EUR-Lex -  62009CN0069 - MT
Karar Dilini Çevir:
EUR-Lex -  62009CN0069 - MT

4.4.2009   
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 82/22

Appell ippreżentat fl-14 ta' Frar 2009 minn Makhteshim-Agan Holding BV, Makhteshim-Agan Italia Srl, Magan Italia Srl, mid-digriet mogħti mill-Qorti tal-Prim'Istanza (Is-Sitt Awla) fis-26 ta' Novembru 2008 fil-Kawża T-393/06, Makhteshim-Agan Holding BV et vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-69/09 P)
(2009/C 82/39)
Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet
Appellanti: Makhteshim-Agan Holding BV, Makhteshim-Agan Italia Srl, Magan Italia Srl (rappreżentanti: K. Van Maldegem, C. Mereu, avukati)
Appellata: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tal-appellanti

tirrevoka d-digriet tal-Qorti tal-Prim'Istanza fil-Kawża T-393/06 u tiddikjara r-rikors għal annullament tal-appellanti ammissibbli; u

tannulla d-deċiżjoni kkontestata; jew

sussidjarjament, tirrinvija l-kawża lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex tiddeċiedi dwar ir-rikors għal annullament tal-appellanti; u

tordna lill-Kummissjoni tħallas l-ispejjeż kollha ta' dawn il-proċeduri (inklużi l-ispejjeż quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza).

Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellanti jissottomettu li l-Qorti tal-Prim'Istanza wettqet żball ta' liġi meta ċaħdet ir-rikors tagħhom għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea ddikjarata f'ittra tat-12 ta' Ottubru 2006, li ma tippreżentax proposta għall-inklużjoni tas-sustanza attiva azinphos-methyl fl-Anness 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (1), tal-15 ta' Lulju 1991, li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (iktar 'il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).
B'mod partikolari, l-appellanti jsostnu li l-Qorti tal-Prim'Istanza wettqet żball ta' liġi meta ċaħdet ir-rikors għar-raġuni ta' inammissibbiltà. Hija sostniet, b'mod żbaljat, li d-deċiżjoni kkontestata ma kinitx att li jista' jiġi kkontestat skont l-Artikolu 230 tat-Trattat KE.
(1)  ĠU L 230, p. 1.

Full & Egal Universal Law Academy