawn ma jkunux jistgħu jeżerċitaw effettivament id-drittijiet tagħhom peress li huma ma jkunux jafu bis-sanzjoni.

Sussidjarjament, l-appellanti titlob l-annullament tal-atti meħuda fir-rigward tagħha mill-Kunsill minħabba l-gravità tal-ksur tad-drittijiet u libertajiet fundamentali. Peress li l-atti kkontestati jiksru l-libertajiet fundamentali protetti minn trattati internazzjonali differenti, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tannulla l-imsemmija atti sa fejn l-illegalità tagħhom tmur kontra l-ordinament Ewropew stabbilit u għar-raġuni li ebda terminu tar-rikors ma jista’ jiġi oppost minħabba l-gravità tal-ksur tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali protetti.

Full & Egal Universal Law Academy