EUR-Lex -  62009TJ0509 - MT
Karar Dilini Çevir:
EUR-Lex -  62009TJ0509 - MT

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)
18 ta’ Ġunju 2013 ( *1 )
“Sajd — Kontribuzzjoni finanzjarja għall-implementazzjoni ta’ sistemi ta’ kontroll u ta’ sorveljanza — Deċiżjoni ta’ rifjut ta’ rimbors tal-ispejjeż sostnuti għall-akkwist ta’ żewġ dgħajjes oċejaniċi tal-għassa — Artikolu 296 KE — Direttiva 93/36/KEE — Aspettattivi leġittimi — Obbligu ta’ motivazzjoni”
Fil-Kawża T-509/09,
Ir-Repubblika Portugiża, inizjalment irrappreżentata minn L. Inez Fernandes, A. Trindade Mimoso u A. Miranda Boavida, sussegwentement minn M. Inez Fernandes, H. Leitão u V. Coelho, bħala aġenti,
rikorrenti,
vs
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Bouquet u M. Afonso, bħala aġenti,
konvenuta,
li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Ottubru 2009, li tiddikjara bħala ineliġibbli għal għajnuna finanzjarja tal-Unjoni Ewropea, abbażi tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/978/KE, tal-10 ta’ Diċembru 2002, dwar l-eliġibbiltà tal-ispejjeż maħsuba sabiex jikkontribwixxu għal ċerti azzjonijiet previsti minn ċerti Stati Membri matul is-sena 2002 għall-implementazzjoni ta’ sistemi ta’ kontroll, ta’ spezzjoni u ta’ sorveljanza applikabbli għall-politika komuni tas-sajd (ĠU L 338, p. 33), l-ispejjeż marbuta mal-akkwist ta’ żewġ dgħajjes oċejaniċi tal-għassa, maħsuba parzjalment għall-kontroll u s-sorveljanza tas-sajd,
IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),
komposta minn J. Azizi, President, S. Frimodt Nielsen u M. Kancheva (Relatur), Imħallfin,
Reġistratur: C. Heeren, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-27 ta’ Novembru 2012,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Il-kuntest ġuridiku

1
L-Artikolu 296 KE, li kien applikabbli meta ġraw il-fatti, huwa redatt kif ġej:
“1.   Id-disposizzjonijiet ta’ [...] it-Trattat [KE] m’għandhomx ikunu inkompatibbli mar-regoli li ġejjin:
a)
l-ebda Stat ma jkun obbligat li jagħti tagħrif li l-kxif tiegħu ikun jikkunsidrah li jmur kontra l-interessi vitali tas-sigurtà tiegħu;
b)
kull Stat Membru jista’ jieħu l-miżuri li jikkunsidra meħtieġa sabiex jipproteġi l-interessi vitali tas-sigurta’ tiegħu, u li jkollhom x’jaqsmu mal-manifattura jew tal-kummerċ ta’ l-armi, munizzjon u materjal tal-gwerra; dawn il-miżuri ma għandhomx ifixklu l-kondizzjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq intern dwar prodotti li ma jkunux intiżi għall-għanijiet speċifikament militari.
2.   Il-Kunsill jista’, waqt li jaġixxi unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni, jagħmel tibdiliet għal-lista, li hu kien ħejja fil-15 ta’ April 1958, għal prodotti li għalihom japplikaw id-disposizzjonijiet tal-paragrafu 1(b).”

2
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 255/58, tal-15 ta’ April 1958, iddefinixxiet il-lista msemmija fl-Artikolu 296(2) KE, li xi partijiet minnha huma riprodotti fid-dokument tal-Kunsill 14538/08, tal-10 ta’ Novembru 2008. B’mod partikolari, dik il-lista tipprovdi kif ġej:
“Din hija l-lista ta’ armi, ta’ munizzjoni u ta’ materjal tal-gwerra, inklużi l-armi nukleari, li għalihom japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 296(1)(b), [KE] :
[…]
9.   Bastimenti tal-gwerra u t-tagħmir speċjalizzat tagħhom:
a)
bastimenti tal-gwerra ta’ kull tip;
[…]”

3
Mill-premessa tnax tad-Direttiva tal-Kunsill 93/36/KEE, tat-14 ta’ Ġunju 1993, relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku (ĠU L 199, p. 1) jirriżulta li:
“[I]l-proċedura nnegozjata trid tiġi kkunsidrata bħala eċċezzjonali u għaldaqsant applikata biss f’każijiet limitati.”

4
L-Artikolu 1 tad-Direttiva 93/36 jipprevedi:
“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:
[…]
d)
‘proċeduri miftuħa’ huma dawk il-proċeduri nazzjonali fejn il-fornituri interessati kollha jistgħu jissottomettu offerti;
[…]
f)
‘proċeduri nnegozjati’: huma dawk il-proċeduri nazzjonali fejn l-awtoritajiet kontraenti jikkonsultaw il-fornituri bl-għażla tagħhom u jinnegozjaw it-termini tal-kuntratt ma’ wieħed minnhom jew aktar.”

5
L-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 93/36 jipprovdi:
“1.   Din id-Direttiva m’għandiex tapplika għal:
[…]
b)
kuntratti ta’ provvista li huma ddikjarati sigrieti jew li l-eżekuzzjoni tagħhom trid tiġi akkumpanjata b’miżuri ta’ sigurtà speċjali skond il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi fl-Istati Membri kkonċernati jew meta l-protezzjoni ta’ l-interessi bażiċi tas-sigurtà ta’ l-Istat Membru titlob dan.”

