EUR-Lex -  62008CC0192 - MT
Karar Dilini Çevir:
EUR-Lex -  62008CC0192 - MT

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
RUIZ-JARABO COLOMER
ippreżentati fl-14 ta’ Mejju 2009 1(1)
Kawża C‑192/08
TeliaSonera Finland Oyj
[talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-Korkein hallinto-oikeus (Qorti suprema amministrattiva tal-Finlandja)]
“Komunikazzjonijiet elettroniċi – Netwerks u servizzi – Obbligu li tiġi nnegozzjata l-interkonnessjoni in bona fide – Kunċett ta’ operatur ta’ netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet – Impriża li ma għandhiex saħħa sinjifikattiva fis-suq – Interpretazzjoni tal-Artikoli 4(1), 5 u 8 tad-Direttiva 2002/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill – Kompetenzi tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali”




I –    Introduzzjoni
1.        Il-Korkein hallinto‑oikeus (Qorti suprema amministrattiva, il-Finlandja) titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuq l-interpretazzjoni tal-Artikoli 4(1), 5 u 8 tad-Direttiva 2002/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta’, networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati (iktar ’il quddiem id-“Direttiva tal-Aċċess” jew id-“Direttiva 2002/19”) (2).
2.        B’mod konkret, il-qorti tar-rinviju hija interessata fil-portata tal-obbligu tal-interkonnessjoni previst fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/19, sabiex tiddetermina l-konformità mad-Direttiva, tad-dispożizzjonijiet numerużi tal-liġi Finlandiża, li tissuġġetta għal dan l-obbligu l-impriżi kollha tat-telekomunikazzjoni, mingħajr ma tagħmel distinzjoni bejn dawk li jiġġestixxu networks pubbliċi u dawk li jipprovdu servizzi jew skont l-eżistenza, jew le, ta’ saħħa sinjifikattiva fis-suq.
3.        Wara l-liberalizzazzjoni tas-settur, il-Qorti tal-Ġustizzja ppermettiet lill-awtoritajiet leġiżlattivi nazzjonali jimponu ex ante ċerti piżijiet fuq l-operaturi dominanti (3) billi awtorizzathom, skont id-dispożizzjonijiet tranżitorji tad-Direttiva tal-Aċċess u tad-Direttiva 2002/21/KE dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (iktar ’il quddiem id-“Direttiva Kwadru” jew id-Direttiva 2002/21”) (4), sabiex jagħmlu interkonnessjoni ma’ netwerks mingħajr analiżi minn qabel tas-suq (5). Iktar minn hekk, hija ċaħdet l-interventi awtomatiċi tas-setgħa leġiżlattiva li kienu jillimitaw il-marġni ta’ diskrezzjoni indispensabbli ta’ dawn l-awtoritajiet (6).
4.        Madankollu, it-tematika ttrattata f’dan il-każ twassal sabiex il-kwistjoni bejn l-operaturi storiċi u dawk ġodda tagħti lok għad-dibattitu fuq il-limiti tal-awtoritajiet amministrattivi meta jintlaħaq livell ta’ liberalizzazzjoni sinjifikattiv u li l-interventi pubbliċi fis-suq għandhom għalhekk jitnaqqsu sabiex ma jiġix iddisturbat il-mekkaniżmu tal-provvista u d-domanda.
5.        Fil-fatt, ebda waħda mill-partijiet prinċipali fil-kawża nazzjonali ma kisbet l-istat ta’ “operatur li għandu saħħa sinjifikattiva” u din turi, sa ċertu punt, is-suċċess tal-kampanja Komunitarja kontra l-monopolji li rrendiet possibbli l-fatt li impriża tal-komunikazzjonijiet, li tixtieq testendi l-attività tagħha permezz ta’ impriża oħra li ma laħqitx pożizzjoni dominanti f’settur tas-suq, tista’ tikseb l-assistenza teknika minn din l-impriża oħra msemmija (7).
6.        Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja tammetti li l-impriżi, ikun x’ikun il-kobor tagħhom, huma obbligati li jikkonkludu ftehim, hija għandha, skont l-iskema stabbilita mill-qorti tar-rinviju, tiddetermina l-kapaċità ta’ reazzjoni li d-dritt Komunitarju jagħti lill-awtorità indipendenti nazzjonali sabiex tivverifika jekk dak l-obbligu ta’ interkonnessjoni ġiex irrispettat, billi tuża miżuri xierqa jekk ikun il-każ.
7.        Ir-raġuni wara din il-kawża hija propju l-fakultà tal-Istati membri sabiex jestendu r-rekwiżiti tad-direttivi fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet. Din il-kwistjoni trid tiġi ttrattata bi prudenza li tirrekjedi l-użu adegwat ta’ definizzjonijiet (8) fil-qasam tat-teknoloġija partikolari (9) u d-delimitazzjoni stretta tal-obbligu tan-negozjar tal-interkonnessjoni.
II – Il-leġiżlazzjoni applikabbli
A –    Id-dritt Komunitarju
1.      Il-“prinċipju tal-kooperazzjoni leali”
8.        Skont l-Artikolu 10 KE, l-“Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa ġenerali jew speċjali biex jassiguraw it-twettiq ta’ l-obbligi li jirri[ż]ultaw minn dan it-Trattat jew mid-deċiżjonijiet ta’ l-istituzzjonijiet tal-Komunità”, u għandhom jiffaċilitaw “l-adempiment tal-missjoni tal-Komunità”. Barra minn hekk, huma “m’għandhom jieħdu ebda miżura li tkun tista’ tipperikola r-realizzazzjoni ta’ l-għan[i]jiet” tal-Unjoni.
2.      Id-Direttiva 2002/19
a)      L-Istorja
9.        It-tfassil, fl-1987, tal-Green Paper dwar it-telekomunikazzjoni (10) tat bidu għall-istabbiliment ta’ suq Ewropew kompetittiv u armonizzat, ibbażat fuq l-għażla libera tal-operaturi.
10.      In-nuqqas ta’ regolamentazzjoni amministrattiva tas-settur wasslet għal trasformazzjoni kbira tal-kunċett ġuridiku tiegħu. Fil-fatt, l-esklużività inizjali fil-ġestjoni ta’ dan is-settur minn korpi pubbliċi żviluppat, skont ir-regoli tad-Direttiva 90/388/KEE (11), f’eliminazzjoni tad-drittijiet speċjali jew esklużivi, fid-dawl tal-inkapaċità tas-sistema tradizzjonali tal-monopolji statali biex jiġu sodisfatti d-domanda tal-utenti, mhux biss minħabba r-revoluzzjoni li ra dan is-settur, iżda wkoll minħabba l-konnotazzjoni politika qawwija tad-deċiżjonijiet ta’ dawn il-monopolji (12).
11.      Id-Direttiva Qafas 90/387 (13) ikkontribwixxiet għall-konverġenza, inkoraġġiet id-dħul ta’ parteċipanti ġodda fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet u ħadet ħsieb l-implementazzjoni ta’ ekwilibru li huwa diffiċli li jiġi stabbilit, peress li l-bażi fraġli tiegħu kienet imdgħajfa bis-superjorità tal-operatur pubbliku preċedenti, li kienet tirriżulta mid-drittijiet li huwa kien ilu jgawdi għal diversi snin u mill-konoxxenza profonda tas-suq li huwa kellu.
12.      Madankollu, din il-proċedura kellha twassal ukoll għall-aċċess u għal-lokalizzazzjoni tal-infrastutturi, filwaqt li tiżgura l-interkonnessjoni bejn in-networks pubbliċi u d-distributuri tagħhom (14). Huwa b’dan il-għan li ġiet adottata d-Direttiva 97/33 (15), li tagħti lill-korpi awtorizzati sabiex jipprovdu netwerks pubbliċi ta’ telekomunikazzjonijiet u/jew ta’ “servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet” (16) id-dritt, kif ukoll l-obbligu korrispondenti, li jinnegozjaw l-interkonnessjoni tagħhom, b’mod li jiżguraw il-provvista ta’ dawn in-netwerks u servizzi fil-Komunità kollha [Artikolu 4(1)], u żżid li l-korpi li għandhom saħħa fis-suq kienu obbligati jissodisfaw it-talbiet raġjonevoli kollha għall-konnessjoni [Artikolu 4(2)].
b)      Il-kontenut tagħha
13.      Id-Direttiva tal-Aċċess hija parti minn dak li jissejjaħ “il-qafas regolatorju ġdid” (17) adottat fis-7 ta’ Marzu 2002 u li ġie ppubblikat fl-24 ta’ April 2002 (18).
14.      Inkonformità mad-Direttiva Kwadru u fid-dawl tal-esperjenza li tirriżulta mid-Direttiva 97/33, id-Direttiva tal-Aċċess hija intiża sabiex tarmonizza l-interkonnessjoni bl-għan doppju li tirrendiha kompatibbli mal-prinċipji tas-suq intern u sabiex jibbenefikaw minnha l-konsumaturi, filwaqt li żżomm is-sostenibbiltà tal-kompetizzjoni u l-interoperabbiltà tas-servizzi.
15.      Skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/19,
“L-operaturi ta[n]-network[s] pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet għandu jkollhom dritt u, meta jintalbu minn impriżi oħra hekk awtorizzati, obbligazzjoni li jinnegozjaw interkonnessjoni ma’ xulxin għall-għan li jfornu servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi disponibbli pubblikament, sabiex tiġi żgurata provista u interoperabilità ta’ servizzi mal-Komunità kollha. L-operaturi għandhom joffru aċċess u interkonnessjoni lill-impriżi oħra fuq termini u kondizzjonijiet konsistenti ma l-obbligi imposti mill-awtorità regolatorja nazzjonali skond Artikoli 5, 6, 7 u 8.”
16.      L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5(1) tagħha jipprevedi li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom, waqt li jaġixxu biex jilħqu l-miri stipulati fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2002/21/KE, iħeġġu u jiżguraw aċċess u interkonnessjoni adegwati, u interoperabbiltà ta’ servizzi, waqt li jeżerċitaw ir-responsabbiltà tagħhom b’mod li jippromwovu l-effiċjenza, il-kompetizzjoni sostenibbli, u jagħtu l-benefiċċju massimu lill-utenti finali.
B’mod partikolari, mingħajr preġudizzju għall-miżuri li jistgħu jittieħdu fir-rigward ta’ impriżi b’saħħa sinjifikattiva fis-suq skont l-Artikolu 8, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom ikunu jistgħu jimponu ċerti obbligi oġġettivi, trasparenti, proporzjonati u mhux diskriminatorji (Artikolu 5(3)):
a) fuq l-impriżi li jikkontrollaw l-aċċess għall-utenti finali: obbligi intiżi li jiżguraw il-konnettività tarf sa tarf, inkluż f’każi ġustifikati, l-obbligazzjoni li jagħmlu interkonnessjoni tan-netwerk tagħhom fejn dan ma jkunx diġà l-każ;
b) fuq l-operaturi: l-obbligu li jipprovdu aċċess għall-faċilitajiet l-oħra msemmija fl-Anness I, Taqsima II dwar kundizzjonijiet ġusti u raġonevoli sabiex tiġi żgurata l-aċċessibbiltà għall-utenti finali għall-servizzi tar-radju diġitali u x-xandir tat-televiżjoni speċifikati mill-Istat Membru.
17.      L-Artikolu 8 jinkwadra inizjattivi speċifiċi (19) tal-awtoritajiet regolatorji, imma biss f’dak li jikkonċerna lill-operaturi li jkollhom saħħa sinjifikattiva fis-suq, fejn din il-kwalità tingħatalhom wara l-analiżi tas-suq imwettqa skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva Kwadru.
