EUR-Lex -  62009TN0521 - MT
Karar Dilini Çevir:
EUR-Lex -  62009TN0521 - MT

27.2.2010   
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 51/42

Rikors ippreżentat fil-21 ta’ Diċembru 2009 — Areva T&D vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-521/09)
2010/C 51/78
Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet
Rikorrenti: Areva T&D SAS (Pariġi, Franza) (rappreżentanti: A. Schild u C. Simphal, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

It-talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni kkontestata fejn tikkonċerna Areva T&D SA; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali
Dan ir-rikors, ippreżentat minn Areva T&D SAS, għandu bħala suġġett l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea C(2009) 7601 finali, tas-7 ta’ Ottubru 2009, dwar proċediment skont l-Artikolu 81 tat-Trattat tal-KE (li issa sar l-Artikolu 101 TFUE) u l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE — Każ COMP/39.129 — Transformers tal-Elettriku.
Ir-rikorrenti tqajjem erba’ motivi insostenn tar-rikors tagħha għal annullament.
L-ewwel motiv jirrigwarda l-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni taħt l-Artikolu 296 TFUE. Ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni ma mmotivatx id-delega tas-setgħa tagħha ta’ sanzjoni konsekuttiva għall-kundanna in solidum ta’ Areva T&D SA, kif ukoll iż-żieda ta’ kundizzjoni addizzjonali għall-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Komunikazzjoni tad-19 ta’ Frar 2002 sabiex tkun tista’ tibbenefika minn immunità mill-multi.
Permezz tat-tieni motiv tagħha, ir-rikorrenti tilmenta li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 101(1) TFUE u b’mod partikolari r-regoli ġuridiċi dwar ir-responsabbiltà għall-ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma setgħetx tattribwixxi lil Areva T&D SA ir-responsabbiltà għall-prattiki antikompetittivi qabel ma sar it-trasferiment minn Alstom T&D SA. Fi żmien il-fatti, Alstom T&D SA ma kinitx fil-fatt kumpannija indipendenti, iżda kumpannija kkontrollata mill-kumpannija parent tagħha, Alstom. Għaldaqstant, il-Kummissjoni jmissha kkunsidrat, skont il-prinċipji li jirregolaw ir-responsabbiltà għal ksur ta’ liġi fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriża, li l-kumpannija parent biss fil-mument rilevanti inkwistjoni, f’dan il-każ Alstom, setgħet tinżamm responsabbli għall-prattiki antikompetittivi li seħħew qabel it-trasferiment. Ir-rikorrenti tikkunsidra barra minn hekk li meta żammet responsabbli lil Areva T&D SA, il-Kummissjoni kisret il-prinċipji ġenerali tad-dritt ta’ ċertezza legali u tan-natura individwali u personali tal-pieni.
Permezz tat-tielet motiv tagħha, ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 101(1) TFUE u b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet legali applikabbli għar-responsabbiltà in solidum. Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma setgħetx tikkundanna in solidum lil Areva T&D SA u lil Alstom għall-ħlas tal-multa ġaladarba dawn ma baqgħux jiffurmaw unità ekonomika fil-jum tad-deċiżjoni. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tikkunsidra li billi tikkundanna in solidum lil Alstom u lil Areva T&D SA, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tikser żewġ prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri l-prinċipju ta’ trattament ugwali u l-prinċipju ta’ ċertezza legali.
Permezz tar-raba’ motiv tagħha, ir-rikorrenti tilmenta li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 101(1) TFUE u b’mod partikolari r-regoli stabbiliti mill-Avviż tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Frar 2002, dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (1). Ir-rikorrenti ssostni wkoll li, billi rrifjutat li tagħti l-immunità lil Areva T&D SA, il-Kummissjoni kisret il-prinċipji ġenerali tad-dritt ta’ aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali.
(1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155

Full & Egal Universal Law Academy