6
L-Artikolu 3 tad-Direttiva 93/36 jipprovdi:
“Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 2, 4 u 5(1), din id-Direttiva għandha tapplika għall-prodotti kollha li jirralata għalihom l-Artikolu 1(a), li jinkludu dawk koperti b’kuntratti mogħtija minn awtoritajiet kontraenti fil-qasam tad-difiża barra l-prodotti li għalihom japplika l-Artikolu [296](1)(b) tat-Trattat tal-[KE].”

7
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/431/KE, tat-28 ta’ Mejju 2001, dwar kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità għal ċerti spejjeż li jsiru minn Stati Membri meta jkunu qed jimplimentaw is-sistemi ta’ kontroll, spezzjoni u sorveljar applikabbli għall-politika komuni dwar is-sajd (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 4, Vol. 5, p. 81), tistabbilixxi l-modalitajiet tal-preżentazzjoni lill-Kummissjoni ta’ programmi ta’ spejjeż relatati mal-imsemmija politika li għalihom l-Istati Membri jkunu jixtiequ jibbenefikaw minn kontribuzzjoni finanzjarja kif ukoll l-ispejjeż li huma kkunsidrati bħala eliġibbli.

8
L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2001/431 jipprovdi:
“Skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f’din id-Deċiżjoni, il-Komunità tista’ tagħti kontribuzzjoni finanzjarja (hawnhekk aktar ’il quddiem magħrufa bħala ‘kontribuzzjoni finanzjarja’) għall-programmi ta’ kontroll stabbiliti mill-Istati Membri għat-tħaddim tal-kontroll, l-ispezzjoni u s-sistemi ta’ sorveljanza applikabbli għall-politika komuni dwar is-sajd stabbiliti fir-Regolament talKunsill (KEE) Nru 2847/93.
Il-programmi ta’ kontroll għandhom jispeċifikaw l-għanijiet tagħhom u l-faċilitajiet li għandhom jintużaw u l-ispejjeż maħsuba, b’mod partikolari għar-rigward ta’ l-azzjoni msemmija fl-Artikolu 2.”

9
L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2001/431 jistabbilixxi:
“Il-kontribuzzjoni finanzjarja tista’ tingħata dwar ċerti spejjeż kif provdut fil-programmi ta’ kontroll u maħsuba li jikkontribwixxu għall-azzjonijiet li ġejjin:
[…]
e)
akkwist ta’ modernizzar ta’ l-apparat ta’ kontroll, spezzjoni u sorveljar;
[…]”

10
L-Artikolu 9(1) tad-Deċiżjoni 2001/431 jipprovdi:
“Il-kontribuzzjonijiet finanzjarji li jkopru l-ispiża msemmija fl-Artikolu 2(e) għandhom ikopru l-investiment ta’ l-akkwist jew l-immodernizzar ta’ vapuri u ajruplani użati għall-kontroll, spezzjoni u sorveljanza ta’ l-attivitajiet tas-sajd.”

11
L-Artikolu 17(2) u (3) tad-Deċiżjoni 2001/431 jipprovdi kif ġej:
“2.   Meta jsiru l-applikazzjonijiet għar-rifużjoni l-Istati Membri għandhom jivverifikaw u jiċċertifikaw li l-ispiża tkun saret b’konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti f’din id-Deċiżjoni u d-Direttivi dwar il-kordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ xogħlijiet pubbliċi, fornimenti u kuntratti ta’ servizz, u skondir-regoli dettaljati li jinsabu fil-punt 4 tal-Parti A ta’ l-Anness II.
3.   Jekk ikun jidher mill-applikazzjoni li l-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2 ma kinux osservati, il-Kummissjoni għandha teżamina s-sitwazzjoni sewwa, fejn titlob lill-Istat Membru sabiex jagħmel l-osservazzjonijiet tiegħu. Jekk l-eżami jikkonferma nuqqas ta’ konformità, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi perjodu li fih l-Istat Membru għandu jikkonforma ruħu. Jekk mat-tmiem ta’ dak il-perjodu stabbilit l-Istat Membru ma jkunx aġixxi skond ir-rakkomandazzjonijiet, il-Kummissjoni tista’ tnaqqas, tissospendi jew tħassar il-kontribuzzjoni finanzjarja fil-qasam in kwistjoni […]”

12
Il-punt 4 tal-Parti A tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2001/431 huwa redatt kif ġej:
“Il-kwestjonarji mimlija dwar kuntratti pubbliċi għandhom jirreferu għall-avviżi dwar l-offerti pubbliċi pubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Jekk l-avviżi ma ġewx pubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali [tal-Komunitajiet Ewropej], il-benefiċjarju għandu jiċċertifika li l-leġislazzjoni tal-Komunità dwar kuntratti pubbliċi ġiet rispettata.
Il-Kummissjoni tista’ titlob għal kull informazzjoni li hi jidhrilha meħtieġa biex tiddeċiedi jekk il-leġislazzjoni tal-Komunità dwar kuntratti pubbliċi ġiet rispettata jew le.
[…]”
Il-fatti li wasslu għall-kawża

13
Permezz ta’ Despacho conjunto Nru 15/2001 (deċiżjoni konġunta Nru 15/2001, Diário da República, série II, tal-11 ta’ Jannar 2001, p. 453 sa 454), tad-19 ta’ Diċembru 2000, il-Gvern tar-Repubblika Portugiża ddeċieda li jakkwista żewġ bastimenti oċejaniċi tal-għassa maħsuba għall-kontroll u għas-sorveljanza ta’ żoni marittimi nazzjonali, kif ukoll għall-ġlieda kontra t-tniġġis marittimu. Għall-bini tagħhom, dan il-Gvern għażel il-proċedura nnegozjata ma’ Estaleiros Navais de Viana do Castelo SA.