18.      Biex jitneħħa kull dubju, din il-limitazzjoni tad-destinatarji hija msaħħa fl-Artikolu 8(3) (20), li jindika li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali ma għandhomx jimponu l-obbligi mniżżla f’Artikoli 9 sa 13 fuq operaturi li ma jkunux ġew identifikati skont il-paragrafu 2 u għaldaqstant, fi kliem ieħor, fuq operaturi li ma għandhomx dik is-saħħa fis-suq.
19.      Fost il-miżuri li d-Direttiva tal-Aċċess tipprovdi esklużivament f’dak li jikkonċerna l-impriżi dominanti, dawk il-miżuri li jinsabu fl-Artikolu 12(1) huma differenti b’mod partikolari peress li, skont l-Artikolu 8, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu jimponu obbligi fuq operaturi biex jissodisfaw talbiet raġonevoli għall-aċċess għal, u l-użu ta’, elementi speċifiċi ta’ netwerks u faċilitajiet assoċjati, f’sitwazzjonijiet fejn l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jqisu li ċ-ċaħda għall-aċċess jew termini u kundizzjonijiet mhux raġonevoli li jkollhom effett simili jfixklu l-iffaċċar ta’ suq tal-imnut kompetittiv sostenibbli jew li ma jkunux fl-interess tal-utent finali.
L-operaturi jistgħu jkunu obbligati:
“[…]
a) li jagħtu lill-partijiet terzi aċċess għal elementi speċifikati u/jew faċilitajiet ta’ netwerks, inkluż aċċess disassoċjat għal-linja lokali;
b) li jinnegozjaw in bona fede ma’ impriżi li jitolbu l-aċċess;
[…]
e) biex jagħtu aċċess miftuħ lill-interfaces tekniċi, protokolli jew teknoloġiji oħra prinċipali li huma indispensabbli għall-interoperabbiltà tas-servizzi jew ta’ servizzi ta’ networks virtwali;
[…]
(ġ) li jipprovdu s-servizzi speċifiċi meħtieġa biex tiġi żgurata l-interoperabbiltà ta’ servizzi tarf sa tarf lill-utenti, inklużi faċilitajiet għall-servizzi ta’ netwerks intelliġenti jew roaming fuq netwerks mobbli;
(ħ) li jipprovdu aċċess għal sistemi ta’ sostenn operattiv jew sistemi simili ta’ software meħtieġa biex tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta fil-forniment ta’ servizzi;
i) li jagħmlu interkonnessjoni ma’ netwerks jew faċilitajiet ta’ netwerks.
[…]”
B –    Id-dritt nazzjonali
20.      Id-Direttiva tal-Aċċess u d-Direttiva Kwadru ġew trasposti fil-Finlandja bil-vienstintämarkkinalaki (liġi dwar is-suq tal-komunikazzjoni) (21).
21.      Il-punt 13 tal-Artikolu 2 tal-vienstintämarkkinalaki jiddefinixxi l-interkonnessjoni bħala l-konnessjoni fiżika u funzjonali bejn diversi netwerks u servizzi b’mod li jiġi żgurat l-aċċess tal-utenti, anki jekk l-imsemmija netwerks u servizzi huma dawk ta’ impriża oħra tat-telekomunikazzjoni. Skont il-punt 21 tal-Artikolu 2, it-terminu ‘impriża oħra tat-telekomunikazzjoni’ ikopri kemm l-impriżi li jiġġestixxu n-netwerks kif ukoll l-impriżi li jipprovdu s-servizzi msemmija.
22.      L-Artikolu 39 ta’ din il-liġi jirregola l-obbligi ta’ dawn l-impriżi f’dak li jikkonċerna l-interkonnessjoni, u n-negozjati fuq l-interkonnessjoni huma rregolati bil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu. Skont l-Artikolu 39(2), il-Vienstintävirasto (l-awtorità regolatorja Finlandiża) tista’ teżiġi (22) li impriża li jkollha saħħa sinjifikattiva fis-suq tagħmel interkonnessjoni tan-netwerk tagħha jew tas-servizzi ta’ komunikazzjoni tagħha man-netwerk jew servizzi ta’ komunikazzjoni ta’ impriża oħra tat-telekomunikazzjoni. L-Artikolu 39(3) jippermetti wkoll lill-Vienstintävirasto (23) li timponi obbligu identiku fuq l-impriżi li ma jkollhomx saħħa sinjifikattiva fis-suq, bil-kundizzjoni li dawn l-impriżi jikkontrollaw il-konnessjonijiet tal-utenti man-netwerk ta’ komunikazzjoni u li dan l-obbligu jkun meħtieġ biex tiġi żgurata l-interoperabbiltà.
III – Il-fatti
23.      Il-kumpannija iMEZ Ab tipprovdi servizzi ta’ trasmissjoni ta’ messaġġi testwali (SMS) u multimedjali (MMS) permezz ta’ software li jippermetti lill-klijenti tagħha jikkomunikaw mal-utenti tat-telefon ċellulari (l-utent finali), b’mod li l-informazzjoni tintbagħat kemm mis-software lejn it-telefon kif ukoll bil-mod invers, peress li s-sistema tippermetti lid-destinatarju jirrispondi għall-messaġġ mibgħut u jipproċessa r-risposta tiegħu.
24.      Din l-impriża ma għandhiex netwerk tagħha tat-telefonija ċellulari, iżda għandha ċentri tal-messaġġi, “Short Message Service Center (SMSC)” u “Multimedia Messaging Service Center (MMSC)”. Sabiex tipprovdi s-servizzi tagħha, iMEZ Ab ikkonkludiet ftehim mal-operaturi kollha tat-telefonija ċellulari tal-Isvezja u, fil-Finlandja, ma Elisa Oyj, li hija operatur tat-telefonija ċellulari. L-awtorità regolatorja Svediża (Kommunikations‑myndigheten PTS) tagħtha kodiċi tan-netwerk ċellulari (Mobile Network Code).
25.      In-netwerk tat-telefonija ċellulari tal-kumpannija TeliaSonera Finland Oyj, li ngħaqdet ma’ Sonera Mobile Networks Oy, jippermetti li jintbagħtu messaġġi ta’ test u multimedjali kif ukoll servizzi ta’ pproċessar ta’ informazzjoni.
26.      TeliaSonera Finland Oyj ma hijiex espressament ikkunsidrata, għall-finijiet tal-kawża, bħala impriża li għandha saħħa sinjifikattiva fis-suq, iżda n-netwerk tagħha tat-telefonija ċellulari jkopri t-territorju Finlandiż kollu, ħaġa li tħeġġeġ lil iMEZ Ab tipprova tikseb l-interkonnessjoni.
27.      Wara li fallew in-negozjati, fis-7 ta’ Awwissu 2006, iMEZ Ab talbet lill-awtorità regolatorja Finlandiża ġġiegħel lil TeliaSonera Finland Oyj sabiex tinnegozja inbona fide l-interkonnessjoni billi tipproponi akkordju raġjonevoli, jew, fin-nuqqas, sabiex timponi soluzzjoni għat-trażmissjoni ta’ messaġġi SMS u MMS. Sussidjarjament, iMEZ Ab talbet li l-Vienstintävirasto tikklassifika lil TeliaSonera Finland Oyj bħala impriża li għandha saħħa sinjifikattiva fis-suq sabiex, b’hekk, taċċedi għall-interkonnessjoni.
28.      B’deċiżjoni tal-11 ta’ Diċembru 2006, l-amministrazzjoni Finlandiża kkunsidrat li TeliaSonera Finland Oyj ma kinitx osservat l-obbligu ta’ negozjar li hija għandha skont l-Artikolu 39 tal-Liġi dwar is-suq tal-komunikazzjoni meta pproponiet lil iMEZ Ab interkonnessjoni fuq kundizzjonijiet unilaterali, peress li kien mitlub ħlas għall-messaġġi mibgħuta lejn in-netwerk ta’ TeliaSonera Finland Oyj filwaqt li l-messaġġi mibgħuta lejn iMEZ Ab kellhom ikunu b’xejn.
29.      Il-Vienstintävirasto kkunsidrat li TeliaSonera Finland Oyj kellha tirrimedja s-sitwazzjoni u tinnegozja inbona fide (24) l-interkonnessjoni fil-qasam tas-servizzi tal-SMS u tal-MMS u ordnat li tiġi żgurata l-interoperabbiltà ta’ dawn is-servizzi għall-benefiċċju tal-konsumaturi.
IV – Il-kawża prinċipali, it-talbiet tal-partijiet u d-domandi preliminari
30.      TeliaSonera Finland Oy appellat kontra d-deċiżjoni tal-11 ta’ Diċembru 2006 quddiem il-qrati nazzjonali billi invokat in-nullità tagħha f’dak li jikkonċerna n-negozjati minħabba li l-Viestintävirasto ma kellhiex il-kompetenza tordnalha tiħdol fi trattattivi ma’ iMEZ wara li kienu fallew it-tentattivi biex jintlaħaq ftehim kummerċjali.
31.      Min-naħa tagħha, iMEZ talbet iċ-ċaħda tar-rikors u sostniet li TeliaSonera Finland Oyj kellha tiġi mġiegħla tidħol f’dawn in-negozjati, peress li r-riżultati miksuba sa issa ma kienux jiżguraw il-funzjonament tas-servizzi tagħha.
32.      Il-Korkein hallinto‑oikeus issospendiet il-proċeduri quddiemha u għamlet id-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 234 KE:
“1. L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta, networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati (Direttiva tal-Aċċess), meta moqri flimkien, minn naħa, mal-premessi 5, 6 u 8 tal-preambolu għal din id-direttiva u, min-naħa l-oħra, mal-Artikolu 8 u l-Artikolu 5 tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li,
1.a) leġiżlazzjoni nazzjonali tista’ tipprovdi, skont l-Artikolu 39(1) tal-viestintämarkkinalaki, li kwalsiasi impriża tat-telekomunikazzjoni għandha l-obbligu li tinnegozja l-interkonnessjoni ma’ impriża oħra tat-telekomunikazzjoni u fil-każ affermattiv,
1.b) awtorità regolatorja nazzjonali tista’ tikkonstata li l-obbligu tan-negozjar ma jkunx ġie sodisfatt jekk impriża tat-telekomunikazzjoni, li ma għandhiex saħħa sinjifikattiva fis-suq, tkun offriet l-interkonnessjoni lil impriża oħra b’kundizzjonijiet li l-awtorità tqis li huma kompletament unilaterali u li l-awtorità tqis li huma tali li jostakolaw l-iżvilupp ta’ suq tal-imnut kompetittiv, meta l-istess kundizzjonijiet jkunu fil-prattika pprekludew lit-tieni impriża msemmija milli toffri lill-klijenti tagħha l-possibbiltà li jibagħtu messaġġi multimedjali lill-utenti finali tan-network tal-impriża tat-telekomunikazzjoni u, fil-każ affermattiv,
1.ċ) awtorità regolatorja nazzjonali tista’, permezz tad-deċiżjoni tagħha, tordna lill-impriża tat-telekomunikazzjoni ċċitata iktar ’il fuq, li ma għandhiex saħħa sinjifikattiva fis-suq, tinnegozja inbona fide l-interkonnessjoni tas-servizzi tal-SMS u tal-messaġġi multimedjali, bejn is-sistemi tal-impriżi, b’mod li, fil-kuntest tan-negozjati kummerċjali, jittieħdu inkunsiderazzjoni l-għanijiet mixtieqa b’dik l-interkonnessjoni u li n-negozjati jseħħu fuq il-premessa li l-funzjonament tajjeb tas-sertvizzi tal-SMS u tal-messaġġi multimedjali bejn is-sistemi tal-impriżi jista’ jintlaħaq meta jkun hemm kundizzjonijiet raġjonevoli li jippermettu lill-utenti jkollhom il-possibbiltà li jużaw is-servizzi ta’ komunikazzjoni tal-impriżi tat-telekomunikazzjoni?