14
Fil-15 ta’ April 2001, l-awtoritajiet Portugiżi ppreżentaw lill-Kummissjoni, b’mod konformi mad-Deċiżjoni 2001/431, talba għal kontribuzzjoni finanzjarja għall-proġetti ta’ investiment definiti fil-kuntest tal-programm tagħhom ta’ sorveljanza u ta’ kontroll tal-attivitajiet tas-sajd għall-perijodu ta’ tliet snin 2001-2003. Wieħed minn dawn il-proġetti kien maħsub għar-rinnovament tal-kapaċità navali ta’ sorveljanza oċejanika u kien jipprevedi l-bini ta’ żewġ bastimenti oċejaniċi tal-għassa, allokati sa 70 % għall-kontroll u għas-sorveljanza tal-attivitajiet tas-sajd.

15
Fit-12 ta’ Novembru 2002, il-bini taż-żewġ bastimenti oċejaniċi tal-għassa ngħata lill-kumpannija Estaleiros Navais de Viana do Castelo.

16
Fid-Deċiżjoni tagħha 2002/978/KE, tal-10 ta’ Diċembru 2002, dwar l-eliġibbiltà tal-ispejjeż maħsuba sabiex jikkontribwixxu għal ċerti azzjonijiet previsti minn ċerti Stati Membri matul is-sena 2002 għall-implementazzjoni ta’ sistemi ta’ kontroll, ta’ spezzjoni u ta’ sorveljanza applikabbli għall-politika komuni tas-sajd (ĠU L 338, p. 33), il-Kummissjoni kkonċediet, skont id-Deċiżjoni 2001/431, kontribuzzjoni finanzjarja għall-proġetti ppreżentati mir-Repubblika Portugiża fil-kuntest tal-programm tagħha ta’ sorveljanza u ta’ kontroll tal-attivitajiet tas-sajd għall-perijodu ta’ tliet snin 2001-2003. Fl-Anness II ta’ din id-deċiżjoni, ġie stabbilit li, għas-sena 2002, ir-Repubblika Portugiża setgħet tibbenefika minn kontribuzzjoni finanzjarja massima ta’ EUR 13 510 837.

17
Fis-16 ta’ Jannar 2006, l-awtoritajiet Portugiżi talbu lill-Kummissjoni r-rimbors ta’ EUR 6 732 322.75 abbażi tal-kontribuzzjoni għall-finanzjament tal-akkwist taż-żewġ bastimenti oċejaniċi tal-għassa li ġew ordnati mingħand il-kumpannija Estaleiros Navais de Viana do Castelo.

18
Fis-6 ta’ Frar 2006, il-Kummissjoni informat lill-awtoritajiet Portugiżi li ma setgħetx tilqa’ t-talba tagħhom, peress li kellha bżonn informazzjoni addizzjonali dwar ir-raġunijiet li wasslu lil dawk l-awtoritajiet sabiex jużaw proċedura għall-għoti tal-kuntratt innegozjat, irriżervata għal tagħmir speċifikament militari, filwaqt li ż-żewġ bastimenti oċejaniċi tal-għassa kellhom jiġu allokati sa 70 % għall-kontroll tal-attivitajiet tas-sajd.

19
Fid-19 ta’ Mejju 2008, wara skambju ta’ korrispondenza, saret laqgħa bejn l-uffiċjali tal-Kummissjoni u l-awtoritajiet Portugiżi.

20
Fid-29 ta’ Mejju 2009, il-Kummissjoni informat lill-awtoritajiet Portugiżi li hija kienet tikkunsidra li l-ispejjeż li ntalab ir-rimbors tagħhom ma kinux eliġibbli u li għaldaqstant ma seta’ jsir l-ebda ħlas. Essenzjalment, il-Kummissjoni spjegat li, billi użat il-proċedura nnegozjata sabiex takkwista ż-żewġ bastimenti inkwistjoni, l-awtoritajiet Portugiżi ma osservawx ir-regoli għall-għoti tal-kuntratti pubbliċi, meta dik il-kundizzjoni hija rikjesta mill-Artikolu 17(2) tad-Deċiżjoni 2001/431. Il-Kummissjoni tat lill-awtoritajiet Portugiżi terminu ta’ xahar sabiex jittrażmettulha osservazzjonijiet ġodda.

21
Fis-7 ta’ Lulju 2009, l-awtoritajiet Portugiżi wieġbu lill-Kummissjoni billi rrepetew li l-proċedura tal-akkwist taż-żewġ bastimenti oċejaniċi tal-għassa żvolġiet f’konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi. Barra minn hekk, huma ehmżu opinjoni tal-ministeru tad-difiża nazzjonali Portugiża u talbu l-eżami mill-ġdid tal-kwistjoni fid-dawl tal-argumenti li tressqu.

22
Permezz ta’ ittra tal-14 ta’ Ottubru 2009, il-Kummissjoni kkomunikat lill-awtoritajiet Portugiżi d-deċiżjoni tagħha li ma tikkunsidrax bħala eliġibbli l-ispejjeż marbuta mal-akkwist ta’ żewġ bastimenti oċejaniċi tal-għassa, billi indikat ukoll li l-provvediment baġitarju għall-proġett, ikkonċernat mid-Deċiżjoni 2002/978, kien ġie annullat (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).
Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

23
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-18 ta’ Diċembru 2009, ir-Repubblika Portugiża ppreżentat dan ir-rikors.

24
Ir-Repubblika Portugiża titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

tordna lill-Kummissjoni tadotta deċiżjoni li tilqa’ t-talbiet għal rimbors li hija ppreżentat fil-kuntest tad-Deċiżjoni 2002/978;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

25
Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors;

tikkundanna lir-Repubblika Portugiża għall-ispejjeż.