2) In-natura tan-netwerk ta’ iMEZ Ab u l-kwistjoni dwar jekk iMEZ għandhiex titqies bħala li hija operatur tan-netwerks pubbliċi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi jaffettwaw l-evalwazzjoni tad-domandi ċċitati iktar ’il fuq?”
V –    Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
33.      Id-deċiżjoni tar-rinviju ġiet irreġistrata fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Mejju 2008.
34.      iMEZ AB, il-Gvern Finlandiż, Taljan, Litwan, Olandiż, Pollakk u Rumen kif ukoll il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub fit-terminu previst fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.
35.      Ir-rappreżentanti ta’ TeliaSonera, ta’ iMEZ Ab, tar-Repubblika tal-Finlandja u tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej attendew is-seduta, li nżammet fit-2 ta’ April 2009, biex jagħmlu l-osservazzjonijiet orali tagħhom, u b’hekk il-kawża qegħda fl-istat li jsiru dawn il-konklużjonijiet.
VI – Analiżi tad-domandi preliminari
36.      Id-deċiżjoni tar-rinviju tal-Korkein hallinto‑oikeus tirrigwarda żewġ problemi li, għalkemm huma relatati, jeħtieġ li jiġu ttrattati ġuridikament b’mod separat.
37.      Il-punti 1(a) u 2 huma intiżi sabiex jiġi stabbilit liema tip ta’ impriżi huma suġġetti għall-obbligu ta’ negozjar fuq l-interkonnessjoni bl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Aċċess, filwaqt li l-punti 1(b) u 1(ċ) jirrigwardaw id-definizzjoni tal-kompetenzi tal-awtoritajiet nazzjonali.
38.      Għal raġunijiet ta’ natura sistematika, jeħtieġ li jerġgħu jiġu organizzati u miġbura d-domandi numerużi li saru, billi jiġu analizzati, fl-ewwel lok, id-domandi 1(a) u 2, peress li r-risposta għal dawn id-domandi taffettwa l-portata tas-setgħat tal-awtorità regolatorja fil-kawża prinċipali.
A –    Preċiżazzjonijiet preliminari fuq il-kompetizzjoni ħielsa u l-leġiżlazzjoni settorjali
39.      It-telekomunikazzjonijiet, li tradizzjonalment kienu taħt it-tutela tal-gvern, raw tkabbir ekonomiku minħabba l-liberalizzazzjoni tagħhom, liema liberalizzazzjoni ma setgħetx isseħħ bir-regoli tat-Trattat ta’ Ruma li, minnhom innifishom, irriżultaw li kienu insuffiċjenti.
40.      Fil-fehma tiegħi, f’sitwazzjoni ta’ monopolju Statali, ma teżistix tmexxija, imma diriġenti; ma hemmx klijenti, imma persuni amministrati u finalment, ma hemmx suq imma ġestjoni pubblika. Konsegwentement, f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Artikoli 81 KE u 82 KE irriżultaw li ma humiex kapaċi li joffru lill-operaturi potenzjali l-mezzi sabiex jidħlu fis-suq li, sa llum, għadu marbut bit-tendenzi tas-sistema preċedenti.
41.      Għaldaqstant, il-katarsi tas-settur kien jeħtieġ ċerti interventi esterni u, għal dan il-għan, il-leġiżlatur Komunitarju, li kien favur interventi speċifiċi, żgura l-implementazzjoni ta’ kundizzjonijiet minimi biex jirrendi vijabbli, fl-ewwel lok, il-mogħdija minn għonq il-flixkun fil-livell ta’ aċċess u, sussegwentement, biex jiffavorixxi l-libertà tal-għażla tal-konsumatur.
42.      Huwa f’dan l-isfond li twieldet leġiżlazzjoni parzjali li fil-kuntest tagħha l-kompetizzjoni dehret bħala l-iktar strument effettiv u li hija ġġustifikata bil-ħtieġa li jiġu rrimedjati ċerti nuqqasijiet tas-suq, bħalma huma n-natura mhux vijabbli tat-tnaqqis tal-infrastrutturi jew l-impossibbiltà li l-benefiċċji li dawn iġibu lis-soċjetà, b’mod ġenerali, jiġu mxejna b’dawk li joħolqu jew iżommu l-istess infrastrutturi, u dan peress li l-liġi tal-provvista u d-domanda, f’dan il-kuntest, ma tippermettix tqassim ġust tar-riżorsi (25).
43.      Il-ġlieda kontra dawn in-nuqqasijiet strutturali saret fuq żewġ fronti kumplimentari: minn naħa, dik tad-difiża tal-kompetizzjoni, li tnaqqas l-interferenza, huwa intiż sabiex jistabbilixxi ambjent newtrali fejn ħadd ma jindaħal fl-istrateġiji tal-impriżi u jissorvelja l-proċess kompetittiv tas-swieq stess; u min-naħa l-oħra, dik tar-regolamentazzjoni ad hoc tat-telekomunikazzjonijiet, li tikkonkretizza l-preżenza tal-amministrazzjoni, tinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni ta’ numru ikbar ta’ impriżi filwaqt li tipproteġi dawk li huma iktar fraġli, u li hija intiża, b’mod ġenerali, sabiex jintlaħqu immedjatament l-għanijiet tad-direttivi.
44.      Iż-żewġ tipi ta’ regolamentazzjoni ma jaqblux fuq il-mod li bih jiġu ssodisfatti l-għanijiet tagħhom.
45.      Ir-“regolamentazzjoni l-ġdida” tintervjeni ex ante fuq swieq speċifiċi, iżda b’mod asimmetriku, peress li l-intensità tal-obbligi li hija tipprevedi tiddependi fuq is-saħħa tal-impriża, u hija ta’ natura temporanja, preċiżament minħabba li hija taffettwa l-libertà tat-tranżazzjonijiet.
46.      Dawn il-premessi jaħdmu bil-maqlub għad-dritt tal-kompetizzjoni, peress li, b’mod ġenerali, dan tal-aħħar li japplika a posteriori fis-swieq li jkunu jridu jiġu rregolati (26), ma jiddistingwix fid-dispożizzjonijiet tiegħu bejn l-awturi tal-ksur u huwa intiż li jkun permanenti.
47.      Evidentement, ladarba d-diffikultajiet inizjali jkunu ġew megħluba u l-kompetizzjoni tirregola kompletament il-komunikazzjonijiet elettroniċi, dan it-“trattament ta’ xokk” settorjali jitlef mill-forza tiegħu, ħaġa li tispjega t-tnaqqis nett fir-rieda sabiex ikun hemm regolamentazzjoni (27), kif jindikaw ir-riformi pendenti, peress li, ħlief għal xi proposta eżistenti f’dan il-qasam (28), wieħed josserva tendenza għal tnaqqis fil-leġiżlazzjonijiet ta’ intervent (29).
B –    L-operaturi tan-netwerks pubbliċi bħala destinatarji tal-obbligu li jinnegozjaw l-interkonnessjoni
48.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tiddeċiedi fuq il-kwistjoni dwar jekk iMEZ Ab hijiex operatur tan-netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, u dan peress li dan il-punt jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qorti nazzjonali. Madankollu, hija għandha tiffaċilitalha xogħolha billi tistabbilixxi ċerti regoli li jgħinuha tagħmel din l-evalwazzjoni.
49.      Għal dan il-għan, għandu jiġi analizzat il-kamp ta’ applikazzjoni suġġettiv tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Aċċess biex jiġi stabbilit jekk l-obbligu tan-negozjar jikkonċernax lil kull impriża awtorizzata fis-settur tal-komunikazzjonijiet jew jekk japplikax biss għall-operaturi, ħaġa li timplika, kif tindika ġustament il-Korkein hallinto‑oikeus, li trid tiġi determinata n-natura tan-netwerks. Ġaladarba jiġi stabbilit dan, tqum il-kwistjoni dwar id-diskriminazzjoni skont is-saħħa fis-suq.
1.      Il-parametri pożittivi
50.      Id-diċitura tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/19 tipprevedi negozjar reċiproku tal-interkonnessjoni f’dak li jikkonċerna lill-“operaturi ta[n]-network[s] pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet” u toħloq b’hekk, rabta sinallagmatika li tinvolvi vantaġġi lil naħa u, spiss, inkonvenjenti lill-oħra (30).
51.      L-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 2002/19 tfisser b’mod ċar il-kunċett ta’ operatur billi tillimitah għall-impriża “li tforni jew tawtorizza l-provvista ta’ network pubbliku ta’ komunikazzjonijiet jew faċilità assoċjata” u, għaldaqstant, tammetti li miegħu jeżistu wkoll impriżi involuti f’attivitajiet koeżistenti oħra.
52.      Għalkemm, kif spjegat il-Qorti tal-Ġustizzja, is-sens tal-kliem mhux dejjem jikkostitwixxi assjoma ermenewtika xierqa, f’dan il-każ, id-diversi verżjonijiet lingwistiċi jwasslu għal soluzzjoni unanima, peress li huma jissuġġettaw għal dan l-obbligu biss lil dawk l-operaturi li jiġġestixxu l-imsemmija netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet.
53.      Għaldaqstant, għandu jiġi stabbilit jekk l-operaturi tal-faċilitajiet assoċjati (31) humiex eżenti mill-obbligu li jinnegozjaw kif previst fl-Artikolu 4 (32) tad-Direttiva tal-Aċċess.
54.      Anki jekk jista’ jiġi identifikat duwaliżmu bejn l-operaturi tan-“network[s] pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet” u l-operaturi ta’ “faċilitajiet assoċjati”, dawn l-operaturi kollha huma marbuta li jinnegozjaw, peress li d-direttiva tuża kunċett wieħed ta’ “operatur” għal dawn iż-żewġ kategoriji. Iktar minn hekk, ma għandux jiġi eskluż il-fatt li dawn il-faċilitajiet “assoċjati” jikkontribwixxu b’mod sostanzjali għall-funzjonalità tan-netwerk u dan minħabba s-sitwazzjoni tagħhom, il-kwalitajiet tagħhom jew, b’mod ġenerali, minħabba t-teknoloġija li huma jipprovdu.
2.      Il-parametri negattivi
55.      L-awturi l-oħra tas-settur jibqgħu esklużi; huma joħorġu minn interpretazzjoni sistematika tad-Direttiva tal-Aċċess, li l-Artikolu 2(b) tagħha, jiddefinixxi l-interkonnessjoni bħala “il-konnessjoni fiżika u loġika ta’ networks pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet wżati mill-istess impriża jew waħda differenti [...]”. Jekk din l-interkonnessjoni, kif deskritta f’din id-definizzjoni, ma tikkonċernax ħlief lil dawn in-networks, allura, loġikament dan huwa obbligu esklużiv tal-operaturi proprjetarji tal-imsemmija netwerks jew ta’ dawk li jipprovdu l-faċilitajiet assoċjati.
56.      Konsegwentement, peress li l-fornituri tas-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet ma jappartjenux għall-kategorija ta’ “operaturi ta’ networks pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet”, huma jevitaw l-obbligu li jinnegozjaw il-ftehim tagħhom għall-interkonnessjoni.
57.      Din il-konstatazzjoni hija kkorroborata bl-eżeġesi storika, li turi l-kuntrast eżistenti bejn l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 97/33, li kienet testendi l-obbligu tan-negozjar għall-interkonnessjoni fuq il-“korpi awtorizzati biex jipprovdu netwerks pubbliċi ta’ telekomunikazzjonijiet u/jew servizzi tat-telekomunikazzjonijiet aċċessibbli għall-pubbliku” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (33) u l-istess artikolu tad-Direttiva 2002/19, li jillimitah għall-“operaturi ta[n]-network[s] pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet”.