26
Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (l-Ewwel Awla) ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

27
Instemgħu t-trattazzjonijiet tal-partijiet u r-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet magħmulin mill-Qorti Ġenerali waqt is-seduta tas-27 ta’ Novembru 2012.
Id-dritt
Fuq l-ammissibbiltà tat-tieni talba

28
Fir-rigward tat-talba tar-Repubblika Portugiża intiża sabiex il-Qorti Ġenerali tordna lill-Kummissjoni todotta deċiżjoni li tilqa’ t-talbiet għal rimbors li hija ppreżentat fil-kuntest tad-Deċiżjoni 2002/978, ikun biżżejjed li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti Ġenerali ma hijiex kompetenti sabiex toħroġ ordnijiet fil-konfront tal-istituzzjonijiet. Fil-fatt, b’mod konformi mal-Artikolu 264 TFUE, il-Qorti Ġenerali għandha biss il-possibbiltà li tannulla l-att ikkontestat, parzjalment jew interament, jew li tiċħad ir-rikors. Sussegwentement, hija l-istituzzjoni kkonċernata li għandha, b’applikazzjoni tal-Artikolu 266 TFUE, li tadotta l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ Novembru 1993, Koelman vs Il-Kummissjoni, T-56/92, Ġabra p. II-1267, punt 18; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Settembru 1998, European Night Services et vs Il-Kummissjoni, T-374/94, T-375/94, T-384/94 u T-388/94, Ġabra p. II-3141, punt 53, u tat-8 ta’ Ottubru 2008, Agrar-Invest-Tatschl vs Il-Kummissjoni, T-51/07, Ġabra p. II-2825, punt 27).

29
Konsegwentement, it-tieni talba għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.
Fuq it-talba għal annullament

30
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-Repubblika Portugiża tinvoka, essenzjalment tliet motivi. L-ewwel wieħed huwa bbażat fuq ksur tad-Deċiżjoni 2001/431, sa fejn il-Kummissjoni ma setgħetx legalment tirrifjuta li tagħtiha l-finanzjament mitlub meta hija kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti f’din id-deċiżjoni. It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u, it-tielet, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.
Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tad-Deċiżjoni 2001/431

31
Essenzjalment, ir-Repubblika Portugiża ssostni li hija kellha dritt għar-rimbors tal-ispejjeż relatati mal-akkwist taż-żewġ bastimenti oċejaniċi tal-għassa, peress li, għall-kuntrarju ta’ dak li ppretendiet il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, hija ma kisritx ir-regoli tal-Unjoni applikabbli għal kuntratti pubbliċi.

32
Fil-fatt, ir-Repubblika Portugiża ssostni li hija, f’dan il-każ, osservat il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha, li kienet tittrasponi r-regoli kollha tal-Unjoni applikabbli għall-kuntratti pubbliċi li għalhekk huma viġenti, partikolarment id-Direttiva 93/36. Dik il-leġiżlazzjoni kienet tittrasponi, b’mod partikolari, fid-dritt intern l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikoli 2 u 3 tal-imsemmija direttiva.

33
Issa, peress li l-bastimenti oċeaniċi tal-għassa li għalihom intalab il-finanzjament kienu bastimenti tal-gwerra, li jaqgħu fil-lista msemmija fl-Artikolu 296 KE (ara l-punt 2 iktar ’il fuq), ir-Repubblika Portugiża tqis li hija setgħet tibbenefika mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva 93/36 u li għaldaqstant, ir-regoli għall-għoti tal-kuntratti pubbliċi previsti f’dik id-direttiva ma kinux japplikaw għal dan il-każ.

34
Barra minn hekk, skont ir-Repubblika Portugiża, skont termini tal-leġiżlazzjoni viġenti fid-data li fiha hija ppreżentat it-talba tagħha għall-finanzjament, il-Kummissjoni ma setgħetx legalment timponi fuqha rifjut peress li kienet iddeċidiet li tagħmel użu mid-deroga prevista fl-Artikolu 296 KE. Id-deċiżjoni ta’ esklużjoni mill-finanzjament fir-rigward tal-bastimenti militari hija iktar ta’ natura inekwa peress li l-Istati Membri li għażlu li jiżguraw il-missjonijiet ta’ kontroll tas-sajd permezz tal-bastimenti tal-gwerra ser jiġu ppenalizzati.

35
Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

36
Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi rrilevat li d-diżgwid bejn ir-Repubblika Portugiża u l-Kummissjoni huwa limitat, essenzjalment, għall-kwistjoni dwar jekk Stat Membru li jitlob l-għajnuna mill-Unjoni, abbażi tad-Deċiżjoni 2001/431, bil-għan li jakkwista tagħmir maħsub għall-kontroll tal-attivitajiet tas-sajd jistax jidderoga mir-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-għoti tal-kuntratti pubbliċi billi jinvoka n-natura militari tat-tagħmir ikkonċernat.

37
F’dak ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat, qabel xejn, li d-Deċiżjoni 2001/431 tistabbilixxi l-modalitajiet tal-preżentazzjoni lill-Kummissjoni tal-programmi tal-ispejjeż relatati mal-politika komuni tas-sajd li għalihom l-Istati Membri jkunu jixtiequ jibbenefikaw minn kontribuzzjoni finanzjarja kif ukoll l-ispejjeż li huma kkunsidrati bħala eliġibbli.

38
Issa, mill-Artikolu 2(e), mill-Artikolu 9(1) u mill-Artikolu 17(2) u (3) tad-Deċiżjoni 2001/431, li d-dispożizzjonijiet tagħhom huma ċċitati fil-punti 9 sa 11 iktar ’il fuq, jirriżulta li kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għall-akkwist tal-bastimenti effettivament użati sabiex jiġu żgurati l-kontroll u s-sorveljanza tas-sajd hija possibbli biss, skont din id-deċiżjoni, jekk l-ispejjeż jiġu sostnuti fl-osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti mill-imsemmija deċiżjoni u mid-direttivi li jikkoordinaw il-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, fosthom id-Direttiva 93/36.