58.      Fil-kuntest tal-paragun bejn id-direttiva tal-1997 u dik tal-2002, l-osservazzjonijiet tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi f’din it-talba għal deċiżjoni preliminari jikkorroboraw it-teżi opposta, inkwantu d-Direttiva tal-Aċċess tirreferi espressament għal dik li ppreċedietha (34).
59.      Madankollu, kif ammetta l-gvern Olandiż, id-Direttiva tal-Aċċess ħassret id-Direttiva 97/33 u, iktar minn hekk, anki jekk il-premessa 8 tad-Direttiva tal-Aċċess tagħmel riferenza għaż-“[żamma ta’] drittijiet u obbligi eżistenti għan-negozjar tal-interkonnessjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali], din id-dikjarazzjoni għandha tinqara fid-dawl tal-għan stipulat, li huwa li l-“[...] operaturi oħra ta’ netwerks għandhom ikunu jistgħu jwasslu t-traffiku lill-klijenti tagħhom, u għalhekk għandhom ikunu jistgħu jinterkonnettu direttament jew indirettament ma’ xulxin” [traduzzjoni mhux uffiċjali] li għalhekk tenfasizza fuq il-fatt li l-interkonnessjoni tikkonċerna l-operaturi tan-netwerks.
60.      It-tneħħija tal-kliem “korpi awtorizzati biex jipprovdu networks pubbliċi ta’ telekomunikazzjonijiet aċċessibbli għall-pubbliku” fid-Direttiva 2002/19 tikkonferma dijanjożi iktar favorevoli għall-kompetizzjoni minn dik li kienet fis-seħħ meta ġiet adottata d-Direttiva 97/33, peress li, b’kuntrast ma’ dak li kien iseħħ qabel, il-kunċett ġdid tad-Direttiva 2002/19 jafda iktar fil-kapaċità tas-suq biex isolvi l-irregolaritajiet identifikati, ħaġa li tikkostitwixxi ukoll il-korollarju loġiku wara t-tnaqqis tal-intervent amministrattiv.
61.      Jien lanqas ma naqbel mal-fehma li l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2002/19 jistabbilixxi l-intanġibbiltà tal-obbligi kollha ta’ interkonnessjoni tad-Direttiva 97/33 peress li dan l-artikolu, b’mod li ma jħallix dubji għat-tifsira tiegħu, iġib it-titolu ta’ “Reviżjoni ta’ l-obbligi ta' qabel għall-aċċess u l-interkonnessjoni”, ħaġa li tipprekludi kull tentattiv biex jinżammu l-obbligi, speċjalment f’sitwazzjoni fejn l-obbligi diġà applikabbli jinżammu biss sakemm dawn l-obbligi ikunu ġew riveduti u “[tkun ittieħdet deċiżjoni dwarhom] skond il-paragrafu 3”.
3.      Ir-rifjut ta’ interpretazzjoni estensiva
62.      Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jqis li, għalkemm l-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Aċċess isemmi biss l-“operaturi ta[n]-network[s] pubbliċi”, xejn ma jipprekludi li l-obbligu tal-interkonnessjoni jiġi estiż għall-“fornituri ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi” skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2002/20 (“Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni”) u skont il-paragrafu 3 tat-Taqsima A tal-anness tagħha, fejn dawn id-dispożizzjonijiet jagħtu marġni kbira ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri f’dak li jikkonċerna l-organizzazzjoni tat-telekomunikazzjonijiet.
63.      Jeħtieġ li tiġi ttrattata l-kwistjoni dwar jekk id-Direttiva tal-Aċċess tippermettix lill-Istati Membri jmorru lilhinn mill-obbligi imposti minnha, iżda l-prudenza titlob li jiġi evitat li din ir-riflessjoni tiżnatura t-termini stretti tad-domanda li l-Korkein hallinto‑oikeus (35) għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja u li jiffukaw fuq il-ħtieġa li tiġi nnegozjata l-interkonnessjoni fil-kuntest tad-Direttiva 2002/19, li, fil-fehma tiegħi, diffiċilment tirreżisti tali flessibbiltà mingħajr ma jiġi mibdul is-sens tekniku-ġuridiku tagħha jew il-kompetizzjoni.
64.      Fl-ewwel lok, il-kundizzjonijiet inerenti għall-awtorizzazzjoni ġenerali tan-netwerks jew tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi li huma previsti fid-Direttiva 2002/20 u b’mod partikolari l-obbligi li, skont l-Artikolu 5(1) u (2) u l-Artikoli 6 u 8 tad-Direttiva 2002/19/KE, jistgħu jiġu imposti fuq il-fornituri tan-netwerks jew servizzi msemmija “għandhom ikunu legalment separati mid-drittijiet u l-obbligi ta’ l-awtorizzazzjoni ġenerali” (Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2002/20).
65.      Fit-tieni lok, fost ir-rekwiżiti li għalihom il-paragrafu 3 tat-taqsima A tal-anness tad-Direttiva 2002/20 jissuġġetta din l-awtorizzazzjoni ġenerali, wieħed jista’ jenfasizza dawk tal-interoperabbiltà tas-servizzi u tal-interkonnessjoni tan-netwerks. L-użu ta’ dawn l-espressjonijiet juru li l-leġiżlatur Komunitarju juża lingwa preċiża, peress li jitkellem fuq l-“interoperabilità” tas-servizzi u l-“interkonnessjoni” tan-netwerks (36), ħaġa li għandha sseħħ, iktar minn hekk, “b’konformità mad-Direttiva 2002/19/KE” (37), li għaliha jirreferi wkoll l-Artikolu 4(2)(a) tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni.
66.      Fit-tieni lok, is-suġġeriment li bih jingħad li l-leġiżlatur nazzjonali Ma huwiex marbut bl-Artikoli 5 sa 8 tad-Direttiva 2002/19 (38), minħabba li l-uniċi destinatarji tagħhom huma l-awtoritajiet regolatorji, jikkostitwixxi viżjoni żbaljata ta’ din id-Direttiva, peress li tinjora mhux biss li l-fatt li r-regolaturi nazzjonali jingħataw setgħat konkreti jippreżupponi l-intervent tal-Istat, iżda tinjora wkoll element essenzjali, jiġifieri l-fatt li n-negozjati għall-konklużjoni ta’ ftehim potenzjali għall-interkonnessjoni huwa previst bħala miżura ġenerali mill-Artikolu 4 tad-Direttiva u mhux mill-imsemmija Artikoli 5 sa 8 tad-Direttiva (39).
67.      Fir-raba’ lok, għal dan il-għan, id-Direttiva tal-Aċċess ma tikkostitwixxix leġiżlazzjoni minima, iżda, kif tindika l-premessa 14 tagħha, “[i]l-firxa ta’ l-obbligi possibbli [...] [tikkostitwixxi] sett ta’ obbligi massimi li jistgħu jiġu applikati għal impriżi, sabiex tiġi evitata ir-regolamentazzjoni żejda”.
68.      Għalkemm id-Direttiva 2002/19 għandha l-għan tal-armonizzazzjoni u topponi, f’suq miftuħ u kompetittiv, l-ostakoli għan-negozjar, b’mod partikolari meta l-ftehim ikollu portata transkonfinali (40), l-Istati Membri ma jistgħux jestendu kif jidhrilhom huma l-grupp ta’ entitajiet li għandhom jinnegozjaw l-interkonnessjoni, peress li, kieku dan kien il-każ, jiżdied ir-riskju ta’ preġudizzju għall-kompetizzjoni libera.
69.      L-Artikolu 39 tal-vienstintämarkkinalaki jmur lil’hinn mil-limitu li jirriżulta mid-Direttiva 2002/19 f’dak li jikkonċerna l-obbligi tal-impriżi, inkwantu jestendi l-obbligu ta’ negozjar fuq l-interkonnessjoni għall-fornituri ta’ servizzi, ħaġa li tikkostitwixxi l-element distintiv li r-rappreżentant tal-Gvern Finlandiż irrikonoxxa espressament waqt is-seduta (41).
70.      L-ekonomija tas-suq ma tistax tiġi ristretta b’mod inġustifikat, billi tali ostakoli huma permessi biss biex jintlaħqu l-għanijiet tad-dritt Komunitarju u sakemm jiġu rrispettati l-prinċipji ta’ raġonevolezza u proporzjonalità (42).
71.      Barra minn hekk, il-premessa 19 tad-Direttiva 2002/19 tirrikonoxxi li “[l]-obbligu ta’ l-aċċess għall-infrastruttura tan-networks jista’ jkun ġustifikat bħala mezz biex tiżdied il-kompetizzjoni, iżda l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jibbilanċjaw id-drittijiet tas-sid ta’ l-infrastruttura biex jisfrutta l-infrastruttura tiegħu għall-benefiċċju tiegħu stess, u d-drittijiet ta’ fornituri oħra ta’ servizzi li jkollhom aċċess għall-faċilitajiet li huma essenzjali għall-forniment ta’ servizzi kompetituri”.
72.      F’dan il-kuntest, il-prinċipju tal-intervent minimu, li jirrifletti l-prinċipju ta’ proporzjonalità, li ilu li ġie definit mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (43) ibbażata fuq in-natura xierqa, il-ħtieġa u r-rapport bejn l-ispejjeż u l-benefiċċji, jissuġġerixxi li ma għandhux jiġi applikat b’mod żbaljat l-obbligu ta’ negozjar, bħala miżura ex lege (44), fuq korpi li ma humiex l-operaturi ta’ netwerks pubbliċi.
73.      Id-Direttiva tal-Aċċess ma tikkontemplax negozjar ġenerali tal-interkonnessjoni bejn l-impriżi kollha (45), iżda biss bejn l-operaturi tan-netwerks pubbliċi, ħaġa li tikkostitwixxi, barra minn hekk, premessa loġika jekk iridu jinħolqu l-kundizzjonijiet sabiex ikun hemm kompetizzjoni mingħajr ostakoli; u din hija r-raġuni għaliex jeħtieġ li tinftiehem l-idea fundamentali tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2002/19, li hija li dawn in-netwerks huma anċillari għas-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet (46).
74.      Bil-fatt li tiżgura l-interkonnessjoni tan-netwerks jew tal-faċilitajiet assoċjati, is-sistema Komunitarja tipprepara t-triq biex tiġi mħaddna l-libertà li biha jiġu pprovduti s-servizzi (47), li r-regolazzjoni tagħha hija iktar xierqa fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni milli f’dak tar-regoli settorjali.
C –    Is-saħħa sinjifikattiva fis-suq u n-negozjar tal-interkonnessjoni
75.      Id-Direttiva tal-Aċċess tittratta l-obbligu li tiġi nnegozjata l-interkonnessjoni taħt żewġ aspetti: fl-ewwel lok, bħala obbligu ġeneriku u mbagħad bħala miżura speċifika. Barra minn hekk, meta l-obbligu jiġi impost b’att tal-awtorità regolatorja, id-direttiva tieħu inkunsiderazzjoni l-kwistjoni dwar jekk l-impriża destinatarja tal-istess obbligu għandhiex importanza partikolari fis-suq.
1.      Ir-regola ġenerali
76.      L-Artikolu 4 jidentifika d-“[d]rittijiet u obbligi għall-impriżi” u jissuġġetta għall-obbligu li jinnegozjaw l-interkonnessjoni dawk l-operaturi tan-netwerks pubbliċi, tkun xi tkun is-saħħa ekonomika tagħhom.