39
Għalhekk, l-osservanza tar-regoli stabbiliti mid-direttivi inkwistjoni jidhru li jikkostitwixxu kundizzjoni preliminari sabiex l-ispejjeż sostnuti mill-Istati Membri jkunu jistgħu jiġu kkunsidrati bħala eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni. Minn dan jirriżulta li hemm lok li jiġi kkunsidrat li d-Deċiżjoni 2001/431, u partikolarment l-Artikolu 17(2) tagħha, jistabbilixxi li l-kofinanzjament mill-Unjoni jippreżumi l-applikabbiltà ratione materiae tal-imsemmija direttivi. Dik l-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni 2001/431 hija, barra minn hekk, ikkorroborata mill-punt 4 tal-parti A tal-Anness II, iċċitat fil-punt 12 iktar ’il fuq, li jippreċiża l-kontenut tal-informazzjoni neċessarja għall-verifika tal-osservanza tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi li għandha tiġi provduta lill-Kummissjoni, mingħajr ma jħalli l-ebda xaqq ta’ dawl għall-possibbiltà li dik il-leġiżlazzjoni tista’ ma tkunx tapplika ratione materiae.

40
Fil-fatt, l-għan inerenti tar-rekwiżit tal-osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti bid-direttivi li jikkoordinaw il-proċeduri għall-għoti tal-kuntratti pubbliċi huwa qabel kollox it-trasparenza sħiħa u n-natura kompletament kontrollabbli tat-tranżazzjonijiet ta’ xiri kkofinanzjati mill-Unjoni. Barra minn hekk, il-kofinanzjament, mill-Unjoni, ta’ bastimenti tal-gwerra ma jaqgħux, fil-prinċipju, taħt il-politika komuni tas-sajd. Għaldaqstant, f’dak ir-rigward, il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu osservati sabiex jiġi permess tali kofinanzjament huma dawk inklużi fid-dispożizzjonijiet ta’ dawk id-direttivi li jirregolaw materjalment l-imsemmija proċeduri.

41
Issa, f’dan il-każ, huwa stabbilit li, billi għażlet il-proċedura nnegozjata għall-bini taż-żewġ bastimenti oċejaniċi tal-għassa, ir-Repubblika Portugiża qieset li hija ma kinitx marbuta li ssegwi r-regoli applikabbli fil-qasam tal-għoti tal-kuntratti pubbliċi. Fil-fatt, billi invokat l-Artikolu 2(1)(b) u l-Artikolu 3 tad-Direttiva 93/36 kif ukoll il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha li tittrasponi l-imsemmija direttiva, ir-Repubblika Portugiża qieset li l-kuntratti inkwistjoni ma kinux jaqgħu, ratione materiae, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva.

42
Madankollu, fid-dawl ta’ dak li ntqal, hemm lok li jiġi kkunsidrat li skont id-Deċiżjoni 2001/431, ma huwiex ammissibbli għal Stat Membru li jitlob, minn naħa, il-kofinanzjament mill-Unjoni għall-akkwist ta’ bastimenti ġodda maħsuba interament jew parzjalment għal finijiet ta’ kontroll u ta’ sorveljanza tas-sajd li, b’mod konformi mal-imsemmija direttiva, għandu josserva r-regoli fil-qasam tal-għoti tal-kuntratti pubbliċi, u li jiddeċiedi, min-naħa l-oħra, li ma japplikax l-istess regoli billi jinvoka l-Artikolu 296(1)(b) KE, minħabba n-natura militari tal-materjal akkwistat.

43
Il-kunsiderazzjonijiet preċedenti ma jistgħux jiġu kkontestati mill-argument tar-Repubblika Portugiża li kien biss f’mument sussegwenti għall-preżentazzjoni lill-Kummissjoni tat-talba tagħha għal kontribuzzjoni finanzjarja, jiġifieri waqt l-adozzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 391/2007, tal-11 ta’ April 2007, li jistabbilixxi l-modalitajiet ta’ applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 861/2006, fir-rigward tal-ispejjeż sostnuti mill-Istati Membri għall-implementazzjoni tas-sistemi ta’ kontroll u ta’ sorveljanza applikabbli għall-politika komuni tas-sajd (ĠU L 97, p. 30), li ġie ppreċiżat li l-Istati Membri ma setgħu jibbenefikaw minn ebda deroga għar-regoli tal-kuntratti pubbliċi bbażati fuq l-Artikolu 296 KE.