77.      B’hekk din hija applikabbiltà li toħroġ direttament mid-dritt Komunitarju, li ma teħtieġ ebda intervent amministrattiv.
2.      Il-miżuri amministrattivi partikolari
78.      L-Artikolu 5 jiddefinixxi s-“[s]etgħat u responsabbiltajiet ta’ l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali fir-rigward ta’ aċċess u interkonnessjoni” fejn jipprevedi, f’ċerti każijiet, l-obbligu tal-interkonnessjoni tan-netwerks.
79.      Il-portata ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tvarja peress li, filwaqt li l-Artikolu 4, li huwa intiż li japplika direttament, jirrigwarda esklużivament it-tentattivi ta’ ftehim f’dak li jikkonċerna l-“operaturi ta[n]-network[s] pubbliċi”, l-Artikolu 5 iħeġġeġ lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali sabiex jiżguraw il-funzjonament tajjeb tas-suq, permezz ta’ deċiżjonijiet konkreti u mhux in abstracto.
3.      Is-saħħa sinjifikattiva fis-suq
80.      Kif wieħed jista’ jiddeduċi a contrario sensu mill-paragrafu 1 tiegħu, l-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-Aċċess ma huwiex limitat għall-impriżi li għandhom saħħa sinjifikattiva. Kif indikajt diġà, din ir-restrizzjoni tirriżulta mill-Artikolu 8 tad-Direttiva msemmija li, flimkien mal-Artikolu 12(1)(b) jagħti lill-awtoritajiet nazzjonali l-fakultà li jieħdu ċerti inizjattivi li jippermettu li jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-faċilitajiet speċifiċi tan-netwerks.
81.      Is-saħħa tal-impriża tidentifika għaldaqstant il-kamp ta’ applikazzjoni, minn naħa, tal-Artikolu 5, li ma jiddistingwix bejn id-destinatarji tiegħu abbażi tas-saħħa sinjifikattiva tagħhom, u min-naħa l-oħra, tal-Artikoli 8 u 12 li huma intiżi għall-impriżi li għandhom saħħa sinjifikattiva.
82.      Is-saħħa fis-suq (48) tistabbilixxi għalhekk l-applikazzjoni ta’ sistema asimetrika tar-regoli tal-interkonnessjoni, li l-interpretatazzjoni korretta tagħhom tiddependi fuq id-definizzjoni u r-rikonoxximent ta’ din is-saħħa mill-awtorità kompetenti (49). Ma’ dan tiżdied ukoll in-natura dinamika tal-kunċett u t-tqassim tiegħu skont is-swieq li jwassal eventwalment sabiex operatur ikun jista’ jgawdi jew ma jgawdix minn saħħa sinjifikattiva fil-konfront tas-setturi ta’ attività.
83.      Skont id-Direttiva 97/33, l-entità li għandha sehem tas-suq ikbar minn 25 % hija meqjusa bħala li għandha saħħa sinjifikattiva fis-suq. Madankollu, fid-dawl tal-kapaċità tagħha li tinfluwenza l-kundizzjonijiet fuq l-imsemmi suq, u fid-dawl tal-fatturat tagħha, tal-kontroll eżerċitat minnha fuq il-mezzi ta’ aċċess tal-utent finali, tar-riżorsi finanzjarji u tal-esperjenza tagħha, entità jista’ jistħoqqilha li tiġi kkwalifikata bħala li għandha saħħa sinjifikattiva fis-suq anki jekk ma tilħaqx din il-perċentwali jew, għall-kuntrarju, jekk din il-kwalifika ma tapplikax għaliha anki jekk taqbeż din il-perċentwali [Artikolu 4(3)].
84.      Id-Direttiva tal-Aċċess tirreferi għad-Direttiva Kwadru, fir-rigward tal-għoti tal-kwalità ta’ impriża b’saħħa sinjifikattiva fis-suq, li skont din l-aħħar direttiva, tapplika għall-impriżi li, individwalment jew kollettivament, jinsabu f’pożizzjoni ekwivalenti għal pożizzjoni dominanti, jiġifieri impriżi li jkunu jistgħu jġibu ruħhom indipendentement mill-kompetituri, klijenti u, konsegwentement, mill-konsumaturi tagħhom (l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 14(2) tad-Direttiva Kwadru).
D –    L-interpretazzjoni sistematika tad-Direttiva tal-Aċċess u r-relazzjoni tagħha mal-liġi nazzjonali
a)      L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2002/19
85.      Għall-operaturi ta’ netwerks pubbliċi li, bħal TeliaSonera, tali saħħa fis-suq ma ġietx attribwita lilhom permezz ta’ att amministrattiv, l-obbligu tal-interkonnessjoni huwa limitat għas-sempliċi negozjar, mingħajr il-bżonn li jintlaħaq ftehim.
86.      Madankollu, id-Direttiva 97/33 kienet teżiġi li l-operaturi li għandhom din is-saħħa sinjifikattiva jwieġbu għal kull talba raġjonevoli ta’ konnessjoni [Artikolu 4(2)]. Dan l-obbligu jinsab ripetut fid-Direttiva tal-Aċċess [Artikoli 4(1), u 5(1) u (4)], li kif diġà indikajt, stabbiliet ukoll obbligi konkreti fuq l-operaturi dominanti (l-Artikolu 8 moqri flimkien mal-Artikolu 12).
87.      Jien ma ninsiex li l-premessa 1 tad-Direttiva 2002/19 hija favur interpretazzjoni wiesgħa ta’ dawn l-obbligi billi tagħmilhom jirrigwardaw in-netwerks u l-ftehim fil-qasam tal-“aċċess u l-arranġamenti ta’ interkonnessjoni bejn il-fornituri tas-servizzi”. F’din l-ordni ta’ ideat, il-premessi 5 u 6 jirreferu għall-fatt li “impriż[i] li jirċievu talbiet għall-aċċess jew inter-konnessjoni għandhom fil-prinċipju jikkonkludu dawn l-arranġamenti [...]” u għas-“saħħa ta’ l-innegozjar bejn l-impriżi”, mingħajr ma huma limitati, konsegwentement, għall-“operaturi ta’ networks pubbliċi”.
88.      Madankollu, l-eżami ddettaljat jiżvela n-natura żbaljata ta’ din l-ewwel impressjoni, li hija diffiċilment paragunabbli mal-assjomi ġuridiċi tad-Direttiva li jispiraw ruħhom mill-kummerċ liberu.
89.      Barra minn hekk, il-ġurisprudenza enfasizzat li l-preambolu ta’ att Komunitarju ma għandux forza legali vinkolanti u ma jistax jiġi invokat biex jidderoga mid-dispożizzjonijiet stess tal-att ikkonċernat jew biex id-dispożizzjonjiet tiegħu jiġu interpretati b’mod manifestament oppost għall-kliem użat fihom (50).
90.      Anki jekk, fil-prattika, diversi impriżi tat-telekomunikazzjonijiet “jiġġestixxu netwerks” filwaqt li “jipprovdu servizzi”, din id-duwalità tal-attivitajiet tidher ċara fil-premessa 1 tad-Direttiva tal-Aċċess, li taċċetta l-ftehim, sakemm dawn ikunu konklużi bejn entitajiet indaqs, jiġifieri billi ssir distinzjoni bejn l-“operaturi tan-networks” u l-“fornituri tas-servizzi”.
91.      Anki jekk TeliaSonera tibgħat il-messaġġi u għandha għalhekk stat identiku bħal dak ta’ iMEZ Ab (bħala impriża ta’ servizzi), l-ewwel obbligu tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2002/19 ma għandux jiġi impost fuqha ħlief fil-każ li iMEZ Ab ikollha netwerk pubbliku ta’ komunikazzjonijiet peress li, jekk le, hija tkun biss sempliċi utent (51) tan-netwerk ta’ TeliaSonera, li ma hijiex intitolata titlob l-interkonnessjoni.
92.      Konsegwentement, jekk TeliaSonera taġixxi bħala operatur ta’ netwerks pubbliċi ta’ telekomunikazzjonijiet, il-fatt li hija tkun obbligata tinnegozja inbona fide l-interkonnessjoni ma’ iMEZ Ab jimplika li l-istess iMEZ Ab għandha wkoll din il-kwalità ta’ operatur ta’ netwerks pubbliċi ta’ telekomunikazzjonijiet.
93.      L-Artikolu 39 tal-vienstintämarkkinalaki, li jirrendi n-negozjar obbligatorju ma’ kull operatur ta’ telekomunikazzjonijiet, jieħu direzzjoni differenti. L-abbozz ta’ din il-liġi ppreżentat mill-gvern lill-Parlament jispjega, fil-motivazzjoni ddettaljata dwar l-Artikolu 39(1), li l-obbligu tan-negozjar jikkonċerna lil kull impriża u jikkorrispondi għal dak li jinsab fl-Artikolu 12(1)(b) tad-Direttiva tal-Aċċess.
94.      Huwa minħabba dan li toħroġ il-konfużjoni tal-kawża prinċipali, li għaliha tirreferi iMEZ Ab fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha meta hija għamlet riferenza għan-natura żbaljata tar-riferenza magħmula mill-Artikolu 39(1) tal-liġi nazzjonali għall-Artikolu 12 tad-Direttiva tal-Aċċess li, kif diġà enfasizzajt, huwa limitat għall-impriżi dominanti, minflok ma jirreferi għall-Artikolu 4 tal-istess direttiva, li japplika għall-operaturi ta’ netwerks pubbliċi irrispettivament mis-saħħa tagħhom.
95.      Huwa l-obbligu tal-Korkein hallinto-oikeus li tistabbilixxi jekk in-“networks” (52) ta’ iMEZ Ab jaqgħux taħt id-definizzjoni li d-Direttiva Kwadru tagħti lin-“networks ta’ komunikazzjonijiet pubbliċi”. Għal dan il-għan, jeħtieġ li tiġi evalwata l-funzjonalità tagħhom u, b’mod partikolari, il-kapaċità tagħhom li jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjonijiet lill-pubbliku (53) jew, bħala faċilitajiet assoċjati, il-kapaċità tagħhom li jsostnu jew jiżviluppaw il-provvista tas-servizzi msemmija.
96.      Il-kunċett ta’ provvista ta’ netwerk [Artikolu 2(m) tad-Direttiva Kwadru] jikkostitwixxi soluzzjoni affidabbli oħra, peress li, minbarra l-operaturi li jistabbilixxu jew jipprovdu netwerk, huwa jinkludi lil dawk li joperaw jew jikkontrollaw dawn in-netwerks.
97.      Il-qorti Finlandiża għandha tistabbilixxi wkoll in-natura tan-netwerks ta’ iMEZ Ab billi tirreferi, b’mod esklużiv, għall-kunċett ta’ “se[r]vizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi” (54) biex tivverifika jekk l-infrastruttura tagħha tirrigwardax is-sempliċi ġestjoni ta’ dawn is-servizzi jew jekk hija għandhiex potenzjal simili għal dak tan-netwerks.
98.      Fl-aħħar, il-qorti tar-rinviju għandha tivverifika jekk ix-“Short Message Service Center (SMSC)” u l-“Multimedia Messaging Service Center (MMSC)” humiex meqjusa bħala netwerks pubbliċi ta’ telekomunikazzjonijiet (55) jew bħala elementi li jistgħu jintegraw magħhom, permezz ta’ interface ta’ konnessjoni (56), sabiex tipprova tikklassifika lil iMEZ Ab bħala operatur (57).
99.      Il-kumpannija iMEZ Ab issostni li l-awtorità regolatorja Svediża (Kommunikations‑myndigheten PTS) aċċettat l-istatus tagħha ta’ impriża tan-netwerk billi tatha kodiċi ta’ netwerk ċellulari għaliha (kodiċi MNC) (58).