44
F’dan ir-rigward, ċertament hemm lok li jiġi rrilevat li effettivament kien biss wara l-adozzjoni tar-Regolament Nru 391/2007 li ġie ppreċiżat espressament li l-ispejjeż sostnuti għall-bastimenti maħsuba għall-kontroll tas-sajd ma setgħu jibbenefikaw minn ebda deroga għar-regoli tal-Unjoni dwar il-kuntratti pubbliċi inkonnessjoni mal-Artikolu 296 KE. Bl-istess mod, jeħtieġ li jiġi rrilevat li r-Regolament Nru 391/2007 ma kienx applikabbli ratione temporis f’dan il-każ, sa fejn huwa daħal fis-seħħ f’data sussegwenti għal dik tat-talba għal kontribuzzjoni finanzjarja tar-Repubblika Portugiża. Madankollu, ma jistax jiġi dedott minn din iċ-ċirkustanza li l-leġiżlazzjoni applikabbli sa dik id-data kienet tippermetti lill-Istati Membri li jiksbu għajnuna finanzjarja mill-Unjoni bil-ħsieb li jakkwistaw bastimenti fil-kuntest tal-politika komuni tas-sajd u, kontemporanjament, li jidderogaw mir-regoli fil-qasam tal-għoti tal-kuntratti pubbliċi billi jinvokaw l-Artikolu 296 KE. F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkunsidrat, bħalma tagħmel il-Kummissjoni, li anki qabel ma saret il-preċiżjoni bir-Regolament Nru 391/2007, kien jirriżulta mill-kundizzjonijiet stabbiliti bid-Deċiżjoni 2001/431 li l-Istati Membri li kellhom l-intenzjoni li jipprevalixxi ruħhom mill-possibbiltà ta’ deroga mir-regoli ġenerali billi jinvokaw l-Artikolu 296 KE ma setgħux simultanjament jippretendu kontribuzzjoni finanazjarja mill-Unjoni għall-akkwist ta’ tagħmir maħsub għall-kontroll tas-sajd.

45
Barra minn dan, għandu jiġi kkonstatat li, għall kuntrarju ta’ dak li ssostni r-Repubblika Portugiża, id-Deċiżjoni 2001/431 ma tipprekludix lill-Istati Membri li jafdaw lill-korpi militari bil-kompiti ta’ kontroll u ta’ sorveljanza tas-sajd milli jibbenefikaw mill-finanzjament previst għall-implementazzjoni ta’ dik il-politika komuni. Ċertament, sa fejn din id-deċiżjoni teżiġi l-osservanza tar-regoli fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, dawn l-Istati Membri ma jistgħux jidderogaw mis-sistema ġenerali applikabbli għall-kuntratti pubbliċi u jippretendu l-finanzjament tal-Unjoni. Għall-kuntrarju, l-Artikolu 296(1)(b) KE ma jipprekludix lill-Istati Membri li jkunu jipprevedu li jakkwistaw tagħmir militari li jaqa’ fil-kamp ta’ din id-dispożizzjoni milli jiddeċiedu madankollu li jissuġġettaw ruħhom għall-proċeduri komuni għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi u jistgħu, b’hekk, jippretendu l-kontribuzzjoni finanzjarja prevista fid-Deċiżjoni 2001/431. Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġi skartat l-argument tar-Repubblika Portugiża bbażat fuq in-natura allegatament inekwa, fil-konfront tal-Istati Membri li għażlu mezzi militari sabiex jiżguraw il-kontroll tas-sajd, tal-esklużjoni tal-kofinanzjament Komunitarju għal tagħmir akkwistat mhux bi proċeduri ġenerali għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi abbażi tad-deroga prevista fl-Artikolu 296(1)(b) KE.

46
Fir-rigward tal-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 93/36, jeħtieġ li jitfakkar li, skont dik id-dispożizzjoni, l-imsemmija direttiva ma tapplikax għal kuntratti ta’ provvista meta dawn ikunu ddikjarati sigrieti, jew meta l-eżekuzzjoni tagħhom għandha tkun akkumpanjata minn miżuri partikolari ta’ sigurtà, b’mod konformi mal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi viġenti fl-Istat Membru kkunsidrat, jew meta dan ikun rikjest mill-protezzjoni tal-interessi essenzjali tas-sigurtà tal-Istat Membru.

47
Kif ġie deċiż (ara l-punti 39 et seq iktar ’il fuq), il-kofinanzjament mill-Unjoni abbażi tad-Deċiżjoni 2001/431 jippreżumi l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw materjalment il-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi previsti fid-direttivi rilevanti. Minħabba dan, anki jekk jiġi preżunt li Stat Membru jista’ jipprevalixxi ruħu mid-deroga prevista mill-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 93/36 u jippretendi kofinanzjament b’applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2001/431, għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika Portugiża ma wrietx li l-kundizzjonijiet tal-applikazzjoni tal-imsemmija deroga kienu ssodisfatti f’dan il-każ.

48
Fil-fatt, hemm lok li jiġi rrilevat, qabel xejn, li, kif jirriżulta mill-proċess, il-kuntratt għall-provvisti li jikkonċerna l-akkwist taż-żewġ bastimenti oċejaniċi tal-għassa ma ġiex iddikjarat sigriet, peress li d-deċiżjoni konġunta Nru 15/2001, ippubblikata fid-Diário da Repùblica, kienet tagħmel rieriment għad-deċiżjoni tar-Repubblika Portugiża li takkwista żewġ bastimenti tal-gwerra u li tuża l-proċedura nnegozjata għall-għoti tal-kuntratti mal-kumpannija Estaleiros Navais de Viana do Castelo.

49
Sussegwentement, jeħtieġ li jiġi rrilevat li r-Repubblika Portugiża tinvoka l-protezzjoni tal-interessi essenzjali tas-sigurtà tal-Istat jew il-miżuri partikolari ta’ sigurtà li jakkumpanjaw il-provvista inkwistjoni sabiex tiġġustifika d-deroga mir-regoli ġenerali fil-qasam tal-għoti tal-kuntratti għal provvisti.

50
Madankollu, hemm lok li jiġi kkonstatat li r-Repubblika Portugiża sempliċement tinvoka l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni sensittiva, marbuta mal-iżvilupp u l-istabbiliment ta’ programm ta’ komunikazzjoni militari fuq il-bastimenti oċejaniċi tal-għassa, mingħajr madankollu ma tindika l-inqas element konkret fir-rigward tal-miżuri partikolari ta’ sigurtà li għandhom jakkumpanjaw il-provvista tal-bastimenti oċejaniċi tal-għassa, u lanqas ir-raġunijiet li abbażi tagħhom hija tikkunsidra li l-għan tal-protezzjoni tan-natura kunfidenzjali ta’ ċerta data ikun inqas żgurat li kieku dik il-produzzjoni ġiet fdata lill-kumpanniji oħra minbarra Estaleiros Navais de Viana do Castelo.