100. Madankollu dan il-fatt, li seħħ fl-Isvezja, ma għandux ikollu riperkussjoni transkonfinali b’mod li jaffettwa b’mod sostanzjali s-suq tat-telekomunikazzjonijiet tal-Finlandja (59), peress li l-għoti tal-kodiċi ta’ netwerk ċellulari jirrifletti kriterji tekniċi li ma jaqgħux taħt id-dritt Komunitarju (60) u li l-evalwazzjoni xierqa tiegħu taqa’ taħt il-kompetenza ta’ kull awtorità nazzjonali, skont, fost regoli oħra (61), ir-rakkomandazzjonijiet tal-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjonijiet (UIT) (62).
101. Konsegwentement, jeħtieġ li tingħata risposta għad-domandi 2 u 1(a) li skont interpretazzjoni konformi mal-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Aċċess, l-obbligu ta’ negozjar tal-interkonnessjoni għandu jkun suġġett għan-natura tan-netwerk ta’ iMEZ Ab, peress li dan l-artikolu jimponi dan l-obbligu biss fuq l-impriżi kkwalifikati bħala “operaturi ta’ networks pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi”, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk dawn l-impriżi għandhomx saħħa sinjifikattiva fis-suq.
b)      L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2002/19
102. Jibqa’ biex jiġi ddeterminat jekk l-awtoritajiet regolatorji jistgħux jikkunsidraw li jkun ġie ppreġudikat l-obbligu ta’ negozjar jekk impriża li ma jkollhiex saħħa sinjifikattiva fis-suq toffri l-interkonnessjoni lil impriża oħra b’kundizzjonijiet unilaterali u li jostakolaw l-iżvilupp ta’ suq tal-imnut sostenibbli, meta dawn jimpedixxu lill-kijenti tat-tieni impriża ċċitata iktar ’il fuq milli jibbenefikaw mis-servizzi tagħha (punt 2(b) tad-domandi preliminari).
103. Ir-risposta affermattiva toħroġ miż-żamma tal-effett utli tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2002/19, wara analiżi inbona fide (63) tal-aġir tal-operatur, sabiex tiġi vverifikata l-volontà reali tiegħu li jasal għal ftehim, fejn din il-bona fide tiġi dedotta minn indikazzjonijiet bħalma huma n-natura raġjonevoli u serja tal-proposti tiegħu.
104. Madankollu, jekk l-awtorità regolatorja nazzjonali tikkonstata li dan l-obbligu ma ġiex osservat, hija ma tistax iżżid kundizzjonijiet addizzjonali biex tirrimedja s-sitwazzjoni (64) billi tistrieħ esklużivament fuq l-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Aċċess. Madankollu, l-Artikolu 5(4) tad-Direttiva tal-Aċċess (65) jippermettilha timplementa dan l-obbligu, fid-dawl tas-setgħa li jagħtiha l-Artikolu 20(1) tad-Direttiva Kwadru biex tintervjeni (66).
105. L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2002/19 ma jipprekludix li, abbażi tal-Artikolu 5 ta’ din l-istess direttiva, l-awtoritajiet nazzjonali jimponu fuq l-impriżi li jikkontrollaw l-aċċess għall-utenti finali ċerti obbligi intiżi li jiżguraw il-konnettività minn tarf sa tarf, “[...] inkluż f’każi ġustifikati l-obbligazzjoni li jagħmlu interkonnessjoni ta[n]-network tagħhom fejn dan ma jkunx diġà l-każ” (67)
106. Din id-dispożizzjoni tirrifletti d-duttrina tal-“essential facilities” (teorija tal-infrastrutturi essenzjali) (68) peress li hija tippermetti l-konnessjoni ta’ operaturi ġodda, li għandhom prerogattivi identiċi, ma’ infrastrutturi eżistenti u, għalkemm hija ma ssemmix in-negozjar bħala strument biex issir l-interkonnessjoni, il-varjeta’ kbira tal-miżuri li huma validi tinkludi, fost ir-repertorju tal-miżuri possibbli, in-negozjar fuq l-interkonnessjoni, li jikkostitwixxi obbligu inqas oneruż mill-obbligu dirett tal-interkonnessjoni (69).
107. Il-Qorti tal-Ġustizzja, f’kuntest differenti minn dak tat-telekomunikazzjonijiet (70), irrikonoxxiet li jekk l-infrastruttura titqies “essenzjali”, il-proprjetarju għandu jinnegozja l-użu tiegħu ma’ impriżi oħra, meta l-attività tagħhom tkun teħtieġ l-aċċess għall-infrastruttura. Madankollu hija taffiet dan il-prinċipju b’sensiela ta’ kundizzjonijiet li għandhom jiġu interpretati b’mod strett u li huma intiżi li jevitaw l-abbużi li jirriżultaw mill-pożizzjoni dominanti (Artikolu 82 KE).
108. Fil-każ tal-Artikolu 5, in-negozjar huwa suġġett għall-kundizzjoni li TeliaSonera tikkontrolla l-aċċess għall-utenti finali. Huma n-netwerks tagħha biss li huma meqjusa “essenzjali” u, konsegwentement din id-dispożizzjoni tapplika meta l-imsemmija netwerks jirriżultaw li huma indispensabbli għal iMEZ Ab, peress li l-imsemmija netwerks ma jistgħux jiġu raġjonevolment riprodotti, ħaġa li timpedixxi l-aċċess tagħha jew tissuġġetaha għal restrizzjonijiet inaċċettabbli. Il-Korkein hallinto‑oikeus ma tistax tinjora r-relazzjoni kummerċjali bejn iMEZ Ab u Elisa Oyj, peress li iMEZ Ab tkun tista’ taqdi l-aspettattivi tal-klijenti tagħha jekk hija tibbenefika mill-infrastrutturi ta’ Elisa Oyj fil-Finlandja.
109. Madankollu, bid-distinzjoni bejn l-“aċċess” (71) u l-“interkonnessjoni” (72), id-direttiva ma tipprevedix l-interkonnessjoni tas-servizzi, iżda biss dik tan-netwerks jew tal-faċilitajiet assoċjati, ħaġa li żżomm il-koerenza mal-Artikolu 4, li hija d-dispożizzjoni li fuqha bbażat il-qorti tar-rinviju u li hija ssupplimentata bl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2002/19.
110. Peress li l-interkonnessjoni sseħħ bejn persuni privati, hija tersaq viċin l-istitut tad-dritt privat (73) u timplika sistema ta’ interazzjoni bejn in-netwerks bi proġetti differenti.
111. Barra minn hekk, il-kunċett tal-“aċċess” jinvolvi riperkussjonijiet ġuridiċi iktar wesgħin mis-sempliċi konnessjoni ta’ infrastrutturi, peress li huwa jkopri l-fatt li jsiru disponibbli diverżi riżorsi u servizzi u, b’mod definittiv, jinkludi l-“interkonnessjoni”, li tikkostitwixxi tip partikolari ta’ aċċess implementat bejn operaturi ta’ netwerks pubbliċi (Artikolu 2(b) tad-Direttiva 2002/19).
112. Dawn il-preċiżjonijiet jippermettu li tingħata risposta għad-domanda 1(ċ) fis-sens li, wara li jiġi kkonstatat il-ksur tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2002/19, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali ma jistgħux jobbligaw lil impriża tat-telekomunikazzjonijiet sabiex tinnegozja inbona fide l-interkonnessjoni tas-sistema tagħha tas-servizzi ta’ messaġġi ta’ test u multimedjali ma’ dik ta’ impriża oħra li toffri wkoll dawn is-servizzi.
113. Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2002/19, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu jeżiġu li kull operatur ta’ netwerks pubbliċi li jikkontrolla l-aċċess minn tarf sa tarf, jinnegozja inbona fide l-interkonnessjoni tan-netwerks tiegħu ma’ dawk ta’ operatur ieħor (ta’ messaġġi ta’ test u multimedjali fil-kawżi prinċipali) għall-finijiet tal-interoperabbiltà ta’ dawn is-servizzi, b’kundizzjonijiet raġjonevoli u li jagħtu l-benefiċċju massimu lill-utenti finali, dejjem jekk il-kundizzjonijiet l-oħra ta’ dan l-artikolu jkunu sodisfatti.
114. Għandu jiġi mfakkar li, skont l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva Kwadru, l-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tagħmel “abbozz tal-miżura” flimkien mar-raġunament li fuqu tkun ibbażata l-miżura u tinforma lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tal-Istati membri l-oħra sabiex jagħmlu l-kummenti tagħhom jekk huma jidhrilhom xieraq.
c)      L-Artikoli 8 u 12 tad-Direttiva 2002/19
115. Għalkemm l-Artikolu 39(1) tal-vienstintämarkkinalaki jirreferi għall-Artikolu 12 tad-Direttiva 2002/19, wara li ma ġietx ipprovata l-pożizzjoni li għandha TeliaSonera fis-suq (74), l-applikazzjoni tal-Artikoli 8 u 12 tad-Direttiva 2002/19 għandha tiġi eskluża, peress li dawn jirrigwardaw biss l-interkonnessjoni u l-aċċess f’dak li jikkonċerna l-impriżi li għandhom saħħa sinjifikattiva fis-settur, ħaġa li jiena nirrepeti ma huwiex il-każ hawnhekk.
VII – Konklużjoni
116. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha li ssemmew iktar ’il fuq, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għad-domandi preliminari li għamlitilha l-Korkein hallinto‑oikeus kif ġej:
“1) L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta’, networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati, meta moqri flimkien mal-premessi 5, 6 u 8 tal-preambolu tad-direttiva msemmija, minn naħa, u mal-Artikolu 8 u l-Artikolu 5 tal-istess direttiva, min-naħa l-oħra, għandu jiġi interpretat fis-sens li,
a) leġiżlazzjoni nazzjonali tista’ tobbliga lil kull impriża sabiex tinnegozja l-interkonnessjoni, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk hija għandhiex saħħa sinjifikattiva fis-suq, dejjem jekk ikun operatur ta’ netwerks pubbliċi ta’ telekomunikazzjonijiet;
b) awtorità regolatorja nazzjonali tista’ tqis li l-obbligu ta’ negozjar inbona fide tal-interkonnessjoni ma jkunx sodisfatt meta operatur ta’ netwerks pubbliċi ta’ telekomunikazzjonijiet li ma għandux saħħa sinjifikattiva fis-suq joffri interkonnessjoni lil operatur ieħor ta’ netwerks pubbliċi ta’ telekomunikazzjonijiet, b’kundizzjonijiet li l-awtorità tqishom unilaterali u li l-awtorità tqis li huma tali li jostakolaw l-iżvilupp ta’ suq tal-imnut kompetittiv sostenibbli, meta l-istess kundizzjonijiet ikunu fil-prattika pprekludew lit-tieni operatur milli joffri lill-klijenti tiegħu l-possibbiltà li jibagħtu messaġġi multimedjali lill-utenti finali tan-netwerk tal-operatur;
ċ) awtorità regolatorja nazzjonali ma għandhiex timponi n-negozjar fuq l-interkonnessjoni ta’ sistemi ta’ servizzi ta’ messaġġi ta’ test u multimedjali, anke jekk hija awtorizzata bl-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2002/19 sabiex teżiġi li impriża li topera netwerks pubbliċi, li ma għandhiex saħħa sinjifikattiva fis-suq iżda li tikkontrolla l-aċċess minn tarf sa tarf, tinnegozja in bona fide l-interkonnessjoni tan-netwerks tagħha ma’ dawk ta’ impriża oħra, sabiex tiżgura l-funzjonament tajjeb tas-servizzi ta’ messaġġi b’kundizzjonijiet raġjonevoli u għall-benefiċċju tal-utenti finali, dejjem jekk il-kundizzjonijiet l-oħra tal-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-Aċċess u dawk tal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva Kwadru jkunu sodisfatti;
2)      Fil-kuntest tal-interpretazzjoni konformi mal-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Aċċess, l-obbligu li tiġi nnegozjata l-interkonnessjoni għandu jiddependi min-natura tan-netwerk ta’ iMEZ Ab, peress li dan l-artikolu jipprevedi dan l-obbligu biss għal dak li jikkonċerna l-“operaturi ta[n]-network[s] pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi”, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk huma għandhomx saħħa sinjifikattiva fis-suq. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tistabbilixxi jekk in-“networks” ta’ iMEZ Ab jaqgħux fid-definizzjoni ta’ “network[s] pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet” li tinsab fid-Direttiva Kwadru. Għal dan il-għan, hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-funzjonalità tagħhom u b’mod partikolari, il-kapaċità tagħhom li jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjonijiet lill-pubbliku jew, bħala faċilitajiet assoċjati, il-kapaċità tagħhom li jikkontribwixxu għall-funzjonament tan-netwerks imsemmija.
1 – Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.
2 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 323
3 – Wara rinviju preliminari tat-Tribunal Supremo (Spanja), is-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2001, Telefónica de España (C‑79/00, Ġabra p. I-10075) eżaminat is-setgħat ta’ dawn l-awtoritajiet fil-kuntest tad-Direttiva 97/33/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Ġunju 1997, dwar l-interkonnessjoni fit-telekomunikazzjonijiet bl-għan li jiġi żgurat servizz universali u l-interoperabilità permezz tal-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ provvista ta’ network miftuħ (ĠU L 199, p. 32, iktar ’il quddiem id-“Direttiva tal-Interkonnessjoni” jew id-“Direttiva 97/33”), li ppreċediet id-Direttiva tal-Aċċess.
4 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 349.
5 – Anki jekk id-Direttiva tal-Aċċess u d-Direttiva Kwadru kienu jimponu li ssir din l-analiżi, is-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2007, Telefónica 02 Czech Republic (C‑64/06, Ġabra p. I‑4887) ma rrikjedietx dan, peress li dan l-obbligu ma baqax jidher fid-Direttiva 97/33, li kienet tapplika ratione temporis.
6 – Fil-konklużjonijiet tiegħi tal-10 ta’ Ġunju 2008 fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑227/07), li ġew segwiti bis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Novembru 2008 (Ġabra p. I‑8403), jiena nirreferi għall-kuntradizzjoni li teżisti bejn il-fatt li jiġi mħeġġeġ il-ftuħ billi jiġi impost ex lege n-negozjar fuq l-aċċess għan-netwerks, mingħajr ma jiġi stabbilit minn qabel jekk is-sitwazzjoni tal-kompetizzjoni tirrikjedix tali obbligu, peress li dan ineħħi l-ispontanjetà tal-ftehim.
7 – Jiena nfakkar li t-teknoloġija inkwistjoni (netwerks tat-telefonija ċellulari li jippermettu t-trażmissjoni tal-messaġġi) hija riċenti. B’kuntrast man-netwerk tat-telefonija fissa, din tiftaħ era ġdida li fiha kull operatur jista’ jimplementaha.
8 – B. Biondi, Arte y Ciencia del Derecho, Ed. Ariel, Barcelona, 1953, p. 88 u 112, jenfasizza li, b’kuntrast mad-dritt preċedenti, li kien jinftiehem minn kulħadd minħabba t-terminoloġija preċiża tiegħu li kienet tirrendi d-definizzjonijiet superfluwi, it-tekniċiżmu jbiddel is-sens oriġinali u jiġġenera l-kumplessità.
9 – M. Armstrong u J. Vickers, fil-kapitolu “Competition and Regulation in Telecommunications”, tal-opra kollettiva ta’ M. Bishop, J. Kay u C. Mayer, The regulatory Challenge, Oxford University Press, 1995, p. 284, jiġbdu l-attenzjoni fuq id-diffikultà li spiss ikun hemm “[...] biex issir distinzjoni bejn (i) in-netwerk pubbliku u l-operazzjoni tiegħu; (ii) l-apparat tal-konsumatur imqabbad man-netwerk; u (iii) is-servizzi pprovduti permezz tan-netwerk”.
10 – Green paper fuq l-iżvilupp tas-suq komuni tas-servizzi u tagħmir tat-telekomunikazzjonijiet, Brussell, 16 ta’ Diċembru 1987 [COM (87) 290 finali, p. 6, 16 et seq], ikkompletata b’ċerti proposti intiżi sabiex jiżguraw l-uniformità tal-mekkaniżmi ta’ awtorizzazzjoni kkontemplati fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali, bħalma huma dawk tal-Green paper fuq il-liberalizzazzjoni tal-infrastrutturi tat-telekomunikazzjonijiet u tan-networks tat-televiżjoni permezz tal-cable, It-tieni parti, Brussell, 25 ta’ Jannar 1995, [COM(94) 682 finali, p. 61 et seq.].
11 – Direttiva tal-Kummissjoni, tat-28 ta’ Ġunju 1990, dwar il-kompetizzjoni fis-swieq tas-servizzi tat-telekomunikazzjoni (ĠU L 192, p. 10).
12 – Sitwazzjoni indikata fil-premessi 2 u 7 tad-Direttiva 90/388.
13 – Direttiva tal-Kunsill, tat-28 ta’ Ġunju 1990, dwar l-istabbiliment tas-suq intern għas-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet permezz tal-implimentazzjoni ta’ provista ta’ network miftuħ (ĠU L 192, p. 1).
14 – Jiena nirreferi għal dan l-obbligu fil-konklużjonijiet tiegħi tal-1 ta’ Awwissu 2008, li ppreċedew is-sentenza tas-17 ta’ Lulju 2008, Arcor (C‑152/07, Ġabra p. I‑5959).
15 – Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3.
16 – Enfasi tiegħi.
17 – Fil-konklużjonijiet tiegħi tat-28 ta’ Ġunju 2007 fil-kawża li fiha ngħatat is-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2007, Deutsche Telekom (C‑262/06, Ġabra p. I‑10057) kif ukoll fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, iċċitata iktar ’il fuq, jiena nirreferi, b’din l-espressjoni, għal erba’ direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill: id-Direttiva 2002/19 li kienet ġiet analizzata; id-Direttiva 2002/20/KE, dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi; id-Direttiva 2002/21, iċċitata iktar ’il fuq; u d-Direttiva 2002/22/KE, dwar servizz universali u d-drittijiet ta' l-utenti li jirrelataw ma' networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi.
18 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 323, 337, 349 u 367.
19 – Indikati fl-Artikoli 9 sa 13 tad-Direttiva 2002/19 li għalihom jirreferi l-Artikolu 8(1) tiegħu.
20 – Mingħajr preġudizzju għall-flessibbiltà prevista b’din id-dispożizzjoni f’dak li jikkonċerna l-każijiet inkwistjoni.
21 – Liġi 393/2003.
22 – Permezz ta’ deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 18.
23 – Din id-darba permezz tal-Artikolu 19.
24 – Biex tiġi evalwata l-fondatezza tal-pożizzjonijiet tal-partijiet, il-Vienstintävirasto staqsiet jekk dawn setgħux, fil-prattika, jikkostitwixxu ostaklu għall-interoperabbiltà tas-servizzi u jekk, konsegwentement, huma ifixklux l-iżvilupp ta’ suq kompetittiv sostenibbli għad-detriment tal-utenti finali.
25 – N. Calviño Santamaría, Regulación y competencia en telecomunicaciones; los retos derivados del nuevo marco normativo, f’“Telecomunicaciones y audiovisual: regulación, competencia y tecnología”, Settembru-Ottubru, 2006, Nru 832, p. 60 sa 63.
26 – F. Saracci, “L´interconnexion, objet du droit communautaire des télécommunications: exemple de régulation” (application comparée France-Italie), Atelier national de reproduction de thèses, 2004, p. 101.
27 – Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, tad-19 ta’ Marzu 2008 [COM(2008) 153 finali], “Rapport fuq il-progress tas-suq uniku Ewropew tal-komunikazzjonijiet elettroniċi tal-2007 (It-tlettax ir-rapport)”, tindika li l-għan aħħari huwa l-eliminazzjoni progressiva tar-regolamentazzjoni ekonomika ex ante sakemm il-kompetizzjoni tkun żviluppat b’mod suffiċjenti.
28 – Bħalma hija l-proposta ta’ regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għat-twaqqif ta’ awtorità Ewropea tas-suq tal-komunikazzjonijiet elettroniċi [SEC(2007) 1472 u SEC(2007) 1473].
29 – Jew tal-inqas, tendenza ta’ ċaqliq tal-qalba tal-protezzjoni tal-operaturi lejn in-normalizzazzjoni tas-servizz universali u għaldaqstant, favur iċ-ċittadin, kif jirriżulta mill-proposta ta’ direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2002/22/KE, id-Direttiva 2002/58/KE, dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 514 ) u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi (ĠU L 364, p. 1) [SEC(2007) 1472 u SEC(2007) 1473]. F’dan l-ispirtu ta’ flessibbiltà, il-proposta ta’ direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-direttivi 2002/21/KE, 2002/19/KE u 2002/20/KE [SEC(2007) 1472 u SEC(2007) 1473] tagħmel riferenza wkoll għat-tnaqqis ta’ riżorsi amministrattivi meħtieġa għall-applikazzjoni tar-regolamentazzjoni ekonomika, bħalma hija l-proċedura tal-analiżi tas-suq, li jirrendi l-aċċess għall-frekwenzi radju iktar faċli u iktar effiċjenti.
30 – L-istoriku tal-ekonomija Taljana Carlo Maria Cipolla, f’Allegro ma non troppo, Ed. Crítica, Biblioteca de bolsillo, Barcelona, 2001, jiddeskrivi b’sarkażmu skwiżit il-“liġijiet fundamentali tal-istupidità umana” billi jikklassifika l-persuni f’erba’ kategoriji abbażi ta’ sempliċi formula bejn telf u benefiċċji: is-“sempliċi” iwettaq azzjoni li tirrekalu dannu u li tagħti vantaġġ lil ħaddiehor; l-“intelliġenti” jikseb vantaġġ u jidduplikah fuq ħaddieħor; il-“ħażin” jikseb il-vantaġġ tiegħu billi jirreka dannu lil ħaddieħor; u finalment, fil-kategorija tal-“istupidu”, hemm l-individwu idjota li jirreka dannu lil ħaddieħor mingħajr ma jikseb ebda profitt. Cipolla jżid is-subkategorija tas-“super stupidu”, li, bl-aġir illoġiku tiegħu, jirreka dannu lil ħaddieħor u lilu stess.
31 – Dan it-terminu jirreferi għall-faċilitajiet assoċjati “ma[’] network ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u/jew servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi li jippermetti u/jew jappoġġa l-provvista ta’ servizzi permezz ta’ network u/jew servizz; dan jinkludi sistemi ta’ aċċess kondizzjonali u gwidi ta’ programmi elettroniċi” (Artikolu 2(e) tad-Direttiva Kwadru).
32 – S. Farr u V. Oakley, EU Communications Law, It-tieni edizzjoni, Ed. Sweet & Maxwell, Londra, 2006, p. 234, jeżentaw minn dan l-obbligu mhux biss lill-fornituri ta’ servizzi, iżda wkoll lill-operaturi ta’ faċilitajiet assoċjati.
33 – Dan ifisser, fil-prattika, li ħadd ma jkun qed jiġi eżentat.