51
F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, in-neċessità tal-obbligu ta’ kunfidenzjalità bl-ebda mod ma tipprekludi l-użu ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti għall-għoti ta’ kuntratt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ April 2008, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-337/05, Ġabra p. I-2173, punt 52). Barra minn hekk, kif ġustament issostni l-Kummissjoni, ir-rekwiżiti relatati mal-kunfidenzjalità jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni partikolarment fil-kundizzjonijiet tal-parteċipazzjoni fil-proċedura, jew fl-evalwazzjoni tal-proposti, bl-istabbiliment ta’ subkriterji tal-għoti relatati ma’ miżuri ta’ protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni.

52
Għaldaqstant, ir-rikors għall-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 93/36, anki jekk tiġi preżunta l-applikabbiltà ta’ din id-dispożizzjoni, sabiex jiġi ġġustifikat l-akkwist ta’ bastimenti oċejaniċi tal-għassa skont proċedura nnegozjata jidher li huwa sproporzjonat fid-dawl tal-għan li jikkonsisti fl-impediment tal-iżvelar ta’ informazzjoni sensittiva relatata mal-produzzjoni tal-imsemmija bastimenti. Fil-fatt, ir-Repubblika Portugiża ma wrietx li tali għan ma setax jintlaħaq fil-kuntest ta’ proċedura għal sejħa għal offerti kif previst fl-istess direttiva (sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 53).

53
Isegwi li, f’dan il-każ, is-sempliċi fatt li jiġi ddikjarat, kif għamlet ir-Repubblika Portugiża, li l-provvisti inkwistjoni huma ddikjarati sigrieta, li huma akkumpanjati minn miżuri speċjali ta’ sigurtà jew li huwa neċessarju li jiġu evitati r-regoli tal-Unjoni sabiex jiġu protetti l-interessi essenzjali ta’ sigurtà tal-Istat ma jistax ikun suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit, fin-nuqqas ta’ provi, li ċ-ċirkustanzi eċċezzjonali li jiġġustifikaw id-derogi previsti mill-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 93/36 huma effettivament eżistenti.

54
Konsegwentement, ir-Repubblika Portugiża ma hijiex fondata meta ssostni li, skont l-Artikolu 2(1)(b) tagħha, id-Direttiva 93/36 ma tapplikax għall-kuntratt inkwistjoni.

55
Minn dak li ntqal jirriżulta li ma jista’ jintlaqa’ l-ebda wieħed mill-argumenti mressqa mir-Repubblika Portugiża sabiex tiġġustifika li hija setgħet, abbażi tad-Deċiżjoni 2001/431, titlob il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għall-akkwist ta’ żewġ bastimenti oċejaniċi tal-għassa mingħajr l-obbligu li ssegwi r-regoli tal-għoti tal-kuntratti previsti mid-Direttiva 93/36.

56
Issa, billi għażlet il-proċedura nnegozjata, ir-Repubblika Portugiża ma kkonformatx ruħha f’dan il-każ mar-regoli stabbiliti mill-imsemmija direttiva, li l-Artikolu 6 tagħha jimponi fuq l-awtoritajiet kontraenti li jagħtu kuntratt pubbliku li jużaw il-proċedura miftuħa jew il-proċedura ristrettiva, sakemm il-kuntratt ma jkunx jaqa’ taħt wieħed mill-każijiet eċċezzjonali enumerati b’mod limitat fil-paragrafi 2 u 3 tal-imsemmi artikolu.

57
F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jaqa’ taħt l-ebda wieħed mill-każijiet previsti fl-Artikolu 6(2) u (3) tad-Direttiva 93/36, fatt li, barra minn dan, ma huwiex sostnut mir-Repubblika Portugiża, b’tali mod li l-Kummissjoni setgħet ġustament tikkonkludi li, sa fejn dak l-Istat Membru għażel il-proċedura nnegozjata waqt l-akkwist taż-żewġ bastimenti inkwistjoni, huwa ma osservax ir-rekwiżiti stabbiliti mill-imsemmija direttiva. F’dawk iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni setgħet legalment tikkunsidra li l-ispejjeż marbuta mal-akkwist ta’ żewġ bastimenti oċejaniċi tal-għassa kellhom jiġu ddikjarati ineliġibbli għall-għajnuna finanzjarja taħt id-Deċiżjoni 2001/431.

58
Fid-dawl ta’ dak li ntqal, jeħtieġ li l-ewwel motiv jiġi miċħud.
Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

59
Permezz tat-tieni motiv tagħha, ir-Repubblika Portugiża ssostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Essenzjalment, hija tikkunsidra li, billi aċċettat it-talba għal għajnuna finanzjarja li hija ppreżentat abbażi tad-Deċiżjoni 2001/431, il-Kummissjoni tatha ċ-ċertezza tal-kisba ta’ finanzjament għall-akkwist tal-bastimenti oċejaniċi tal-għassa. Ir-Repubblika Portugiża żżid li, waqt il-verifika tat-talba għal għajnuna finanzjarja, u partikolarment waqt l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2002/978, il-Kummissjoni kellha tinformaha bil-fatt li l-proċedura nnegozjata ma kinitx valida għall-akkwist taż-żewġ bastimenti inkwistjoni.