34 – Punt 46 tal-osservazzjonijiet bil-miktub.
35 – Din tesponi b’rigorożità d-dubji tagħha fuq ċerti artikoli u premessi tad-Direttiva tal-Aċċess.
36 – Minn dan wieħed jista’ jiddeduċi li, mill-aspett tekniku, ma teżisti ebda interkonnessjoni tas-servizzi, imma biss tan-netwerks.
37 – Taqsima A(3) tal-Anness in fine.
38 – Il-Pajjiżi l-Baxxi jerġgħu jinsistu fuq dan il-punt abbażi ta’ interpretazzjoni estensiva.
39 – Fil-punti suċċessivi, jiena nirreferi għan-natura ambivalenti tal-obbligu li tiġi nnegozjata l-interkonnessjoni peress li, minn naħa, din hija miżura ġenerali tad-Direttiva tal-Aċċess li tirriżulta mill-Artikolu 4 tagħha u min-naħa l-oħra, l-awtoritajiet regolatorji jistgħu jimponuh bħala miżura korrettiva abbażi tal-Artikoli 8 u 12 tad-direttiva msemmija, fil-limiti stabbiliti mil-liġi jew mir-regoli nazzjonali.
40 – Il-premessa 5 tad-Direttiva 2002/19.
41 – B’risposta għal domanda tiegħi, l-aġent tar-Repubblika tal-Finlandja kkonferma kemm il-liġi Finlandiża hija iktar ġeneruża fir-rigward tas-suq tal-komunikazzjoni, peress li d-Direttiva tal-Aċċess tirrestrinġi l-obbligu ta’ negozjar għall-operaturi ta’ netwerks pubbliċi, mingħajr ma tissuġġetta għal dan l-obbligu lill-fornituri tas-servizzi.
42 – Jiena nsostni din it-teżi fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑227/07), iċċitata iktar ’il fuq.
43 – Sentenzi tas-17 ta’ Diċembru 1970, Internationale Handelsgesellschaft (11/70, Ġabra p. 1125); tal-24 ta’ Ottubru 1973, Balkan‑Import‑Export (5/73, Ġabra p. 1091); tat-28 ta’ Ottubru 1975, Rutili (36/75, Ġabra p. 1219); tas-7 ta’ Lulju 1976, Watson u Belmann (118/75, Ġabra p. 1185); tal-5 ta’ Lulju 1977, Bela‑Mühle Bergmann (114/76, Ġabra p. 1211); tal-20 ta’ Frar 1979, Buitoni (122/78, Ġabra p. 677); tal-21 ta’ Ġunju 1979, Atalanta Amsterdam (240/78, Ġabra p. 2137), u tat-13 ta’ Diċembru 1979, Hauer (44/79, Ġabra p. 3727).
44 – Li jiena ninsisti li dan jirriżulta direttament mill-Artikolu 4 tad-Direttiva 2002/19.
45 – Dan huwa dak li joħroġ mill-premessa 14.
46 – Din id-dispożizzjoni tirrikonoxxi l-obbligu tal-interkonnessjoni (tan-netwerks) “għall-għan” li jfornu servizzi ta’ komunikazzjonijiet.
47 – Permezz ta’ dawn in-netwerks, ladarba jiġu interkonnessi.
48 – Din l-espressjoni toħroġ mit-terminoloġija Ingliża: “significant market power”.
49 – Permezz ta’ metodu kumpless iddefinit fl-Artikoli 15 u 16 tad-Direttiva Kwadru, li fuqha jiena ser nastjeni milli nikkummenta peress li ma saret ebda diskussjoni fuqha f’dak li jikkonċerna TeliaSonera Finland.
50 – Sentenzi tad-19 ta’ Novembru 1998, Nilsson et (C‑162/97, Ġabra p. I‑7477, punt 54), u tal-25 ta’ Novembru 1998, Manfredi (C‑308/97, Ġabra p. I‑7685 , punt 30).
51 – Iddefinit mill-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2002/21 bħala “entità legali jew persuna naturali li tuża jew li titlob servizz pubblikament disponibbli ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi”, b’kuntrast mal-utent finali li huwa kkaratterizzat mill-fatt li huwa ma jipprovdix “networks pubbliċi [...] jew servizzi pubbliċi [...] ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi” [Artikolu 2(n) tad-Direttiva 2002/21].
52 – Id-digriet tar-rinviju jikkwalifika bħala netwerk is-sistema (li jiena niddeduċi li huma ċ-ċentri ta’ messaġġi SMSC u MMSC) użata minn iMEZ Ab għat-twettiq tal-attivitajiet tagħha, għalkemm id-dubji tagħha jirrigwardaw preċiżament in-natura tagħha, peress li l-Korkein hallinto‑oikeus, b’kuntrast mal-partijiet l-oħra fil-proċedura tar-rinviju preliminari bħalma huma l-Gvern Finlandiż u Ġermaniż, tieħu bħala bażi l-prinċipju, li huwa aċċettat ukoll f’dawn il-konklużjonijiet, fejn jingħad li huma biss l-operaturi tan-netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet li jistgħu jiġu mġegħla jinnegozjaw u mhux l-impriżi l-oħra.
53 – Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2002/21.
54 – Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 2002/21.
55 – Din il-possibbiltà ma tistax tiġi skartata. L-iżvilupp mgħaġġel tat-teknoloġiji teħtieġ li wieħed jitbiegħed mill-interpretazzjoni li hija bbażata fuq in-“networks tradizzjonali” peress li, barra min-netwerks pubbliċi jew privati, teżisti, kif jenfasizza G. Ariño, L. Aguilera, u J.M. De la Cuétara, Las telecomunicaciones por cable. Su regulación presente y futura, Ed. Marcial Pons, Madrid, 1996, p. 31, varjetà kbira ta’ netwerks, skont il-grad ta’ speċjalizzazzjoni tagħhom jew sostenn li jikkaratterizzahom, fejn il-varjetà u l-progress ma jbiddlu xejn mill-kwalità tagħhom bħala punti ċentrali fis-sistema tat-telekomunikazzjonijiet inġenerali.
56 – Difiża ta’ iMEZ Ab fl-osservazzjonijiet tagħha.
57 – Bħala ġestjonarja ta’ faċilitajiet assoċjati, kif jissuġġerixxi l-Gvern Litwan.
58 – Il-kodiċi diġitali MCC u MNC, li huma akronimi Ingliżi għal “Mobile Country Code” u “Mobile Network Code” jintużaw flimkien biex jidentifikaw il-pajjiż u l-operaturi tat-telefon ċellulari li jużaw in-netwerks ta’ komunikazzjonijiet.
59 – Sakemm is-sistemi użati minn iMEZ Ab fil-Finlandja u fl-Isvezja ma jkollhomx karatteristiċi tekniċi u ġuridiċi simili, peress li l-leġiżlazzjonijiet ta’ dawn iż-żewġ pajjiżi għandhom sors Komunitarju identiku (il-“qafas ġdid regolatorju”).
60 – Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni sostna, waqt is-seduta, li dawn il-parametri ma ġewx armonizzati fuq livell Komunitarju u li l-kriterji għall-għoti tal-imsemmi kodiċi jaqgħu esklużivament taħt il-kompetenza tal-Istati.
61 – Is-sit internet tar-regolatur Svediż jippermetti li jiġi kkonsultat ir-rapport tiegħu bl-Ingliż tat-23 ta’ Diċembru 2008 “Plan of Mobile Networks Codes (MNC) according to ITU-T Recommendation E.212”.
62 – B’mod partikolari r-rakkomandazzjoni E.212 tal-UIT intitolata “The international identification plan for mobile terminals and mobile user”.
63 – Fil-kuntest tan-negozjati. Din hija meħtieġa espressament mill-premessa 5 tad-Direttiva 2002/19.
64 – Il-Gvern Rumen jirreferi għal din il-problema b’argument ċar ħafna fil-punti 71 sa 73 tal-osservazzjonijiet tiegħu.
65 – “Fir-rigward ta’ l-aċċess u l-interkonnessjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità regolatorja nazzjonali nazzjonali jkollha s-setgħa li tintervjeni fuq l-inizjattiva tagħha stess fejn ġustifikat jew, fin-nuqqas ta’ ftehim bejn l-impriżi, fuq talba ta’ xi wieħed mill-partijiet involuti, sabiex tiżgura l-għanijiet tal-politika ta’ Artikolu 8 tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Qafas), skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva u l-proċeduri msemmija f’Artikoli 6 u 7, 20 u 21 tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Qafas).”
66 – “Fil-każ ta’ tilwim li jinqala’ b’konnessjoni ma’ l-obbligazzjonijiet li joħorġu taħt din id-Direttiva jew id-Direttivi Speċifiċi bejn impriżi li jipprovdu networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jew servizzi fi Stat Membru, l-awtorità nazzjonali regolatorja għandha, fuq it-talba ta’ xi waħda mill-partijiet, u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2, toħroġ deċiżjoni li torbot biex tirriżolvi t-tilwim f’perjodu ta’ żmien l-anqas possibbli u f’kull każ fi żmien erba’ xhur ħlief f’ċirkostanzi eċċezzjonali. L-Istat Membru konċernat għandu jeħtieġ li l-partijiet kollha jikkoperaw bis-sħiħ ma’ l-awtorità nazzjonali regolatorja.”
67 – L-abbozz ta’ liġi governattiva dwar il-vienstintämarkkinalaki jindika li l-paragrafu 3 tal-Artikolu 39 jittrasponi l-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva tal-Aċċess u jħeġġeġ l-interkonnessjoni f’termini simili.
68 – Li jirreferi għaliha l-Gvern Litwan fil-punt 38 tal-osservazzjonijiet tiegħu.
69 – A maiori ad minus.
70 – Fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, iċċitati iktar ’il fuq, jiena nirreferi għas-sentenza tas-26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, Ġabra p. I‑7791), li tanalizza l-ġurisprudenza preċedenti (sentenzi tas-6 ta’ Marzu 1974, Istituto Chemioterapico Italiano u Commercial Solvents vs Il‑Kummissjoni, 6/73 u 7/73, Ġabra p. 223; tat-3 ta’ Ottubru 1985, CBEM, 311/84, Ġabra p. 3261, u tas-6 ta’ April 1995, RTE u ITP vs Il‑Kummissjoni, C‑241/91 P u C‑242/91 P, Ġabra p. I‑743) u li tindika li, għall-proprjetarju tal-unika sistema ta’ tqassim fid-djar tal-gazzetti fuq skala nazzjonali, il-fatt li jiġi rrifjutat l-aċċess ta’ editur ieħor għas-sistema msemmija ma jikkostitwixxix abbuż minn pożizzjoni dominanti, peress li jeżistu metodi oħra ta’ distribuzzjoni, bħalma huma dak permezz tal-posta u l-bejgħ fil-ħwienet u l-kjosks u, min-naħa l-oħra, ma jeżistux ostakoli tekniċi, regolatorji jew anki ekonomiċi li huma tali li jirrendu impossibbli jew diffiċli għall-kompetituri li joħolqu s-sistema proprja tagħhom ta’ distribuzzjoni.
71 – Iddefinit fl-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2002/19.
72 – L-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 2002/19 jiddeskrivi l-kontenut tagħha.
73 – F. Saracci, op. cit., p. 106, u X. Strubel, Brèves observations sur la nature juridique du contrat d’interconnexion de réseaux de télécomunications, Lex Electronica, Nru 4/1998, fuq www.lex‑.
74 – Dejjem skont l-informazzjoni tad-deċiżjoni Finlandiża tal-11 ta’ Diċembru 2006 li huma esposti mill-Korkein hallinto‑oikeus.

Full & Egal Universal Law Academy