60
Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

61
Fir-rigward tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, jeħtieġ li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dritt li tintalab il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, li jikkostitwixxi wieħed mill-prinċipji fundamentali tal-Unjoni, jkopri kull individwu li jkun f’sitwazzjoni li fiha jirriżulta li l-amministrazzjoni tal-Unjoni, billi pprovdietu b’assigurazzjonijiet preċiżi, ħolqot fih aspettattivi fondati (ara s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Marzu 2003, Innova Privat-Akademie vs Il-Kummissjoni, T-273/01, Ġabra p. II-1093, punt 26, u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-18 ta’ Jannar 2006, Regione Marche vs Il-Kummissjoni, T-107/03, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 129).

62
Madankollu, il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ma jistax jipprekludi l-annullament ta’ għajnuna Komunitarja meta l-kundizzjonijiet stabbiliti għall-għoti tal-imsemmija għajnuna ma jkunux ġew issodisfatti manifestament (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ Settembru 1999, Sonasa vs Il-Kummissjoni, T-126/97, Ġabra p. II-2793, punt 39, u tal-14 ta’ Diċembru 2006, Branco vs Il-Kummissjoni, T-162/04, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 123, u l-ġurisprudenza ċċitata).

63
Barra minn hekk, ir-Repubblika Portugiża ma tipprovdi l-ebda prova li turi li l-Kummissjoni tatu assigurazzjonijiet dwar l-eliġibbiltà tal-ispejjeż ikkontestati f’każ li tintuża l-proċedura nnegozjata. Fi kwalunkwe każ, mill-eżami tal-ewwel motiv, jirriżulta li tali assigurazzjonijiet kienu jkunu illegali. Isegwi li r-Repubblika Portugiża ma wrietx li f’dan il-każ kienu ġew issodisfatti l-kundizzjonijiet rikjesti mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 61 u 62 iktar ’il fuq.

64
Konsegwentement, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.
Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni

65
Permezz tat-tielet motiv tagħha, ir-Repubblika Portugiża tikkunsidra li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni, sa fejn il-Kummissjoni ma spjegatx fiha r-raġunijiet li jiġġustifikaw ir-rifjut tagħha ta’ rimbors.

66
Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

67
Fir-rigward tal-obbligu ta’ motivazzjoni, jeħtieġ li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-rekwiżit tal-motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, partikolarment skont il-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarji tal-att jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment minn dan tal-aħħar jista’ jkollhom li jirċievu l-ispjegazzjonijiet. Ma hemmx bżonn li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi kollha rilevanti ta’ fatt u ta’ dritt, billi l-kwistjoni jekk il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata mhux biss b’riferiment għall-kliem tagħha, iżda wkoll għall-kuntest tagħha kif ukoll għar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Ottubru 1995, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, C-478/93, Ġabra p. I-3081, punti 48 u 49, u tat-22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il-Kummissjoni, C-487/06 P, Ġabra p. I-10515, punt 172).

68
Dan japplika iktar u iktar meta l-Istati Membri kienu strettament assoċjati fil-proċess tal-abbozzar tal-att ikkontestat u għaldaqstant jafu r-raġunijiet li fuqhom huwa bbażat dan l-att (sentenza Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50, u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Settembru 2004, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-304/01, Ġabra p. I-7655, punt 50).

69
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li att ta’ eżekuzzjoni ikun jissodisfa l-obbligu ta’ motivazzjoni meta jkun jinkludi riferiment espliċitu għal dispożizzjonijiet tar-regolament li fuqu jkun ibbażat dak l-att u b’hekk ikun jippermetti li jiġu rikonoxxuti l-kriterji li jkunu wasslu għall-adozzjoni tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Marzu 1975, Deuka, 78/74, Ġabra p. 421, punt 6; tas-27 ta’ Settembru 1979, Eridania-Zuccherifici nazionali u Società italiana per l’industria degli zuccheri, 230/78, Ġabra p. 2749, punti 14 sa 16, u tal-14 ta’ Jannar 1981, Denkavit Nederland, 35/80, Ġabra p. 45, punti 33 sa 36).

70
F’dan il-każ, jeħtieġ li jiġi rilevat li l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kienet preċeduta minn laqgħa u minn skambju ta’ korrispondenza. Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata tagħmel riferiment għall-ittra tad-29 ta’ Mejju 2009, indirizzata lill-awtoritajiet Portugiżi skont l-Artikolu 17(3) tad-Deċiżjoni 2001/431, li fiha l-Kummissjoni kienet esponiet fid-dettall ir-raġunijiet li wassluha għall-konklużjoni, wara l-eżami tal-proċess, li l-ispejjeż ikkonċernati ma setgħux jiġu kkunsidrati bħala eliġibbli (ara l-punt 20 iktar ’il fuq).

71
Issa, għandu jiġi osservat li l-kuntest li fih ġiet adottata d-deċiżjoni u l-motivazzjoni inkluża fiha ppermettew lir-Repubblika Portugiża li tiddefendi ruħha u li tressaq l-argumenti tagħha għal dan l-għan u kienu jippermettu wkoll li jinftiehem ir-raġunament segwit mill-Kummissjoni waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

72
Peress li l-Kummissjoni ma kisritx l-obbligu ta’ motivazzjoni, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

73
Minn dan isegwi li r-rikors għandu jiġi miċħud.
Fuq l-ispejjeż

74
Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

75
Peress li r-Repubblika Portugiża tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, skont it-talbiet tal-Kummissjoni f’dan is-sens.  
Għal dawn il-motivi,
IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)
Taqta’ u tiddeċiedi:  
1)
Ir-rikors huwa miċħud.  
2)
Ir-Repubblika Portugiża hija kkundannata għall-ispejjeż.  
Azizi
Frimodt Nielsen
Kancheva
Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-18 ta’ Ġunju 2013.
Firem
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.

Full & Egal Universal Law Academy